Għaliex il-pjattaforma tal-ODR hija importanti għan-negozjanti
Il-pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni għat-Tilwim Online (ODR) hija pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel ix-xiri online aktar sikur u aktar ġust permezz ta’ aċċess għal għodod ta’ soluzzjoni għat-tilwim ta’ kwalità. Il-bejjiegħa bl-imnut u n-negozjanti online kollha fl-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein jew fin-Norveġja huma obbligati li jipprovdu link aċċessibbli faċilment għall-pjattaforma tal-ODR u indirizz tal-email għall-pjattaforma tal-ODR fejn wieħed jikkuntattjak (l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 ).
Jekk irċevejt notifika mill-pjattaforma tal-ODR, dan ifisser li konsumatur għandu problema mhux solvuta b’oġġett jew servizz mixtri mill-ħanut online tiegħek u għażel li juża l-pjattaforma tal-ODR biex isib soluzzjoni.
Sib soluzzjoni diretta mal-konsumatur
Il-konsumatur jista’ jagħżel li jikkondividi miegħek id-dettalji fl-abbozz tal-formola tal-ilmenti, qabel ma uffiċjalment iressaq l-ilment, biex jara jekk hijiex possibbli soluzzjoni diretta għat-tilwim (taħditiet diretti). Se tkun tista’ tiskambja messaġġi direttament permezz tad-dashboard tiegħek u tibgħat hemżiet bħal ritratti tal-prodott.
Solvi l-problema permezz ta’ korp għas-soluzzjoni tat-tilwim
Jekk in-notifika tkun tikkonċerna lment, dan ifisser li l-konsumatur jixtieq jirreferi l-problema lil korp approvat għas-soluzzjoni tat-tilwim. L-entitajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim elenkati fuq il-pjattaforma tal-ODR jissodisfaw standards stretti ta’ kwalità u indipendenza.
Korp għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa parti terza newtrali li tgħin lill-konsumaturi u lin-negozjanti jsolvu t-tilwim mingħajr konfrontazzjoni. Dawn normalment ikunu orħos u iktar rapidi minn proċeduri quddiem il-qorti.
Se jkollok 30 jum biex tiftiehem dwar korp għas-soluzzjoni tat-tilwim li jittratta l-każ tiegħek, sir af aktar . Jekk dan ma jirnexxix, il-konsumatur jingħata parir dwar għodod oħra li jipproteġu d-drittijiet tiegħu u jikseb rimedju.
Obbligi tal-kummerċjant
Jekk inti kummerċjant online fl-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda jew il-Liechtenstein, għandek dawn l-obbligi fir-rigward tal-pjattaforma tal-ODR. Dawn l-obbligi JAPPLIKAW GĦALL-KUMMERĊJANTI ONLINE KOLLHA kemm jekk beħsiebhom jużaw il-pjattaforma tal-ODR jew le:
- Trid tipprovdi b’mod ċar l-indirizz tal-email tiegħek fuq is-sit web tiegħek. Mhux biżżejjed li tipprovdi formola ta’ kuntatt interattiva.
- Trid tipprovdi link fis-sit web tiegħek għall-pjattaforma tas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim ec.europa.eu/consumers/odr. Din il-link trid tkun viżibbli u faċilment aċċessibbli fis-sit web.
Ibda uża l-ODR
Ir-reġistrazzjoni fuq il-pjattaforma tal-ODR tagħmilha aktar faċli għall-klijenti tiegħek biex ikellmuk jekk ikollhom problema. Se jgħinek tevita eskalazzjoni bla bżonn tal-ilmenti billi tirċevihom qabel ma l-konsumatur jirrikorri għal mekkaniżmi oħra biex isolvi t-tilwima tiegħu.
Jekk tirċievi talba mingħand il-klijent tiegħek permezz tal-pjattaforma tal-ODR, ikollok tirreġistra biex twieġeb.
Biex tirreġistra trid toħloq EU login
![](https://ec.europa.eu/consumers/odr/resources/public2/images/eu_login_create_account_mt.png)
13-Wara li toħloq l-EU login tiegħek, tittieħed lejn il-pjattaforma tal-ODR fejn trid toħloq organizzazzjoni fis-sit biex tkun tista’:
- Taċċessa s-sistema
- Toħloq/Tirċievi l-ilmenti permezz tal-pjattaforma tal-ODR
- Timmaniġġja l-utenti fl-organizzazzjoni tiegħek
- Taġġorna d-data personali tiegħek (eż. tbiddel l-indirizz tal-email li fih se jintbagħtu n-notifiki)
![](https://ec.europa.eu/consumers/odr/resources/public2/images/trad_create_org_mt.png)
Meta toħloq organizzazzjoni, il-membri kollha tal-organizzazzjoni tiegħek se jkollhom aċċess għad-dashboard u jkunu jistgħu jaraw l-ilmenti.
Ilmenta kontra konsumatur
Jekk inti kummerċjant ibbażat fl-UE jew fin-Norveġja, l-Iżlanda jew il-Liechtenstein, tista’ tuża wkoll il-pjattaforma tal-ODR biex tibgħat it-tilwima tal-konsumatur online tiegħek lil korp approvat ta’ soluzzjoni għat-tilwim.
Tista’ tilmenta biss kontra konsumatur jekk dan joqgħod fil- Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Polonja.
Biex toħloq ilment, l-ewwel trid tirreġistra fis-sistema u toħloq l-organizzazzjoni tiegħek. Jekk inti diġà rreġistrat, trid tilloggja. Meta tkun fuq id-dashboard tiegħek, ikklikkja “Oħloq ilment ġdid”.