Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Maddalena illario, MD, PhD, tal-Università u l-isptar Federico II, Naples

minn Maddalena illario, MD, PhD, tal-Università u l-isptar Federico II, Naples

Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Anzjanità Attiva u b’Saħħitha (EIP-AHA) tiddefinixxi mill-ġdid il-mod kif inħarsu lejn kif nikbru fl-età. Issa ninsabu konxji li l-għażliet tal-istil ta' ħajja li nagħmlu llum il-ġurnata se jħallu impatt kbir fuq il-kwalità ta' ħajjietna fil-ġejjieni.

Is-Sħubija waslet f'Campania fil-ħarifa tal-2012: l-għarfien dwar ix-xjuħija f'dak iż-żmien kien fil-parti l-kbira limitat għat-tobba u l-ġerjatristi. Kien hemm ftit li xejn preokkupazzjoni fost il-partijiet interessati dwar il-piż ta' popolazzjoni li qed tixjiħ jew dwar kif ix-xjuħija tista' titqies kemm bħala opportunità soċjali kif ukoll bħala piż. 

Is-Sħubija pprovdiet ambjent sperimentali ġdid, li jappoġġja l-interazzjonijiet fost l-imsieħba abbażi tal-pari, li ma kienx influwenzat minn fallimenti u suċċessi fil-passat. Bis-saħħa tal-gwida tal-UE, nistgħu niffukaw fuq attivitajiet li għaddejjin li jistgħu jiżdiedu u jħallu impatt sostenibbli fuq l-anzjanità attiva u b'saħħitha. Il-"Kampus tas-Saħħa" hu ta' eżempju: implimentat mis-settur li ma għandux skop ta' qligħ, hu jappoġġja s-sorveljanza tal-popolazzjoni u miżuri għal epidemiji silenzjużi, bħall-osteoporożi u l-osteopenja.

Il-prattiki tagħna ttejbu mill-komunità dinamika internazzjonali tas-Sħubija u kien hemm sforz biex jispiċċaw id-differenzi reġjonali permezz ta' kollaborazzjoni aktar mill-qrib. L-involviment tagħna fi proġetti mal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Iskozja, pereżempju, għallimna dwar l-għodod u s-servizzi żviluppati minnhom. Ħadna wkoll sehem f’Siti ta’ Referenza tan-Netwerk promossi mill-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, billi aħna tim internazzjonali ta' parteċipanti nistgħu nibbenefikaw mill-fondi tal-UE.

Ikkollaborajna wkoll mill-qrib mas-Siti ta' Referenza Taljani biex nibnu netwerk nazzjonali aħjar.

Għall-ewwel, ma konniex ċerti għaliex il-Kummissjoni riedet tinvolvi lil dawk li jfasslu l-politiki. Imbagħad fhimna: l-UE xtaqet tqajjem għarfien dwar l-anzjanità b'saħħitha fil-livelli politiċi u maniġerjali kollha. Dan wera li kien ta’ importanza kbira fir-reġjun tagħna, għenna biex inwarrbu politiki qodma li ma kinux qed jaħdmu u biex nappoġġjaw strateġiji ta' innovazzjoni.

Dan hu biss il-bidu. Għad hemm ħafna xi jsir, iżda s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Anzjanità Attiva u b’Saħħitha se tagħmilha eħfef biex nilħqu l-għanijiet tagħna malajr billi tgħinna ntejbu l-attivitajiet tagħna u nżiduhom f'kuntesti oħrajn għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej.