breadcrumb.ecName

It-30 sena anniversarju tal-Fond ta' Koeżjoni: €179 biljun għall-konverġenza u l-iżvilupp sostenibbli

  • 03 April 2023
It-30 sena anniversarju tal-Fond ta' Koeżjoni: €179 biljun għall-konverġenza u l-iżvilupp sostenibbli

Illum, niċċelebraw it-30 sena anniversarju tal-Fond ta' Koeżjoni.

F'dawn l-aħħar 30 sena, il-Fond ta' Koeżjoni investa kważi €179 biljun fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE.

Il-Fond ta' Koeżjoni, li nħoloq fit-Trattat ta' Maastricht bħala komplement meħtieġ għas-Suq Uniku fis-sett ta' għodod tal-Politika ta' Koeżjoni, ngħata l-missjoni li jappoġġa l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport u fil-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent. It-titjib tal-provvista tal-ilma u t-trattament tal-iskart, l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tat-toroq u tal-linji ferrovjarji huma fost il-miri primarji tiegħu.

Il-Fond jiffoka fuq l-Istati Membri b'ING taħt id-90 % tal-medja tal-UE biex jagħti spinta lill-konverġenza bejn l-ekonomiji Ewropej. L-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni, bħall-finanzjament kollu taħt il-Politika ta' Koeżjoni, ikkontribwixxa għaż-żieda fl-introjti nazzjonali tal-pajjiżi benefiċjarji. L-Irlanda u Spanja kienu l-ewwel pajjiżi li raw l-ING tagħhom jogħla aktar mil-livell limitu ta' eliġibbiltà ta' 90 % tal-medja tal-UE.

Pontijiet, metros, ajruporti, ferroviji ta' veloċità għolja, u ħafna aktar

Il-Fond ta' Koeżjoni ffinanzja proġetti ikoniċi li ttrasformaw reġjuni u bliet sħaħ, u għenuhom ilaħħqu mal-bqija tal-UE. Pereżempju, fl-1998, il-Fond appoġġa l-bini tal-pont “Vasco da Gama” f'Liżbona, il-Portugall, li huwa twil 12.3 km u huwa l-itwal pont fl-UE. Appoġġa wkoll id-“Diga ta' Alqueva” fix-Xmara Guadiana, fin-Nofsinhar tal-Portugall, li hija waħda mill-akbar riżervi strateġiċi tal-ilma fl-Ewropa.

Il-Fond kellu wkoll rwol importanti fl-iżvilupp tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), billi appoġġa l-bini u l-aġġornament ta' 7,800 km ta' toroq TENT-T, 3,650 km ta' linji ferrovjarji TEN-T, u ħafna akwedotti u mini.  Iffinanzja l-itwal mina ferrovjarja fix-Xlokk tal-Ewropa, li qed tinbena bejn Elin Pelin – Vakarel – Kostenets fil-Bulgarija.  Appoġġa wkoll it-tieni linja ferrovjarja bejn Koper (il-port Adrijatiku ewlieni tas-Slovenja) u Divača li se żżid b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-merkanzija u tiżgura l-konnessjoni man-network ferrovjarju Awstrijak.

Fi Spanja, il-Fond ta' Koeżjoni għen fil-bini tan-network modern ta' ferroviji ta' veloċità għolja tal-pajjiż. Il-linja ta' veloċità għolja Madrid–Barċellona–il-fruntiera Franċiża, b'tul totali ta' 804 kilometri, hija waħda mill-assi ta' komunikazzjoni ewlenin bejn Spanja u l-bqija tal-Ewropa.

Bis-saħħa tal-Fond, il-linja ferrovjarja Varsavja–Gdynia fil-Polonja tejbet it-trasport tal-passiġġieri fuq il-Kuritur Baltiku-Adrijatiku, filwaqt li vetturi ferrovjarji moderni joperaw bejn l-ibliet ewlenin tal-Polonja.

Il-Fond investa wkoll fi trasport pubbliku sostenibbli fl-ibliet, pereżempju fil-metrò ta' Varsavja, Budapest, Bukarest, Sofija u Praga. Fi Bratislava, il-linja tat-tramm ta' Petrzalka bil-pont famuż tagħha nbniet b'appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni.

Barra minn hekk, il-Fond għen fil-bini ta' ajruporti biex il-pajjiżi li ssieħbu fl-UE fis-snin 2000 ikunu konnessi aħjar. L-ajruporti ta' TallinnVarsavja, Wroclaw, u Rzeszow huma biss xi ftit eżempji ta' dan. 

