Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Il-Professur Philippe Hartemann, is-Sedja tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa jew dawk Identifikati Reċentement

Il-Professur Philippe Hartemann, is-Sedja tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa jew dawk Identifikati Reċentement

F'April 2013, membri ġodda tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) ġew nominati għall-perjodu 2013-2016 fil-Lussemburgu.

Il-membri tal-Kumitat ġew magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea bħala esperti indipendenti abbażi tal-għarfien xjentifiku eċċellenti tagħhom permezz ta’ sejħa pubblika għal espressjoni ta’ interess. Huma għandhom jiggarantixxu wkoll li ma għandhomx konflitt ta' interess li hu kriterju li jeskludihom. Minbarra d-dikjarazzjoni bil-miktub dwar kwalunkwe konflitt ta' interess ippreżentat waqt in-nomina tagħhom, il-membri u l-esperti esterni li jaħdmu għal SCENIHR jeħtiġilhom jipprovdu kull sena dikjarazzjonijiet bil-miktub li jikkonfermaw dan u jiddikjaraw verbalment matul kull sessjoni, u għal kull kwistjoni eżaminata, kwalunkwe konflitt ta' interess possibbli. Id-dikjarazzjonijiet jiġu vvalutati mis-Segretarjat, mis-Sedja u minn membri oħrajn sabiex jiġi eskluż kull konflitt ta' interess mal-lista tal-aġenda. Is-CVs u d-dikjarazzjonijiet huma pubblikament disponibbli fil-websajt tal-Kumitati Xjentifiċi.

Minħabba l-kumplessità tal-opinjonijiet rikjesti, jiġi organizzat grupp ta' ħidma ad hoc għal kull tema, li jirrekluta wħud mill-membri tal-kumitat u wħud mill-esperti esterni magħżulin abbażi tal-eċċellenza tagħhom, bħall-kompetenzi esperti tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment, il-pubblikazzjonijiet rieżaminati mill-pari marbutin mat-tema, u l-indipendenza tagħhom.

Il-mandat ta' SCENIHR hu li jagħti parir lill-Kummissjoni Ewropea dwar Riskji Emerġenti u Riskji Identifikati Reċentement, kwistjonijiet wesgħin, kumplessi jew multidixxiplinarji li jeħtiġilhom valutazzjoni komprensiva u kwistjonijiet li mhumiex koperti minn entitatjiet oħrajn. Dawn jinkludu pereżempju, in-Nanoteknoloġiji, il-Kampijiet Elettromanjetiċi, l-Istrumenti Mediċi, ir-Resistenza Antimikrobika, l-Inġinerija taċ-Ċelluli tat-Tessut Uman, il-Bijoloġija Sintetika, il-Prodotti tad-Demm, l-Interazzjoni tal-fatturi ta' riskju, l-effetti Sinerġiċi u ħafna oħrajn. B'hekk, ħafna opinjonijiet jeħtiġilhom il-parteċipazzjoni tal-membri minn kumitati oħrajn u/jew entitajiet ta' valutazzjoni oħrajn.

Attwalment qed jitħejjew seba' opinjonijiet, opinjoni preliminari waħda tinsab għall-konsultazzjoni pubblika: is-sikurezza tal-Impjanti tas-Silikon għas-Sider tal-PIP (aġġornament 2013) u oħra dalwaqt tkun ippubblikata: is-sikurezza, is-saħħa u l-effetti u rwol ambjentali fir-reżistenza antimikrobika tan-nanofidda. Għadu kif beda x-xogħol fuq il-Bijoloġija Sintetika, filwaqt li sitt opinjonijiet oħrajn jinsabu fil-fażi finali u se jiġu approvati għall-konsultazzjoni pubblika fil-ftit xhur li ġejjin. Ħamsa minnhom qed jittrattaw id-DEHP tal-Istrumenti Mediċi, il-Bisfenol A, in-Nanomaterjali, l-Amalgama Dentali u l-materjali alternattivi tar-restawrazzjoni dentali u l-Metall fuq il-bdil tal-ġogi tal-metall b'enfasi fuq il-proteżijiet tal-ġogi tal-koxxa. L-opinjoni l-oħra hi relatata mal-effetti fuq is-saħħa tal-Kampijiet Elettromanjetiċi (aġġornament 2013).

Waħda mill-isfidi ewlenin hu li tingħata tweġiba għar-rikjesti mid-Dipartimenti tal-Kummissjoni fi żmien qasir dwar kwistjonijiet kumplessi ta' din ix-xorta; kultant eluf ta' pubblikazzjonijiet jeħtiġilhom li jiġu eżaminati mill-ġdid skont ir-regoli tagħna dwar l-użu tal-letteratura xjentifika għal valutazzjoni tar-riskju li jagħmlu użu ta' strateġija li tiżen l-evidenza.

SCENIHR hu magħmul minn xjentisti u esperti dwar is-saħħa pubblika b'esperjenza estensiva li huma kburin li jaħdmu għall-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej. L-isfond u l-oqsma ta' kompetenzi esperti tagħhom jistgħu jservu biex jipprovdu ġudizzju floku u indipendenti dwar riskji potenzjali ġodda jew emerġenti għas-saħħa, u b'hekk jiżguraw is-saħħa u s-sikurezza f'ambjent li jinbidel kontinwament.

Is-sikurezza tal-Impjanti tas-sider b'silikon tal-PIP – Opinjoni preliminari ta' Ottubru 2013

SCENIHR ġie mitlub mill-Kummissjoni biex jaġġorna l-opinjoni preċedenti dwar is-Sikurezza tal-Impjanti tas-Silikon għas-Sider tal-PIP adottata fi Frar 2012. Fil-25 ta' Settembru 2013, l-opinjoni preliminari (aġġornament 2013) ġiet adottata, segwita minn konsultazzjoni pubblika li se tagħlaq fit-3 ta' Jannar.

Ammont kbir ta' dejta xjentifika addizzjonali, ir-riżultati ta' kwestjonarju Ewropew u r-rapporti magħmulin mill-Istati Membri ġew ikkunsidrati.

L-impjanti tas-sider mimlijin bil-ġell tas-silikon tal-PIP (l-impjanti PIP) ġew rapportati li kellhom prevalenza u inċidenza ogħla ta' ftuq tal-impjanti minn impjanti tas-sider magħmulin minn silikon ieħor, u li l-ftuq għandu wkoll tendenza li jseħħ kmieni wara li jsir l-impjant. Ir-riskju ta' ftuq tal-impjant jiżdied maż-żmien tal-impjantazzjoni. Il-kwantifikazzjoni taż-żieda fattwali fir-rata ta' falliment hi problematika minħabba li r-rati ta' falliment tal-impjanti li mhumiex tal-PIP mhumiex dokumentati biżżejjed.

L-analiżi tad-dejta tindika li l-qoxra/roqgħa jew il-proċess ta' manifattura għal għadd ta' impjanti tal-PIP kien ta' kwalità inferjuri li jista' jkun riflessjoni ta' varjazzjonijiet fil-proċess tal-manifattura.

Diversi silossani ċikliċi (magħrufin bħala D4, D5 u D6) ġew identifikati fl-istrumenti tal-PIP b'ħafna aktar konċentrazzjonijiet minn impjanti tas-sider ta' silikon ieħor. Dan wassal biex jiġu investigati l-konsegwenzi tossiċi possibbli tal-ħruġ tagħhom minn impjanti tal-PIP bi ħsara. Deher li dawn il-kimiċi jinsabu ta' spiss fil-ġisem tan-nisa anki dawk li ma għandhomx impjanti tas-sider. F'ċerti każijiet, tnixxija tal-ġell jew ftuq tal-impjant ġie assoċjat ma' reazzjoni ta' infjammazzjoni jew lokalment jew inkella fl-għoqod reġjonali tal-limfi. F'każijiet oħrajn, il-ftuq kien ħieles minn sintomi. La l-ftuq tal-impjant, lanqas l-infjammazzjoni lokali, ma nstabu li huma assoċjati mal-kanser tas-sider jew mal-limfoma anaplastika b'ċelluli wesgħin.

