Our planet, Our future

Soluzzjonijiet

Il-klima u n-natura

Azzjoni biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima tgħin biex tħares in-natura ta' madwarna u s-sistemi naturali li aħna kollha niddependu fuqhom. Billi nieħdu ħsieb il-ħamrija, il-foresti u l-ilmijiet tagħna, nistgħu nindirizzaw aħjar it-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu.

It-tibdil fil-klima għandu impatt fuq l-ambjent u s-soċjetà tagħna f'diversi modi. Ħafna pajjiżi tal-UE diġà ħejjew pjanijiet nazzjonali biex jindirizzaw dawn l-impatti. Minħabba li reġjuni differenti jiffaċċjaw problemi differenti, dawn il-pjanijiet iridu jiġu addattati għas-sitwazzjonijiet lokali u reġjonali.

Il-maħżen fenomenali tal-karbonju fil-ħamrija

Ħafna minna nqisu l-ħamrija taħt saqajna bħala sempliċiment ħmieġ, iżda l-ħamrija għandha rwol essenzjali fir-regolazzjoni tal-klima tad-dinja. Il-ħamrija taħżen il-karbonju, l-aktar fil-forma ta’ materja organika, u hi t-tieni l-akbar ġabra ta’ karbonju fid-Dinja, wara l-oċeani.

Hu stmat li 0.1% tal-karbonju li bħalissa jinsab maħżun fil-ħamrija Ewropea hu ekwivalenti għall-emissjonijiet annwali ta’ 100 miljun karozza.

Il-kapaċità tal-ħamrija li żżomm fiha l-ammonti kbar ħafna ta’ karbonju li hija taħżen iddgħajfet matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-aktar minħabba l-prattiki insostenibbli fl-immaniġġjar tal-art u l-bidliet fl-użu tal-art. Madankollu, il-prattiki tajbin tal-forestrija u l-immaniġġjar tajjeb tal-art jistgħu jgħinu sabiex jinżamm jew saħansitra jiżdied l-ammont ta’ karbonju miżmum fl-art.

Il-ħażna tal-karbonju taħt l-art

Il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju hi teknika li taqbad id-diossidu tal-karbonju li joħroġ mill-impjanti tal-elettriku u mill-fabbriki industrijali, tikkompressah u mbagħad tittrasportah għal sit tal-ħżin xieraq li jkun taħt l-art sew.

Din għandha potenzjal sinifikanti biex tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-Ewropa u madwar id-dinja: is-siti taħt l-art jistgħu jaħżnu virtwalment id-diossidu tal-karbonju kollu għal mijiet u anki eluf ta’ snin.

Madankollu, it-teknoloġija attwalment tqum ħafna flus u hemm biss żewġ proġetti kummerċjali li joperaw fl-Ewropa. Għalhekk, l-UE qed tipprovdi finanzjament sabiex tappoġġja proġetti tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u ħolqot regoli sabiex tiżgura li t-teknika tintuża b’mod li jirrispetta l-ambjent.

Kont taf

Fil-ħamrija jgħixu aktar minn kwart tal-ispeċi ħajjin kollha fid-dinja.

Foresti: il-protetturi tal-klima tagħna

Il-foresti għandhom rwol uniku fit-tibdil fil-klima. Minn naħa waħda, huma jirrilaxxaw gassijiet serra meta s-siġar jitqaċċtu jew jitmermru jew meta l-ħamrija ta’ taħthom tiġi ddisturbata, u dawn jikkontribwixxu għat-tisħin globali.

Min-naħa l-oħra, il-foresti jaqbdu l-gassijiet serra permezz tal-fotosinteżi u huma jgħinu wkoll biex ikessħu l-pjaneti. Dan jagħmilhom kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Kif nistgħu niżguraw li l-foresti jkollhom effett pożittiv? Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, fejn jinżergħu siġar ġodda biex jieħdu post dawk qodma jew dawk li jkunu tqaċċtu, tista’ tkun soluzzjoni effettiva. Il-pajjiżi tal-UE qed jaħdmu flimkien biex itejbu r-rwol tal-foresti fl-azzjoni tal-UE kontra t-tibdil fil-klima.

Il-bnedmin qed iqaċċtu l-foresti tad-dinja b’rata allarmanti: sa 80% tad-deforestazzjoni tropikali ssir biex tiġi kklerjata l-art għall-irziezet, iżda s-siġar qed jinqatgħu wkoll sabiex isiru prodotti bħall-injam u l-karti, jew biex jinbnew it-toroq u l-mini. Minbarra li tgħaġġel it-tibdil fil-klima, id-deforestazzjoni teqred il-ħabitats tal-annimali tal-foresti u tibdel ix-xejriet tax-xita, li jikkawża nixfiet.

Kont taf

Kull sena titqaċċat erja ta’ foresta tropikali madwar l-istess daqs tal-Greċja.

