Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Martin Seychell, Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel

minn Martin Seychell, Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel

Il-piż tal-mard kroniku hu kbir immens: 86% tal-imwiet kollha, jew 4 miljun mewt fis-sena, huma relatati ma' mard kroniku fl-Ewropa.

Il-mard kroniku jiżviluppa bil-mod, idum ħafna żmien u ħafna drabi m'hemmx fejqan għalih. Jikkawża sofferenza umana kbira u hu ta' piż enormi fuq is-sistemi tas-saħħa wkoll. 70% sa 80% tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa fl-UE kollha - stmati għal €700 biljun - bħalissa jintefqu fuq il-mard kroniku. Barra minn hekk, il-mard kroniku jwaqqaf kompletament ħafna nies milli jkomplu jaħdmu u kwart ta' dawk kollha li jaħdmu - 23.5% - isofru minn kundizzjoni kronika. L-assenteiżmu relatat mal-mard, minħabba dan, jiswa lill-UE ammont stmat għal 2.5% tal-PDG fis-sena.

Iżda għalkemm id-djanjosi hi skoraġġanti, m'hemmx għalfejn li l-pronjożi tkun daqstant skoraġġanti. Ħafna mard kroniku, bħall-mard kardjovaskulari u d-dijabete ta' tip 2, jista' jiġi evitat b'għażliet ta' stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, u mard ieħor, bħall-isklerożi multipla u d-demenzja, jistgħu jiġu mmaniġġjati biex il-pazjenti jiġu megħjuna jħossuhom l-aħjar li jistgħu u jibqgħu attivi aktar fit-tul. Fil-qosor, nistgħu nnaqqsu bil-kbir il-piż billi naħdmu flimkien lejn prevenzjoni u ġestjoni aħjar.

Imma kif nistgħu nagħmlu dan? Xi strateġija nistgħu naddottaw? Biex tippreżenta l-ideat tagħha u tiftaħ id-diskussjoni dwar din it-tema, il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati għall-Konferenza dwar il-Mard Kroniku tagħha fil-21 ta' April fi Brussell.

Dan l-avveniment, maħsub biex jinkoraġġixxi kooperazzjoni akbar, se jkun ukoll l-aħjar żmien biex titnieda l-Pjattaforma għall-Politika dwar is-Saħħa tal-UE. Din se tkun għodda b'saħħitha għall-komunikazzjoni u l-ħidma kollaborattiva bejn il-Kummissjoni Ewropea u partijiet ikkonċernati fis-settur tas-saħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali kif ukoll bejn il-partijiet ikkonċernati stess fis-settur tas-saħħa.

Għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi dawk li jaħdmu fil-qasam tal-mard kroniku, din il-pjattaforma se tkun mod aħjar kif javvanzaw xogħolhom permezz ta' diskussjonijiet onlajn u wiċċ imbwiċċ, il-qsim tal-aħjar prassi, l-abbozzar ta' dikjarazzjonjiet konġunti u l-promozzjoni ta' avvenimenti, u se tagħti aċċess għal librerija ta' materjal rilevanti.

L-isfida hi enormi iżda daqstantieħor l-opportunitajiet. Għalhekk, ejjew nimpenjaw ruħna f'dan il-kompitu. Ninsabu verament ħerqana li nsibu soluzzjonijiet effettivi – flimkien.