Azzjoni Klimatika

Pariri għal darek

Billi tieħu miżuri żgħar id-dar, tista’ tiffranka l-enerġija u l-flus u tgħin biex tkun protetta l-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tiegħek.

Id-djar jiġġeneraw bejn wieħed u ieħor kwart tal-emissjonijiet diretti kollha tas-CO2 ikkawżati mill-UE llum. U kont taf li tliet kwarti tal-enerġija użata mid-djar fl-UE hi għat-tisħin u t-tkessiħ?

Tisħin u tkessiħ

  • Issaħħanx iżżejjed l-ilma tiegħek. Issettja l-boiler tiegħek b’temperatura minima ta’ 60°C biex tħaddmu b’mod effiċjenti u iġjeniku
  • Uża t-termostat bil-għaqal. Kont taf li darek ma tisħonx aktar malajr jekk tgħolli t-termostat? Dan jinfluwenza biss it-temperatura massima f’darek.
  • Agħlaq il-purtieri jew ix-shutters f’jiem sħan biex tnaqqas mis-sħana tax-xemx li tidħol f’darek.
  • Żomm ruħek frisk b’fann. Il-fannijiet jużaw ħafna anqas enerġija milli jagħmlu l-air conditioners.

Iżolament

  • Ibdel it-twieqi bi ħġieġa waħda b’oħrajn bi ħġieġ doppju. Twieqi bi ħġieġ doppju jitilfu 50-70% anqas sħana.
  • Ma tistax tistalla twieqi bi ħġieġ doppju? Purtieri ħoxnin jew panewijiet ta’ iżolazzjoni li jitlibsu mat-twieqi jistgħu jnaqqsu l-fluss tal-arja kiesħa f’darek.
  • Kurrent ta’ arja jista’ jkun sors kbir ta’ telf ta’ sħana. Tista’ tiffranka l-enerġija billi tissiġilla l-vojt madwar it-twieqi, jew billi tinstalla lqugħ kontra l-kurrenti tal-arja taħt il-bibien. Tagħmel differenza anki meta tgħatti t-toqob tas-serraturi u tal-kaxxi tal-ittri!
  • Iżola t-tankijiet tal-misħun, il-pajpijiet tat-tisħin ċentrali u l-ispazju bejn il-ħitan. Jekk ma tistax tinstalla iżolazzjoni b’ħajt dopplu, iffittja rifletturi tar-radjaturi mal-ħajt wara r-radjaturi tiegħek.

Fil-kċina

  • Ixtri tagħmir tad-dar effiċjenti fl-enerġija. Fl-UE, bosta prodotti ta’ kuljum bħall-friġġis, id-dishwashers u l-ifran għandhom fuqhom tikketta tal-enerġija tal-UE biex tgħinek tagħżel mudell effiċjenti fl-enerġija. Il-klassifikazzjoni tibda minn A+++ (l-aktar effiċjenti) sa G (l-anqas effiċjenti). Dishwasher A+++ juża kważi nofs l-enerġija ta’ wieħed ikklassifikat D, pereżempju.
  • Iċċekkja li l-forn tiegħek hu magħluq kif suppost. Jekk jeħtieġlek tibdel il-forn tiegħek, agħżel mudell ikklassifikat A – dan jista’ jiffrankalek €200 matul iż-żmien li jibqa’ jaħdem meta mqabbel ma' wieħed ikklassifikat D.
  • Evita li taħsel il-platti b’idejk jekk għandek dishwasher. Id-dishwashers il-moderni jużaw anqas ilma u enerġija – u l-biċċa l-kbira għandhom modalità “Eco” – iżda użah biss meta jkun mimli.
  • Għalli biss kemm għandek bżonn ilma. Jekk tħalli biss l-ilma sħun fil-kitla għal ftit minuti, ma għandekx bżonn tgħallih mill-ġdid.

Ħasil tal-ħwejjeġ intelliġenti

  • Imla l-magna tal-ħasil tiegħek kollha. Tagħmilx ħasla jekk għandek biss ftit ħwejjeġ. Stenna sakemm ikollok ħasla sħiħa – iżda taqbiżx il-piż tal-massimu permess.
  • Agħżel it-temperatura l-aktar baxxa. Illum il-ġurnata, id-deterġenti huma tant effiċjenti li jnaddfulek ħwejġek b’temperaturi baxxi.
  • Aqbeż iċ-ċiklu tal-prewash jekk ħwejġek mhumiex maħmuġin ħafna.
  • Jekk possibbli evita l-użu tat-tumble dryer. Ċiklu wieħed tat-tumble dryer jista’ juża darbtejn l-ammont ta’ enerġija ta’ ċiklu medju ta’ magna tal-ħasil.

Iffranka l-enerġija

  • Ibdel il-bozoz tad-dawl b’bozoz inkandexxenti b’oħrajn aktar effiċjenti fl-enerġija. Bozza tad-dawl LED waħda tiffranka aktar minn €100 fi spejjeż ta’ elettriku għal aktar minn 20 sena kemm iddum isservi.
  • Itfi l-apparat tiegħek. Apparat konness mal-internet bħal TVs intelliġenti, printers u consoles tal-logħob tal-2016 jew qabel jistgħu jużaw sa 80 watt ta’ elettriku meta jkunu standby. Tista’ tuża strippa ta’ enerġija b’bosta sokkits waħda biex titfihom kollha f’daqqa b’mod faċli.
  • Staqsi l-fornitur tal-enerġija tiegħek dwar l-installazzjoni ta’ miter intelliġenti. Sistemi intelliġenti tal-miters għall-gass u l-elettriku jistgħu jiffrankawlek 3% tal-użu tal-enerġija tiegħek.
  • Agħżel enerġija ekoloġika. Il-biċċa l-kbira tal-fornituri tal-enerġija joffru tariffi tal-elettriku “ekoloġiċi”, li jappoġġjaw l-estenzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħar-riħ u x-xemx. Jekk darek għandha bejt għaliha, ikkunsidra twaħħal il-pannelli solari biex tiġġenera xi ftit mill-enerġija tiegħek.