X'inhi l-MISSOC?
Is-Sistema ta’ Informazzjoni Reċiproka dwar il-Protezzjoni Soċjali (MISSOC) tal-UE tipprovdi informazzjoni dettaljata, komparabbli u aġġornata regolarment dwar is-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż.
Darbtejn fis-sena (Jannar u Lulju) il-MISSOC tippubblika informazzjoni aġġornata dwar is-sistemi tal-protezzjoni soċjali fit-27 Stat Membru tal-UE kif ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, inklużi:
- tabelli komparattivi li jkopru 12-il qasam ewlieni tal-protezzjoni soċjali: finanzjament, kura tas-saħħa, mard, maternità, invalidità, xjuħija, superstiti, korrimenti fuq il-post tax-xogħol u mard relatat max-xogħol, familja, qgħad, riżorsi minimi garantiti u kura fuq perjodu twil ta' żmien;
- ċarts organizzazzjonali u deskrizzjonijiet qosra tal-istruttura tal-protezzjoni soċjali fit-32 pajjiż parteċipant;
- deskrizzjonijiet qosra tal-arranġamenti ewlenin tal-protezzjoni soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom.
Il-MISSOC hi responsabbli wkoll għall-aġġornament ta’ serje ta’ gwidi dwar is-sistemi tas-sigurtà soċjali, li huma indirizzati liċ-ċittadini li jiċċaqalqu fl-Ewropa.
Min juża l-MISSOC?
Il-MISSOC tintuża minn:
- Dawk li jfasslu l-politika u l-uffiċjali
- Riċerkaturi u studenti
- Persuni li jmorru jgħixu jew jaħdmu f'pajjiż Ewropew ieħor
Kif tiġi aġġornata l-informazzjoni?
Il-MISSOC hi koordinata mill-Kummissjoni Ewropea, bl-għajnuna ta’ Segretarjat li hi taħtar. Kull pajjiż kopert interessat jagħżel korrispondent wieħed jew tnejn mill-ministeri nazzjonali jew l-istituzzjonijiet responsabbli mis-sigurtà soċjali. Il-korrispondenti jaġġornaw perjodikament it-tabelli komparattivi u l-gwidi dwar is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali.