breadcrumb.ecName

It-tim MMB jirbaħ il-Gran Sfida tal-Polonja għall-iżvilupp ta’ teknoloġija tal-enerġija eolika

  • 16 Mar 2022
Aneta Ruzik, maniġer tal-programm għall-Gran Sfida tal-Polonja – Enerġija, titkellem ma’ Panorama dwar l-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni, li ntrebħet mit-tim MBB ta’ Gdańsk, immexxi mill-Professur Krzemiński, għall-aħjar prototip ta’ impjant domestiku tal-enerġija eolika. Il-Gran Sfida – Enerġija kienet kompetizzjoni miftuħa għall-innovaturi, l-inventuri, ir-riċerkaturi, l-istudenti, li tiffoka fuq l-enerġija rinnovabbli. L-isfida kienet li jiġi ddisinjat u ppreżentat apparat ġdid li jibdel ir-riħ fl-enerġija elettrika u jaħżen l-enerġija bl-aktar mod effiċjenti. Il-kompetizzjoni għandha l-għan li tindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi relatati mat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, billi ssib soluzzjonijiet lokali u faċli biex jiġu implimentati biex jitnaqqsu t-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Is-soluzzjoni żviluppata fl-isfida tista’ tipprovdi mezz għall-aċċess tal-elettriku lil hinn mill-grilja u fuq kollox tikkontribwixxi għall-iffrankar fl-unitajiet domestiċi. Ir-rebbieħ ingħata premju ta’ PLN Miljun mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR).
It-tim MMB jirbaħ il-Gran Sfida tal-Polonja għall-iżvilupp ta’ teknoloġija tal-enerġija eolika

Tista’ tispjega x’inhi l-inizjattiva tiegħek u kif ġejt b’din l-idea? 

Il-Gran Sfida Enerġija hija formula unika li tirreferi għall-kompetizzjonijiet tat-tip ta’ Gran Sfida mibdija fl-2004 mid-DARPA tal-Istati Uniti ( Aġenzija tal-Proġettita’ Riċerka Avvanzata fid-Difiża). Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Polonja għar-Riċerka u l-Iżvilupp (NCBR) f’konsultazzjoni ma’ esperti xjentifiċi stabbilixxa sfida ta’ riċerka fl-2019 bħala rispons teknoloġiku għal problema soċjali u enerġetika kbira.

Aħna stedinna grupp wiesa’ ta’ parteċipanti, inklużi innovaturi, studenti u klabbs tal-istudenti, inventuri mhux professjonisti u dilettanti, biex insolvu din l-isfida. Għall-kuntrarju tal-programmi l-oħra tal-NCBR iffinanzjati mill-UE organizzati taħt formula ta’ għotja, il-Gran Sfida Enerġija hija mmirata lejn l-individwi. Bis-saħħa tal-formula miftuħa, tal-ammont minimu ta’ formalitajiet u tal-ispejjeż relattivament baxxi biex tiġi solvuta l-isfida, kull inventur kellu l-opportunità li jipparteċipa. 

L-implimentazzjoni tal-isfida kienet iggwidata mill-għan li jiġu stimulati l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet rivoluzzjonarji fil-qasam ta’ installazzjonijiet fuq skala żgħira u effettivi li jużaw l-enerġija mir-riħ u – b’mod fakultattiv – il-ħżin tal-enerġija. 

Ġiet stabbilita problema speċifika ta’ riċerka għall-parteċipanti tal-Gran Sfida Enerġija. Il-kompitu kien li l-enerġija mir-riħ tiġi kkonvertita fl-elettriku bl-aktar mod effiċjenti bl-użu tal-għażla fakultattiva tal-ħżin tal-enerġija. It-teknoloġiji żviluppati bħala parti mill-Gran Sfida għandhom l-opportunità li juru l-valur tagħhom f’diversi postijiet: mhux biss fid-djar tagħna, iżda wkoll, pereżempju, f’bini pubbliku, f’ċentri tal-agrituriżmu, rifuġji fil-muntanji, passaġġi taħt l-art u mini ferrovjarji. Għalhekk, il-proġett se jgħin fil-promozzjoni tal-enerġija li tuża sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’ħafna aspetti ta’ ħajjitna. 

X’kienu l-akbar sfidi li ffaċċjawjt fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment?

