Navigation path

Approċċi inklussivi

Xi gruppi fis-soċjetà jiffaċċjaw diskriminazzjoni meta jkunu qegħdin ifittxu xogħol, kif ukoll fuq il-post tax-xogħol. Dawn jinkludu nisa, ħaddiema anzjani, minoritajiet u immigranti, fost l-oħrajn. Sabiex jgħinu lil gruppi bħal dawn u lil oħrajn, proġetti tal-FSE jippromwovu miżuri ta’ inklużjoni attiva li tinvolvi serje ta’ passi sabiex takkompanjahom lejn impjieg.

Filwaqt li ħafna minn dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol jeħtieġu biss għajnuna b'ħiliet ġodda jew biex isibu esperjenzi ta' xogħol, persuni aktar żvantaġġati jista' jkollhom bżonn ta' appoġġ aktar intensiv. Dan jista’ jinvolvi ‘mogħdijiet integrati għax-xogħol’ – dan ifisser l-għoti ta’ appoġġ personali individwali sabiex jiġu ggwidati f’xogħol, jew biex itejbu l-benesseri tagħhom. L-għoti ta’ parir fuq ħtiġijiet u tamiet individwali jista’ jiġi segwit b’għajnuna fil-kisba tal-ħiliet ix-xierqa, imbagħad bl-akkompanjament tal-parteċipant fit-tfittxija għal xogħol u fil-proċess ta’ applikazzjoni għal xogħol – u fl-għoti ta’ appoġġ ta’ segwiment, spiss f’kooperazzjoni ma' min jimpjega. Aċċess aħjar għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali u appoġġ għall-kura tat-tfal jiffurmaw parti minn dan il-proċess. Bosta proġetti tal-FSE qegħdin jimplimentaw miżuri ta’ ‘inklużjoni attiva’ bħal dawn.

  • Bosta proġetti tal-FSE qegħdin jiġġieldu d-diskriminazzjoni li n-nies jiffaċċjaw huma u jfittxu xogħol u fuq il-post tax-xogħol. Attivitajiet jinkludu l-ħolqien ta’ mogħdijiet għad-dħul mill-ġdid u għall-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg għal gruppi li jbatu minn diskriminazzjoni, pereżempju fi proġetti li jaħdmu ma’ impjegaturi biex jidentifikaw opportunitajiet tax-xogħol għan-nisa u għal tfal żgħar.
Istockphoto/19638144
  • Oħrajn qegħdin jaħdmu fuq il-ħolqien ta’ kultura ta’ diversità fuq il-post tax-xogħol biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u titqajjem kuxjenza. Eżempji jinkludu żjarat u workshops li jiġu organizzati bejn persuni żgħażagħ immigranti li qegħdin ifittxu xogħol u l-pulizija lokali u s-servizzi tat-tifi tan-nar - immirati sabiex iħeġġuhom jikkunsidraw is-servizz pubbliku bħal karriera.

Il-proġetti tal-FSE qegħdin jgħinu lil firxa kbira ta’ nies li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet u diskriminazzjoni. Ommijiet li jħarsu 'l quddiem biex jirritornaw għad-dinja tax-xogħol wara li jkollhom it-tfal, iżda li l-obbligi tal-kura tat-tfal tagħhom ma jkunux milqugħin minn min iħaddimhom; nies akbar fl-età li jkollhom ħiliet kbar iżda ma jingħatawx promozzjoni biex minflok, il-promozzjoni tingħata lil ħaddiema iżgħar minnhom; immigranti li ssir diskriminazzjoni kontrihom minn dawk li potenzjalment jistgħu jħaddmuhom, minn min iħaddimhom jew minn kollegi; nies b’mard kroniku, jew dawk li ħarġu mill-ħabs. Dawn huma gruppi ta' nies li jsofru minn diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol – biex isibu xogħol, meta jippruvaw iżommu x-xogħol, u biex javvanzaw fix-xogħol tagħhom.