Kard Ewropea tad-Diżabilità u Kard Ewropea għall-Parkeġġ għal persuni b’diżabilità
Biex jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiċċaqalqu liberament fl-UE, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’:
- kard Ewropea tad-diżabilità ġdida
- kard Ewropea tal-parkeġġ imtejba għall-persuni b’diżabilità
X’inhuma dawn il-kards?
Kard Ewropea tad-diżabilità
Il-kard se sservi bħala prova tal-istatus ta’ diżabilità fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Din se tagħti lid-detenturi tal-kard aċċess ugwali għal kundizzjonijiet speċjali u trattamenti preferenzjali kullimkien fl-UE.
Il-kundizzjonijiet speċjali japplikaw meta jintuża t-trasport pubbliku, l-attendenza ta’ avvenimenti kulturali u żjarat f’mużewijiet, ċentri ta’ divertiment u sportivi, parks tad-divertiment, u aktar.
Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’, fost l-oħrajn:
- dħul bla ħlas
- tariffi mnaqqsa
- aċċess prijoritarju
- assistenza personali
- għajnuniet għall-mobilità
Il-kard Ewropea se tikkomplementa l-kards tad-diżabilità nazzjonali, li se jkomplu jingħataw mill-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tal-kriterji tagħhom stess.
Il-kard Ewropea għall-parkeġġ għal persuni b’diżabilità
Il-verżjoni mtejba ta’ din il-kard se tiggarantixxi l-użu ta’ spazji ta’ parkeġġ u faċilitajiet riżervati għal persuni b’diżabilità fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Din se tieħu post il-kards tal-parkeġġ nazzjonali.
Meta se jkunu disponibbli l-kards?
Fis-6 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni għamlet proposta biex jinħolqu dawn iż-2 kards.
Dan issa se jiġi nnegozjat mill-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew, u se jgħaddi att legali, li jirrikjedi lill-gvernijiet tal-UE jimplimentaw il-kards għaċ-ċittadini tagħhom fi żmien sentejn u nofs.
X'hemm fil-proposta?
Il-proposta tistabbilixxi r-regoli għaż-żewġ kards, dwar:
- il-format fiżiku
- il-proċess biex jintlaħaq qbil dwar il-format diġitali
- il-kundizzjonijiet, ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ jew l-irtirar tal-kards
- informazzjoni ta’ akkumpanjament li għandha tiġi pprovduta dwar il-kundizzjonijiet speċjali u t-trattamenti preferenzjali
Dan kollu ta’ hawn fuq irid ikun aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.
Sfond
Din l-inizjattiva hija mibnija fuq l-esperjenza tal-proġett pilota tal-kard tad-diżabilità tal-UE li għaddej bħalissa fi 8 pajjiżi tal-UE u hija bbażata fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 98/376.
Konsultazzjoni pubblika dwar l-inizjattiva tal-Kard Ewropea tad-Diżabilità saret fi Frar-Mejju 2023.
Il-proposta għaż-2 kards twettaq impenn li sar mill-Kummissjoni fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030.