L-akbar sfida kienet tikkonċerna l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni teknoloġika, li hija ħafna aktar diffiċli minn, pereżempju, l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni fl-isport. Din id-diffikultà tirriżulta mill-ħtieġa li jintgħażlu kif xieraq kriterji u parametri li jistgħu jitkejlu li jippermettu valutazzjoni oġġettiva tal-firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet proposti mill-parteċipanti. 

Sfida oħra kienet relatata mat-tħejjija ta’ sistemi artifiċjali ta’ kejl tar-riħ għall-51 mitħna tar-riħ li kkompetew fis-semifinali. Minkejja l-isfidi li ltqajna magħhom, tajna prova li l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni għat-teknoloġija hija fil-fatt fattibbli. 

It-tim rebbieħ ippreżenta l-aħjar prototip ta’ impjant domestiku tal-enerġija eolika. X’kien daqshekk speċjali dwar din it-teknoloġija l-ġdida? Dan jista’ jintuża bħala soluzzjoni reali għall-futur?

It-tim MMB minn Gdańsk, immexxi mill-Professur Zbigniew Krzemiński, kien ir-rebbieħ. It-tim rebbieħ huwa magħmul minn speċjalisti b’involviment ta’ kuljum fid-disinn ta’ sistemi elettroniċi, elettronika tal-enerġija u apparati ta’ propulsjoni. L-esperjenza miksuba ħalliet il-frott matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Gran Sfida.

Il-mitħna tar-riħ li ġiet żviluppata flimkien mas-sistema hija bbażata primarjament fuq għarfien espert estensiv fil-qasam tad-disinn, tad-dimensjonar u tal-kalkolu tal-bilanċ tal-enerġija u tal-bilanċ tal-effiċjenza permezz tal-konverżjoni tal-enerġija mir-riħ f’elettriku. 

Il-park eoliku maħluq mit-tim huwa mgħammar b’turbina ta’ enerġija għolja. Kull stadju tal-konverżjoni tal-enerġija huwa mibni b’tali mod li jiżgura effiċjenza għolja. Din tuża algoritmi għall-aqwa kontroll possibbli tat-turbini f’kundizzjonijiet ta’ stat stabbli li jqisu l-ħżin tal-enerġija. L-apparat jaħdem mingħajr ebda limitazzjoni tal-qawwa fi rjieħ qawwija u juża l-enerġija massima mir-riħ b’veloċitajiet baxxi u għoljin. Matul il-finali, il-mitħna tar-riħ rebbieħa ġġenerat sa 1.7 kWh ta’ enerġija, filwaqt li dik li ġiet it-tieni ġġenerat taħt il-1 kWh, għalhekk ir-rebħa ma kinitx aċċidentali. 

Il-kompetizzjoni bbenefikat mill-għajnuna finanzjarja tal-UE. Kif sirt taf dwar il-fondi tal-UE u l-inizjattivi kofinanzjati tal-UE?

Iva, il-fondi tal-UE kienu l-pedament għat-twettiq ta’ din il-kompetizzjoni u għamluha possibbli li jiġi ffinanzjat il-premju. Aħna kuntenti ħafna li l-Unjoni Ewropea tappoġġa l-finanzjament ta’ dawn it-tipi ta’ inizjattivi, li bis-saħħa tagħhom nistgħu nżidu l-potenzjal għall-innovazzjoni u noħolqu ambjent għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda. L-NCBR jissorvelja fuq bażi kontinwa l-opportunitajiet għall-finanzjament tax-xogħol ta’ riċerka u żvilupp li jinvolvi l-użu ta’ fondi Ewropej. 

Għandek proġetti oħra ta’ dan it-tip f’moħħok għall-futur? Jew forsi t-tieni edizzjoni tal-Gran Sfida? 

Żgur se nkunu qed norganizzaw kompetizzjonijiet oħra f’diversi oqsma, kemm fil-qasam tat-teknoloġija, iżda potenzjalment se jinvolvu wkoll il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet jew kunċetti fl-oqsma ta’, fost l-oħrajn, l-IT, l-agrikoltura, is-sigurtà jew il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-formula tal-Gran Sfidi hija mod effettiv kif jinkisbu teknoloġiji ġodda għal nefqa finanzjarja relattivament żgħira u waħda li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, minħabba li kull min għandu idea għal soluzzjoni jista’ jieħu sehem fil-kompetizzjoni. Din it-tip ta’ kompetizzjoni hija wkoll ta’ divertiment kbir u timmobilizza ħafna lis-suq, u għalhekk irridu li din tkompli. 

Sir af aktar:

Il-Gran Sfida – Enerġija (bil-Pollakk)