Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Madwar 8-12 % tal-pazjenti fl-isptarijiet tal-UE jbatu mingħajr bżonn minn konsegwenzi mhux mixtieqa meta jkunu l-isptar, u madwar 4.1 miljun pazjent fl-UE jieħdu infezzjoni assoċjata mal-kura tas-saħħa kull sena. Minn dawn imutu 37,000.

Rapport riċenti dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar is-sikurezza tal-pazjenti, inkluż il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, juri kif il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE għamlu progress sinifikanti fl-indirizzar tal-isfidi tas-sikurezza tal-pazjenti. Għarfien bħal dan bejn il-pajjiżi dwar is-sikurezza tal-pazjenti jista’ jipprovdi kontribut għall-politiki fil-livell nazzjonali u tal-UE u jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa.

Id-dejta turi li sar progress reali f’dak li għandu x’jaqsam mat-tfassil ta’ programmi nazzjonali għas-sikurezza tal-pazjenti u fl-istabbiliment ta' sistemi biex il-pazjenti jirrappurtaw effetti avversi.  L-Istati Membri kollha issa għandhom programmi nazzjonali għas-sikurezza tal-pazjenti jew huma fil-proċess li jiżviluppaw wieħed. Dan huwa pass kbir ’il quddiem. Barra minn hekk il-pazjenti qed ikunu dejjem iżjed mħeġġa biex jitkellmu għalihom infushom.

Madankollu, filwaqt li s-sikurezza tal-pazjenti issa hija integrata ħafna fil-politiki tas-saħħa pubblika, il-bini ta’ kultura ta’ sikurezza tal-pazjenti fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa tidher iktar diffiċli.  It-tagħlim mir-rappurtar tal-iżbalji u l-inklużjoni tal-pazjenti fil-prevenzjoni tal-ħsara, jeħtieġu aktar attenzjoni. Ir-Rapport jipproponi l-iżvilupp ta’ għadd ta’ għodod prattiċi bħal linji gwida u mudelli li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-politika fil-prattika.

Il-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew issa qed tmexxi riflessjoni dwar azzjoni futura fil-livell tal-UE fis-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura. Fuq dik il-bażi dalwaqt jiġu adottati konklużjonijiet tal-Kunsill, li hemm it-tama li jindikaw id-direzzjonijiet futuri tal-azzjoni tal-UE.