Il-protezzjoni tal-foresti globali

Skema msejħa REDD+ (Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti flimkien mal-konservazzjoni) tgħin lill-pajjiżi tropikali biex jadottaw prattiki aktar sostenibbli billi tħallas lin-nies li jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jippreservaw il-foresti tagħhom.

Dan isir billi jiġi kkalkolat il-valur tal-karbonju li ma jitħalliex jidħol fl-atmosfera billi ma jqaċċtux il-foresti, u jikkonvertu dan f’fondi għall-użu intelliġenti tal-art tal-foresti b’mod li jiffavorixxi l-klima.

Il-flus ta’ REDD+ intużaw f’aktar minn 40 pajjiż, billi jiffokaw, pereżempju, fuq il-monitoraġġ tal-foresti (il-kejl tas-siġar), it-titjib tar-rispons tas-servizz tat-tifi tan-nar għan-nirien fil-foresti u l-iżvilupp tal-industrija agro-forestrali (taħlita ta’ biedja u forestrija).

Dan jirrikjedi bilanċ bir-reqqa bejn il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-interessi ta’ dawk li jgħixu fil-foresta u li jiddependu minnha għall-ikel, għall-ilma u għal riżorsi oħra. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE s’issa kkontribwew aktar minn biljun euro għal attivitajiet relatati mar-REDD+ fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina.

Kif nikkumbattu s-sħana

Tħawwil intelliġenti

Xi bdiewa qed iħawlu aktar uċuħ tar-raba’ bejn is-siġar għad-dell, biex ikunu jistgħu jifilħu għal klima aktar sħuna u niexfa. Fil-bliet, dawk li jieħdu ħsieb il-landscaping qed jintroduċu fjuri u arbuxelli li kapaċi jifilħu għan-nixfa fil-parks u tul il-ġnub tat-toroq li jistgħu jgħixu f'kundizzjonijiet sħan u nexfin.

solutions_nature_plant

Ħitan u bjut ekoloġiċi

Għadd ta’ residenti fil-bliet qed ikabbru l-pjanti mal-ħitan u fuq il-bjut bl-għan li jassorbu s-sħana u b’hekk jgħinuhom jikkontrollaw it-temperatura ġol-binjiet meta tkun is-sħana. Barra minn hekk dawn il-pjanti jassorbu l-ilma u jnaqqsu l-iskol waqt il-maltempati. F’ċerti pajjiżi, bħal fi Franza u fid-Danimarka, hemm liġijiet u programmi li jippromwovu l-installazzjoni ta' soqfa ekoloġiċi.

solutions_nature_walls

Nittrattaw l-ilma b'mod għaqli

Xi persuni qed isibu modi ġodda ta' kif jiffrankaw l-ilma, pereżempju billi jinstallaw sistemi tal-“ilma griż” fid-djar u n-negozji tagħhom (bħal lukandi) li jerġgħu jużaw l-ilma tal-ħasil għall-ifflaxxjar tat-tojlits. U ċerti bdiewa innovattivi qed jużaw irrigazzjoni ta’ infiltrazzjoni matul il-lejl biex il-pjanti jieħdu l-ilma direttament fl-għeruq tagħhom mingħajr ma jevapora fis-sħana ta’ matul il-ġurnata.

solutions_nature_wise

Kont taf

It-teħid ta' azzjoni biex jiġi evitat l-għargħar jista’ jsalva l-ħajjiet u l-flus: kull euro minfuq fuq il-protezzjoni mill-għargħar jista’ jiffranka sitt euro fi spejjeż ta’ tiswija!

Naddattaw għal livelli dejjem jogħlew tal-ilma

solutions_nature_slider_1

Djar li jżommu fuq wiċċ l-ilma

F'Maasbommel, fin-Netherlands li jinsabu f’livelli baxxi mal-baħar, xi residenti qed jippreparaw għal għargħar aktar frekwenti billi jgħixu fi djar amfibji li huma ankrati mal-art, iżda li huma ddisinjati biex jogħlew meta jogħla l-livell tal-ilma.

building barriers

Il-bini ta’ barrieri

Il-bini ta’ ħitan tal-baħar u digi magħmula mill-bniedem jgħin biex l-ilma jinżamm ’il barra, hekk kif jagħmlu d-duni tar-ramel. Dawn jistgħu jitħawlu b'ħaxix b'saħħtu, li l-għeruq tiegħu jgħin biex id-duni jitwaqqfu milli jitneħħew mal-ilma.

green sponges

Sponoż ekoloġiċi

Il-pjanuri tal-għargħar (żoni naturali li jibqgħu sejrin fix-xmajjar) jistgħu jaġixxu bħala sponoż, billi jassorbu x-xita żejda. Pajjiżi tul ix-xmajjar tad-Danubju u tal-Elbe qed jirrestawraw il-pjanuri li kellhom diġà billi jagħtu aktar spazju lix-xmajjar.