Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Vytenis Andriukaitis, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel

minn Vytenis Andriukaitis, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel

It-tixrid tal-Ebola kien l-ewwel sfida li kelli nittratta meta ħadt il-kariga tiegħi kważi sena ilu. Flimkien mal-Kummissarju Stylianides, żort il-pajjiżi affettwati - il-Ginea, il-Liberja u Sierra Leone. Domna biss ftit jiem iżda mhux biss rajna iżda anke ħassejna x'kien għaddej. Stajt biss nimmaġina xi jfisser li tiġġieled kontra din il-marda fuq il-post għal xhur sħaħ u biex tiġi limitata l-firxa tagħha.

L-idea tal-Premju tas-saħħa ġiet ftit wara li ġejna lura. Xtaqna nirrikonoxxu u nippremjaw inizjattivi ta' NGOs li jiġġieldu kontra l-Ebola fuq il-post u li jippromwovu livelli ogħla ta’ saħħa pubblika fl-Ewropa, u madwar id-dinja.

Huwa għalhekk li ħloqna l-ewwel Premju tas-Saħħa tal-UE. U minħabba li din is-sena hija mmirata lejn l-isforzi erojċi, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-NGOs involuti fil-ġlieda kontra l-Ebola fl-Afrika tal-Punent, kien jagħmel sens li nħabbru l-premjijiet fil-konferenza "X'tgħallimna mill-Ebola" fil-Lussemburgu, li ġiet organizzata b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza tal-Lussemburgu tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.  

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE għandu l-għan li jippremja inizjattivi u impenji ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, Ewropej, nazzjonali u reġjonali mhux governattivi li taw kontribut sinifikanti għas-saħħa pubblika fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Din is-sena, ridt li l-premju jirrikonoxxi l-ġlieda kontra l-Ebola iżda se jkun hemm tema differenti kull sena. Nixtieq li dan il-premju jirrikonoxxi l-kisbiet fil-passat, iżda wkoll li jinkoraġixxi lill-organizzazzjonijiet biex ikomplu bil-ħidma vitali tagħhom fil-futur.

Din is-sena, ir-rebbieħa tal-premju pprovdewna bl-aħjar eżempji prattiċi li jgħinu jtejbu l-livell ta' preparazzjoni tagħna biex nittrattaw kriżi serja. Intgħażlu minn 26 kandidat denja minn Ġurija tal-UE, magħmula minn speċjalisti tas-saħħa pubblika u rappreżentanti ta’ korpi mhux governattivi tal-UE ppreseduta mill-Kummissjoni.  Wara ħafna deliberazzjoni, il-ġurati għażlu tliet rebbieħa: ALIMA – l-Alleanza għal Azzjoni Medika Internazzjonali, Concern Worldwide u l-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola.

ALIMA ngħatat l-ewwel premju talli għenet trażżan it-tixrid tal-virus fil-Mali u s-Senegal, talli pprovdiet trattament, kontroll tat-trażmissjoni u sorveljanza waqt li kienet qed tibni Ċentru għat-Trattament tal-Ebola fil-Ginea u talli tat kontribut għar-riċerka fit-trattament tal-Ebola.

It-tieni post mar għal Concern Worldwide talli għenu biex jipprovdu dfin sigur u dinjituż u għall-immappjar tal-oqbra fi Freetown, Sierra Leone.

L-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola rebħet it-tielet premju għall-“Ħames pilastri ta' Intervenzjoni” tagħhom għar-rispons għall-Ebola li pprovdew kura tas-saħħa diretta, traċċar tal-kuntatti, sorveljanza u appoġġ psikosoċjali lill-komunitajiet lokali u għenu biex joħolqu u jmexxu Ċentri għat-Trattament tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent.

Fost il-ħafna “Tagħlimiet meħuda mill-Ebola” hemm dik li hemm bżonn sforz koordinat magħqud għas-salvagwardja tas-saħħa fid-dinja.  Il-mard ma jafx fruntieri, iżda kif urewna dawn l-NGOs, la l-kuraġġ u lanqas il-kumpassjoni.

Ebola: lessons learnt and the new EU Health Award

Aktar dwar din it-tema