Il-bini ta' soċjetà u ekonomija favur l-ambjent u b'livell baxx tal-karbonju huwa sfida kbira, iżda wkoll opportunità enormi. Ħafna mit-teknoloġiji meħtieġa diġà jeżistu. Il-veru sfida hija li napplikawhom.
Il-benefiċċji prinċipali:
- impjiegi ġodda u impjiegi ekoloġiċi
- titjib fil-kompetittività
- tkabbir ekonomiku
- arja aktar nadifa u sistemi tat-trasport pubbliku aktar effiċjenti fl-ibliet
- teknoloġiji ġodda bħall-karozzi elettriċi u ibridi plug-in, djar jew uffiċċji effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'sistemi intelliġenti ta' tisħin u tkessiħ
- fornimenti siguri ta' enerġija u riżorsi oħra – inqas dipendenza fuq l-importazzjonijiet
L-istudji juru li dan hu fattibbli u possibbli mil-lat finanzjarju. Dak li jiswa lit-tibdil fil-klima għall-ekonomija u s-soċjetà se jkun ħafna aktar ogħla minn dak li tiswa l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima issa.
Aktar impjiegi ekoloġiċi u spejjeż aktar baxxi
L-investiment f'soċjetà u ekonomija b'livell baxx tal-karbonju jista' joħloq sa 1.5 miljun impjieg addizzjonali sal-2020.
L- ekonomija ekoloġika tal-UE x'aktarx li tikber b'mod drammatiku. Diġà hemm aktar minn 4 miljun impjieg fil-kumpaniji li jaħdmu f’oqsma bħalma huma l-ġestjoni u l-kontroll tat-tniġġis, il-ġbir u t-trattament tal-iskart, l-enerġija rinnovabbli u r-riċiklaġġ.
- Jekk nilħqu l-mira ta' 20% ta' enerġija rinnovabbli , dan jissarraf f'400,000 impjieg ġdid.
- Ir-ristrutturar tal-bini se jipprovdi opportunitajiet kbar fl-industrija tal-kostruzzjoni.
- L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE dwar l-iskart tiffranka €72 biljun fis-sena, u toħloq aktar minn 400,000 impjieg sal-2020.
- Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi se jiffranka l-flus lin-negozji u joħloq l-impjiegi - sa €23 biljun iffrankati fis-sena u 150,000 impjieg addizzjonali għal kull punt perċentwali ta' żieda fil-produttività tar-riżorsi.
- Proċessi aktar effiċjenti jnaqqsu l-ispejjeż għall-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, jagħtu spinta lill-kompetittività tagħhom u jippermettilhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b'aktar minn 80% sal-2050.
- Il-valur tal-oġġetti u s-servizzi ambjentali tal-UE hu mistenni jirdoppja sal-2020. Bħalissa huma stmati għal aktar minn €1,000 biljun fis-sena u jirrappreżentaw madwar terz tas-suq globali.
Trasport aktar nadif
L-UE timmira għal tnaqqis ta' 60% sal-2050 meta mqabbel mal-1990.
Skont il-liġi tal-UE, il-manifatturi tal-karozzi huma meħtieġa jagħmlu l-karozzi tagħhom aktar effiċjenti – permezz ta' magni, materjal u diżinni ġodda.
Il-gvernijiet tal-UE jridu jagħmlu s-sistemi tagħhom tat-trasport u tal-akkwist tal-vetturi aktar effiċjenti u sostenibbli.
Dan għandu jwassal għal:
- aktar karozzi elettriċi jew ibridi plug-in fit-toroq tal-Ewropa sal-2020, b'għadd xieraq ta' punti tal-iċċarġjar aċċessibbli installati għall-pubbliku (b'mod indikattiv punt wieħed għal kull 10 karozzi)
- sistemi tat-trasport pubbliku aktar effiċjenti, pereżempju għal karozzi tal-linja li jaħdmu bi fjuwil alternattiv
L-għan ġenerali huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra, it-tniġġis tal-arja u l-livelli tal-istorbju kif ukoll il-konġestjoni. B’riżultat ta’ dan, se niffrankaw ħafna spejjeż tas-saħħa u tal-miżuri ta’ kontroll tat-tniġġis. Barra minn hekk, se tonqos l-importazzjoni taż-żejt u b'hekk titijieb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE.

Fl-Ewropa għandna wħud mill-iktar sistemi effiċjenti tat-trasport pubbliku fid-dinja.
Bini u sistemi tal-enerġija intelliġenti
Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini se titjieb b'mod drastiku.
- Sal-aħħar tal-2020, il-bini kollu ġdid fl-UE se jkollu jkun bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero.
- Il-bini l-qadim se jiġi mmodifikat – il-gvernijiet tal-UE huma impenjati li jappoġġjaw il-kosteffettività permezz tar-rinnovazzjonijiet.
- Djar mibnija bl-aktar mod avvanzat mhux biss se jiffrankaw l-enerġija iżda saħansitra se jipproduċuha.
- L -arloggi tal-enerġija intelliġenti (arloġġi smart) se jagħtu feedback f'ħin reali dwar l-użu tal-enerġija u jibgħat il-qari tal-arloġġ b'mod awtomatiku lill-fornitur tal-enerġija tiegħek. Sal-2020, huwa mistenni li kważi 72% tal-konsumaturi Ewropej se jkollhom arloġġ intelliġenti għall-elettriku filwaqt li 40% jkollhom wieħed għall-gass.

Il-pannell tal-kontroll juri l-użu tal-enerġija ta’ kull apparat fid-dar.
Provvisti siguri ta’ enerġija u riżorsi
L-enerġija se tiġi prodotta aktar lokalment, l-aktar minn sorsi rinnovabbli, u mhux mill-karburanti fossili. Flimkien ma' ffrankar dejjem akbar tal-enerġija permezz ta' prodotti u proċessi effiċjenti fl-użu tal-enerġija, l-UE se tnaqqas l-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass bin-nofs sal-2050.
Dan ifisser li l-UE tkun qed:
- tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq iż-żejt u l-gass impurtat u b'hekk ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija
- tkun inqas vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezz taż-żejt
- tnaqqas l-ispejjeż tal-importazzjoni tal-fjuwil b'madwar €175-320 biljun fis-sena fil-perjodu mill-2011 sal-2050 jew bi €330 biljun fl-2050.
L-Ewropa tiddependi b'mod qawwi fuq l-importazzjonijiet ta' materja prima għall-ekonomija tagħha. Ħafna diġà jinsabu fi stat ta' forniment skars. Ir-riċiklaġġ u l-irkupru jnaqqsu l-ħtieġa għall-materja prima. Diġà ħarġu bħala industrija ewlenija għall-protezzjoni tal-ambjent tagħna, l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u bħala spinta għall-ekonomija tagħna.

Ir-riċiklaġġ inaqqas il-bżonn għall-materja prima, li ħafna minnha diġà hija skarsa.
Il-bini ta' soċjetà b'livell baxx ta' karbonju
Interessat f’ideat għall-bini ta’ soċjetà b’livell baxx tal-karbonju?