Il-coronavirus: Il-Kummissjoni tippreżenta gwida prattika biex tiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema kritiċi
lum, il-Kummissjoni ħarġet pariri prattiċi ġodda biex tiżgura li l-ħaddiema mobbli fl-UE, b'mod partikolari dawk f'okkupazzjonijiet kritiċi għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-coronavirus, ikunu jistgħu jaslu fil-post tax-xogħol tagħhom.
IlDan jinkludi lil dawk li jaħdmu fis-setturi tal-kura tas-saħħa u tal-ikel, u servizzi essenzjali oħra bħall-kura tat-tfal, il-kura tal-anzjani, u l-persunal kritiku għall-utilitajiet, iżda mhuwiex limitat għalihom.
Filwaqt li wieħed jifhem li l-Istati Membri introduċew il-kontrolli fil-fruntieri interni biex jillimitaw il-firxa tal-coronavirus, huwa imperattiv li l-ħaddiema kritiċi jkunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom mingħajr dewmien.
Il-linji gwida ppubblikati llum jidentifikaw firxa ta' ħaddiema li jeżerċitaw okkupazzjonijiet kritiċi, u li għalihom il-moviment liberu kontinwu fl-UE jitqies bħala essenzjali. Il-lista pprovduta f'dawn il-linji gwida mhijiex eżawrjenti.
Lil hinn minn dawn il-kategoriji speċifiċi ta' ħaddiema, il-linji gwida jikkjarifikaw ukoll li b'mod ġenerali, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-ħaddiema transkonfinali jkomplu jaqsmu l-fruntieri jekk ix-xogħol fis-settur ikkonċernat ikun għadu permess fl-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri għandhom jittrattaw il-ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri u l-ħaddiema nazzjonali bl-istess mod.
Fir-rigward tal-ħaddiema staġjonali, b'mod partikolari fis-settur agrikolu, l-Istati Membri huma mitluba jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-ħtiġijiet differenti tagħhom fil-livell tekniku u jistabbilixxu proċeduri speċifiċi biex jiżguraw passaġġ bla xkiel għal ħaddiema bħal dawn, sabiex jirrispondu għan-nuqqas ta' ħaddiema li nħoloq b'riżultat tal-kriżi.
Dawn il-linji gwida jikkomplementaw
- il-Linji Gwida adottati għall-miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali kif ukoll
- il-Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE li ġew ippreżentati llum wkoll.