Il-finanzjament tal-UE għall-iżvilupp reġjonali u soċjali huwa sors importanti għal proġetti ewlenin ta’ investiment.
F’xi pajjiżi tal-UE li nkella jkollhom mezzi limitati, il-finanzjament Ewropej jiffinanzja sa 80 % tal-investiment pubbliku. Madankollu, l-infiq reġjonali tal-UE ma jgħinx biss lir-reġjuni ifqar. Dan jinvesti f’kull reġjun u pajjiż tal-UE, filwaqt li jagħti spinta lill-ekonomija tal-UE kollha kemm hi.
Il-Politika ta’ koeżjoni hija politika li kull reġjun u pajjiż fl-UE jirbaħ minnha. Ir-reġjuni kollha tal-UE, mhux biss l-ifqar, igawdu minn benefiċċji kbar minnha.
Irrispettivament minn liema pajjiż tgħix fih, agħti daqqa t’għajn sew madwarek u ċertament se tinnota skola, pont, sptar, port jew kwalunkwe proġett ieħor li bbenefika minn finanzjament tal-UE u għamel differenza f’ħajtek. Dawn huma biss xi eżempji ta’ x’tista’ tagħmel il-politika ta’ koeżjoni. L-effetti tagħha huma bla limitu u qed jikbru maż-żminijiet.
Evalwazzjoni indipendenti tal-esperti sabet li l-investimenti fil-Politika ta’ koeżjoni matul il-perjodu 2007-2013 kellhom riżultati sostanzjali u tanġibbli. Dawn ivarjaw minn ħolqien ta’ impjiegi, prodotti ġodda mnedija fis-suq, impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi reġjonali u żieda fil-Prodott Domestiku Gross (PDG).
Pereżempju, l-evalwazzjoni wriet li r-redditu fuq l-investiment sal-2023 se jkun ta’ EUR 2.74 għal kull euro investit bejn l-2007 u l-2013, jiġifieri redditu ta’ 274 %. Dan jindika li l-Politika ta’ koeżjoni se tkun responsabbli għal kważi EUR 1 triljun ta’ PDG addizzjonali sal-2023. L-effett huwa ta’ skala simili għall-baġits kollha tal-UE għall-perjodi 2007-13 (EUR 975.8 biljun) u 2014-2020 (EUR 908.4 biljun).
Il-figuri huma ċari. Aktar minn 1 200 000 impjieg inħolqu permezz tal-investimenti fil-politika ta’ koeżjoni sa tmiem l-2015. Ġew appoġġjati kważi 120 000 proġett ta’ riċerka u innovazzjoni. 121 400 negozju ġdid irċevew appoġġ finanzjarju permezz tal-programmi 2007-2013, kif ukoll numru stmat ta’ 400 000 intrapriża żgħira u medja.L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fil-pajjiżi tal-UE jagħżlu proġetti li jaħsbu li jistgħu jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom f’konformità mal-istrateġiji u l-prijoritajiet miftiehma mal-Kummissjoni.
Għall-2014-20, l-UE allokat aktar minn EUR 460 biljun għall-infiq reġjonali. Dan għandu jirriżulta fi:
L-ammont li kull pajjiż jikkontribwixxi għall-baġit tal-UE jiddependi fuq id-daqs tal-ekonomija tiegħu. Fl-2017, 11-il pajjiż tal-UE – dawk l-aktar sinjuri – ħallsu aktar għall-baġit tal-UE minn dak li rċevew lura bħala finanzjament mill-UE.
Madankollu, bħala korrispettiv għall-kontribuzzjoni akbar tagħhom, dawn il-pajjiżi jgawdu wkoll mid-diversi benefiċċji li dawn il-flus jipprovdu lill-pajjiżi kollha tal-UE – paċi u stabbiltà kemm fi ħdan l-UE kif ukoll madwarha, sigurtà, infrastruttura aħjar u l-libertà li wieħed jgħix, jaħdem, jistudja u jivvjaġġa kullimkien fil-blokk.
Barra minn hekk, il-Politika ta’ koeżjoni tinvesti f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, li jfisser li l-Istati Membri l-aktar sinjuri jirċievu wkoll finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni tal-UE.
Minbarra l-investiment dirett, il-pajjiżi l-aktar sinjuri jibbenefikaw ukoll mill-effetti pożittivi (“riperkussjonijiet”) tal-proġetti ffinanzjati mill-UE implimentati fi stati inqas żviluppati.
Il-kuntratti għall-implimentazzjoni ta’ proġetti f’reġjun inqas żviluppat ħafna drabi jingħataw lil ditti mill-hekk imsejħa pajjiżi “kontributuri netti” (jew “pagaturi netti”) [li jfisser il-pajjiżi li jħallsu aktar għall-baġit tal-UE milli jirċievu]. Pereżempju, għadd ta’ kumpaniji tal-kostruzzjoni mill-Ġermanja u l-Awstrija għandhom preżenza sinifikanti fl-Ungerija, is-Slovakkja u ċ-Ċekja.
Il-kummerċ huwa wkoll affettwat b’mod pożittiv. L-esportazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi huma msaħħa fi Stati Membri aktar sinjuri permezz taż-żieda fl-attività ekonomika fil-pajjiżi benefiċjarji kkawżata mill-Politika ta’ koeżjoni. Huwa stmat li għal kull euro li ntefaq fil-pajjiżi li bbenefikaw mill-politika fil-perjodu 2007-2013, 9 ċenteżmi tal-euro spiċċaw f’pajjiżi li ma jirċevux appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni.
Il-valuri tal-UE jinsabu fil-qalba tal-proġetti ffinanzjati mill-Politika ta’ koeżjoni tal-UE. Prinċipji bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri jew in-nondiskriminazzjoni huma wkoll aktar prominenti fil-pakkett leġiżlattiv il-ġdid propost għall-perjodu ta’ wara l-2020. Pereżempju, il-ħarsien ta’ dawn il-prinċipji huwa obbligatorju b’rabta mal-għażla tal-proġetti.
Il-proġetti ffinanzjati mill-UE nfushom huma mezz ta’ tixrid tal-valuri tal-UE fil-prattika madwar l-Ewropa kollha, kemm jekk dawn il-valuri huma speċifikament imsemmija fil-proġetti kif ukoll jekk le. Barra minn hekk, billi nibnu Ewropa aktar sinjura, il-Politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-libertà u d-demokrazija fis-soċjetajiet tagħna.
Ġeneralment, l-iżbalji fl-infiq tal-UE huma ta’ natura amministrattiva fejn ir-regoli ta’ nfiq ma ġewx segwiti b’mod korrett, pereżempju meta dokumenti jkunu neqsin. Din mhijiex frodi, u dawn l-iżbalji ġeneralment ma jdgħajfux ir-riżultat finali ta’ proġett.
Il-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jirrappurtaw is-suspetti kollha ta’ frodi bil-flus tal-UE lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Dawn huma biss numru żgħir ħafna ta’ każijiet fis-sena, minn diversi mijiet li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżamina kull sena.
Skont l-OLAF, l-irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-finanzjament ta’ Koeżjoni bilkemm ammontaw għal 1.8 % tal-pagamenti bejn l-2013 u l-2017. Frazzjoni żgħira ħafna biss ta’ dawn l-irregolaritajiet instabet li kienet frawdolenti.
Il-perċentwal ta’ irregolaritajiet kien kostantament qed jonqos matul l-aħħar snin. Dispożizzjonijiet regolatorji għall-perjodu 2014‐2020 isaħħu b’mod sinifikanti l-miżuri għall-prevenzjoni u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE minn nefqa irregolari saħansitra akbar.
Peress li kważi 75 % tal-infiq tal-UE huwa ġestit b’mod konġunt kemm mill-Kummissjoni tal-UE kif ukoll milll-gvernijiet tal-UE, dawn il-gvernijiet jaqsmu r-responsabbiltà biex jiġu mminimizzati l-iżbalji. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mill-qrib ħafna magħhom biex tiżgura li l-flus jintefqu b’mod effettiv u effiċjenti.
Min-naħa tagħha, jekk il-Kummissjoni tiskopri li l-flus tal-UE ntefqu b’mod mhux korrett, din tieħu azzjoni. Pereżempju, fl-2017, fejn jidħlu l-fondi mħallsin lill-benefiċjarji fl-UE kollha u lil hinn minnha, EUR 2.8 biljun bħala finanzjament ġew irkuprati mill-Kummissjoni jew indirizzati mill-ġdid għal proġetti oħra.
Diversi organizzazzjonijiet jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjament reġjonali. Dawn jinkludu korpi pubbliċi, xi organizzazzjonijiet tas-settur privat (speċjalment negozji żgħar), universitajiet, assoċjazzjonijiet, NGOs u organizzazzjonijiet volontarji. Id-ditti barranin b’bażi fir-reġjun koperti mill-programm operazzjonali rilevanti jistgħu japplikaw ukoll, sakemm dawn jissodisfaw ir-regoli Ewropej dwar l-akkwist pubbliku.
Ikkuntattja lill-awtorità maniġerjali tiegħek għal aktar informazzjoni dwar min jista’ japplika fir-reġjun tiegħek u b’liema mod.
Il-promoturi tal-proġetti fil-pajjiżi li huma kandidati jew kandidati potenzjali għall-isħubija tal-UE għandhom jikkuntattjaw lill-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-finanzjament jingħata lil proġetti, allura biex tkun eliġibbli għall-finanzjament trid tiżviluppa proġett, li mbagħad se tirċievi fi stadji differenti tal-proċess.
Skont il-Qorti tal-Awdituri, l-awditur estern indipendenti tal-UE, fl-2018, l-hekk imsejħa “rata ta’ assorbiment” għall-2007-2013 kienet ta’ 97.2 %. Din hija rata aħjar meta mqabbla ma’ dik tal-perjodu 2000-2006 (96 %).
Dan ma jistax jiġri taħt ir-regolamenti l-ġodda għall-perjodu ta’ wara l-2020 peress li: