Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Xavier Prats Monné, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari, il-Kummissjoni Ewropea

minn Xavier Prats Monné, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari, il-Kummissjoni Ewropea

L-avvanzi fix-xjenza huma ta’ sikwit diffiċli biex jinksbu, iżda ladarba miksuba faċilment jittieħdu bħala li qishom dejjem eżistew. Min jiftakar illum li l-ġidri ħalla bejn 300 miljun u 500 miljun ruħ mejta - iva, sa nofs biljun persuna - fis-seklu 20 biss? Fl-1967, pereżempju, is-sena meta d-WHO ħabbret programm globali ta’ eradikazzjoni tal-ġidri, minn 10 sa 15-il miljun persuna kull sena sofrew il-ġidri, żewġ miljuni mietu, miljuni oħrajn spiċċaw sfigurati u xi 100,000 spiċċaw għomja. Sfortunatament jidher li xi wħud insew dan kollu. Illum huwa inkonċepibbli, fid-dinja tal-Punent, li t-tfal imutu minn mard bħall-poljo, u l-ġidri sar rakkont żgħira fl-istorja. Din is-sitwazzjoni madankollu ma seħħitx mil-lum għal għada b'mod maġiku u hi possibbli biss minħabba dak li l-esperti jikkunsidraw bħala waħda mill-akbar kisbiet tas-saħħa pubblika tas-seklu 20 - l-immunizzazzjoni. Dan is-suċċess ma waqqafx lin-nies milli jsiru aktar xettiċi dwar il-ħtieġa li jitlaqqmu. It-tixrid ta’ biża’, l-iperbole tal-midja kif ukoll is-sensazzjonaliżmu, flimkien mal-eżagerazzjoni kbira tar-riskji tat-tilqim waslu biex parti mis-soċjetà nsiet l-importanza tat-tilqim sabiex ilkoll kemm aħna nibqgħu f’saħħitna.

Għalkemm it-tilqim huwa l-aqwa għodda preventiva tas-saħħa pubblika li għandna biex nipproteġu lin-nies kontra għadd kbir ta’ mard li jittieħed, ir-rati ta’ kopertura tat-tilqim fl-UE huma baxxi u saħansitra qed jonqsu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Dan huwa r-riżultat tal-fatt li r-riskji assoċjati mat-tilqim qed jiġu sopravalutati filwaqt li r-riskju ta’ mard li jittieħed qed jiġi sottovalutat.  

Iżda t-tnaqqis fid-domanda għat-tilqim ma wasslitx għal ammont żejjed ta' vaċċini. Fil-fatt, dan wassal għal skarsezza ta’ vaċċini f’ħafna Stati Membri. Hemm anqas produtturi bbażati fl-Ewropa issa, u dawn iridu jservu suq dejjem aktar globalizzat, li wassal għal nuqqas li jista’ jsir kritiku u li jista' joħloq sfida għas-sigurtà tas-saħħa.

Barra minn hekk, ħafna programmi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni jsofru minn nuqqas ta' ppjanar finanzjarju sod u jbatu minn nuqqas ta’ investimenti fl-infrastruttura u s-sorveljanza u akkwisti ta' vaċċini li la huma effiċjenti u lanqas effettivi u li jinvolvu spejjeż kbar. 

Filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi tat-tilqim tagħhom stess, l-UE tista’ tgħin f’każ ta’ theddid transkonfinali għas-saħħa, inkluż il-mard li jittieħed. Għodda primarja biex tingħata din l-assistenza hija l-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt li jagħmilha possibbli għall-Istati Membri tal-UE li ffirmaw il-ftehim biex jixtru l-mediċini bħala grupp u b'hekk jinnegozjaw l-aqwa prezzijiet u bl-aktar disponibbiltà veloċi u kbira. 

Hemm iżjed x’jista’ jsir, u l-Kummissjoni bħalissa qed tesplora modi biex l-attenzjoni tal-Istati Membri tmur fuq il-ħtieġa reali li jiġi promoss it-tilqim u jintemmu l-iskarsezzi. Il-waqt għal dan mhuwiex meta tqum mill-ġdid xi marda moħbija jew epidemija. Issa hu l-waqt li tittieħed azzjoni. Ejjew għal darb’oħra nfakkru lil kulħadd li l-istandard attwali tas-saħħa li għandna llum kien biss possibbli permezz tal-programmi tat-tilqim li wettaqna tul is-snin, li r-riskji ta’ infezzjoni naturali huma akbar mir-riskji tat-tilqim u li l-għażla l-aktar riskjuża hi dejjem li ma titlaqqamx.