Filwaqt li jeżistu differenzi fir-rati ta' ftuq, ma teżistix evidenza li wieħed jista' joqgħod fuqha li l-impjanti miftuqin tal-PIP joħolqu riskju akbar minn dawk ta' impjant tas-sider miftuqin magħmula b'silikon ieħor minn manifattur ieħor.

F'każ ta' ftuq tal-impjant, hemm parir qawwi li dan jitneħħa. Minħabba l-preokkupazzjoni wiesgħa ta' ftuq mhux misjub, hemm ħtieġa għan-nisa b'impjanti tas-sider tal-PIP biex ifittxu eżaminazzjonijiet kliniċi regolari, u fejn jinsab li hu meħtieġ, pariri individwali u jittieħed ritratt ultrasonografiku jew MRI.

Fir-rigward tat-tneħħija ta' impjanti intatti tal-PIP bħala mezz ta' prevenzjoni, attwalment ma teżisti ebda dejta medika, tossikoloġika jew oħra li tiġġustifika li jsir dan. Madankollu, ibbażata fuq valutazzjoni individwali, it-tneħħija tal-impjant tista' tiġi kkunsidrata għal nisa li jesperjenzaw problemi psikoloġiċi minħabba li għandhom impjanti tas-sider tal-PIP, anki fin-nuqqas ta' funzjoni ħażina tal-impjant.

Tagħrif ġeneralipdf

Il-Kumitat Xjentifiku tar-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent

Fit-23 ta' Ġunju 2013, SCHER approva din l-opinjoni preliminari segwita b'konsultazzjoni pubblika u bi smigħ pubbliku fis-6 ta' Novembru. SCHER se jiffinalizza l-opinjoni billi jikkunsidra l-kummenti u s-suġġerimenti speċifiċi.

L-amalgama dentali, taħlita ta' merkurju u fidda, ilha tintuża għal aktar minn 150 sena għall-kura tal-ħofor fis-snien minħabba l-proprjetajiet mekkaniċi u d-dewmien eċċellenti tagħha, u hi t-tieni l-akbar użu ta' merkurju fl-UE. L-użu ta' materjali alternattivi qed jiżdied, jew minħabba l-proprjetajiet estetiċi tagħhom jew minħabba preokkupazzjonijiet allegati dwar is-saħħa rigward l-użu tal-amalgama dentali.

L-emissjonijiet mill-użu tal-merkurju fl-amalgama tal-mili tas-snien jistgħu jseħħu waqt il-preparazzjoni tal-amalgami u t-tneħħija u r-rimi sussegwenti tagħhom. It-tfigħ ta' merkurju fl-arja minn prattiki dentali hu stmat li hu madwar 20 tunnellata fis-sena, li hu b'mod sinifikanti anqas mit-tfigħ ikkawżat minn sorsi umani jew minn emissjonijiet naturali. Attwalment għad ma hawnx informazzjoni biżżejjed disponibbli biex issir valutazzjoni komprensiva ta' riskju għall-ambjent. Madankollu, il-merkurju mill-amalgama, b'mod ġenerali, ma jippreżentax riskju lill-ilmijiet tal-wiċċ Ewropej, u għad ma hawnx biżżejjed dejta disponibbli biex issir valutazzjoni tar-riskju għall-ħamrija u l-arja.

Il-merkurju li jirriżulta kemm mill-amalgama dentali kif ukoll minn ħafna sorsi oħrajn preżenti fl-ambjent globali jista' jittieħed min-nies inġenerali permezz tal-ikel, l-ilma u l-arja. Madankollu, il-merkurju preżenti fl-ambjent minn amalgami hu biss porzjon tassew żgħir tal-ammont totali li n-nies huma esposti għalih. Għalkemm ir-riskju ta' avvelenament fin-nies permezz tal-ikel ma jistax jiġi eskluż, dan ir-riskju hu minimizzat mil-leġiżlazzjoni dwar l-ikel tal-UE li teskludi oġġetti tal-ikel mis-suq li jaqbżu l-massimu aċċettabbli ta' konċentrazzjoni ta' merkurju u metalli oħrajn.

Inħarġet folja bil-fatti pdf bbażati fuq l-opinjoni preliminari.

Tagħrif ġenerali