Our planet, Our future

Soluzzjonijiet

Il-klima u t-trasport

X'tip ta' trasport tuża? Il-karozzi, il-ferroviji, il-karozzi tal-linja, id-dgħajjes u l-ajruplani li jaħarqu fjuwils ibbażati fuq iż-żejt huma responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE.

Jeżistu s-soluzzjonijiet!

Fortunatament, it-teknoloġiji ġodda qed jgħinu biex jagħmlu t-trasport aktar konxju mill-klima. Billi jnaqqsu t-traffiku u t-tniġġis, huma qed jagħmlu l-bliet tagħna aktar nodfa wkoll.

Fi triqitna għal trasport aktar nadif

Aktar minn 70% tal-emissjonijiet tat-trasport fl-Ewropa ġejjin mit-trasport bit-triq, iżda grazzi għall-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE, il-vetturi qed iniġġsu inqas. 

L-UE għandha wħud mill-aktar standards stretti fid-dinja u qed taħdem kontinwament biex issaħħaħhom. Pereżempju, mill-2021, l-istandards ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda fl-UE kienu ’l fuq minn 20 % aktar stretti minn dawk fl-2015. Skont proposti ġodda, il-karozzi ġodda kollha li jsiru wara l-2030 iridu jipproduċu 55 % inqas emissjonijiet mill-mira tal-2021 u jipproduċu emissjonijiet żero mill-2035 ’il quddiem.

Ħafna pajjiżi, inklużi l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u ċ-Ċina introduċew l-istandards tas-CO2 ukoll.

Kont taf

L-UE għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet mit-trasport b’mill-inqas 90 % sal-2050.

Sensazzjoni elettrika

Il-karozzi ibridi jkollhom magna li tieħu l-fjuwil għall-vjaġġi twal u waħda elettrika bil-batterija li tintuża waqt vjaġġi qosra, ta’ waqfien u startjar.

Il-vetturi b’batterija tal-elettriku m’għandhomx magna li tieħu l-fjuwil – u meta jitħaddmu b’elettriku rinnovabbli ma jarmu l-ebda CO2.

Il-bidla qiegħda fl-arja

L-avjazzjoni hi waħda mis-sorsi ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla.

L-UE għandha liġijiet fis-seħħ sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tal-avjazzjoni mit-titjiriet kollha li jsiru ġewwa l-Ewropa u qed taħdem mal-komunità internazzjonali biex tiżviluppa miżuri li jkopru d-dinja kollha.

PARIR SIEWI

Esplora l-alternattivi li hemm għall-ivvjaġġar bl-ajru.

L-ivvjaġġar bl-ajru huwa wieħed mis-sorsi ta' emissjonijiet ta' CO2 li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla fis-settur tat-trasport.

Kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju

Il-kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju huwa meta tikkalkula l-ammont ta’ karbonju li jiġi rilaxxat minn attività – pereżempju, rikba fuq ajruplan għal distanza twila – u mbagħad tħallas lil organizzazzjoni biex tnaqqas l-emissjonijiet xi mkien ieħor, jew f’xi każijiet, tħawwel is-siġar. Tinstema’ bħala soluzzjoni tajba, iżda xi nies jgħidu li jkun aħjar jekk nagħmlu ħilitna aktar biex noħolqu inqas karbonju mill-ewwel.

Inti x'taħseb?

solutions_transports_carbon

Il-monitoraġġ tal-industrija tat-tbaħħir

L-emissjonijiet mill-industrija tat-tbaħħir globali jammontaw għal madwar biljun tunnellata ta' CO2 fis-sena, jiġifieri madwar 3% tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tad-dinja.

L-UE adottat liġijiet għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet minn vapuri kbar li jużaw portijiet tal-UE.

solutions_transports_shipping