Nindirizzaw it-tibdil fil-klima u nipproteġu l-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini

Il-Fond appoġġa wkoll investimenti fl-infrastruttura, fosthom il-konnessjoni ta' 6 miljun persuna ma' ilma tax-xorb nadif u 10.5 miljun persuna mat-trattament tal-ilma mormi. Appoġġa wkoll ir-riċiklaġġ tal-iskart ta' 4.2 miljun tunnellata ta' skart urban.

Proġett ta' importanza ambjentali kbira għal ekonomija ekoloġika u sostenibbli, li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' eluf ta' ċittadini, huwa l-impjant tat-trattament tal-iskart f'Alexandroupolis, fil-Greċja, li ppermetta t-tnaqqis ta' 60 % fl-iskart miġbur minn erba' muniċipalitajiet tal-prefettura ta' Rodopi u żewġ muniċipalitajiet tal-prefettura ta' Evros.

L-Infrastruttura tat-Trattament tad-Drenaġġ tan-Nofsinhar f'Malta u l-ġestjoni tal-ilma għall-akbar agglomerazzjonijiet fil-Latvja tejbu t-trattament tal-ilma mormi u l-kwalità tal-ilma tax-xorb għaċ-ċittadini.

Fil-qasam tal-enerġija nadifa, il-Fond ta' Koeżjoni appoġġa l-installazzjoni ta' teknoloġiji li jużaw l-enerġija rinnovabbli fil-Litwanja li jipproduċu l-elettriku għal kważi 20,000 unità domestika.

II-Fond investa wkoll fil-protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti għal 8.3 miljun persuna kif ukoll fil-protezzjoni kontra l-għargħar għal 11.4 miljun persuna. Dan jinkludi l-bini ta' sistema ta' protezzjoni kontra l-għargħar u ġibjun għall-protezzjoni taż-żona tal-parti ta' fuq ta' Tisza kontra l-għargħar tax-Xmara Tisza, fl-Ungerija.

Elisa Ferreira, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi

Il-Fond ta’ Koeżjoni ta spinta lill-konverġenza, il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli, u lis-suq intern. Huwa kontributur ewlieni għal kundizzjonijiet aktar ekwivalenti fl-Unjoni tagħna u huwa wieħed mill-aktar mezzi eżemplari ta’ appoġġ tal-UE: pontijiet ikoniċi, linji ferrovjarji u metros effiċjenti u moderni, ajruporti, kif ukoll trattamenti tal-iskart u tal-ilma li kienu appoġġati b’dan il-Fond tejbu l-ħajja ta’ miljuni ta’ Ewropej u mmodernizzaw pajjiżi sħaħ.

Sfond

L-“Istrument finanzjarju ta' Koeżjoni”, kif kien inizjalment imsejjaħ il-Fond ta' Koeżjoni, ġie stabbilit fl-1 ta' April 1993, u daħal fis-seħħ fl-1994 biex isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u l-irkupru tal-pajjiżi mal-bqija tal-UE.

Il-benefiċjarji oriġinali mill-Fond ta' Koeżjoni kienu l-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja (1994-99): imbagħad, mill-2004, iċ-Ċekja, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija; il-Bulgarija u r-Rumanija (mill-2007); u l-Kroazja (mill-2013).

Il-baġit tal-Fond ta' Koeżjoni espanda b'mod sinifikanti mit-tkabbir tal-2004: €18-il biljun fl-1994-1999, 30.6 biljun fl-2000-2006, 68.5 biljun fl-2007-2013 u 61.4 fl-2014-20.

Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021–2027, aktar minn 37 % tal-allokazzjoni ta' €48.03 biljun tal-Fond se tappoġġa objettivi klimatiċi. Dan jinkludi €6.9 biljun għal trasport urban nadif, €3.3 biljun għal effiċjenza enerġetika u €16.9 biljun għal investimenti f'linji ferrovjarji u toroq TEN-T.

Il-Fond ta' Koeżjoni bħalissa huwa ta' benefiċċju għal 15-il Stat Membru b'Introjtu Nazzjonali Gross (ING) per capita taħt id-90 % tal-medja tal-UE fiż-żmien tal-ftehim tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027: il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Ċipru, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija.

Aktar informazzjoni