Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Dr Martina Pötschke-Langer MD, M.A., il-Kap tal-Unità tal-Prevenzjoni tal-Kanċer fiċ-Ċentru Kollaborattiv tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, Ċentru Ġermaniż għar-Riċerka tal-Kanċer (DKFZ)

minn Dr Martina Pötschke-Langer MD, M.A., il-Kap tal-Unità tal-Prevenzjoni tal-Kanċer fiċ-Ċentru Kollaborattiv tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, Ċentru Ġermaniż għar-Riċerka tal-Kanċer (DKFZ)

Fl-20 ta' Mejju, id-Direttiva ġdida dwar il-Prodotti tat-Tabakk (TPD) saret applikabbli fl-Istati Membri tal-UE. Id-Direttiva hija kisba importanti għas-saħħa pubblika fl-UE u għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiskoraġġixxi ż-żgħażagħ milli jpejpu.

Id-Direttiva se ġġib bidliet kbar fuq prodotti tat-tabakk mibjugħa fl-UE. Is-sigarretti mħawra li huma attraenti għaż-żgħażagħ bħal frott jew il-mentol mhux se jkunu permess. Il-pakketti tas-sigarretti se jkollhom twissijiet kbar dwar is-saħħa kkombinati li jfakkru lill-konsumaturi dwar ir-riskji tat-tipjip. Kumpaniji tat-tabakk mhux se jkunu kapaċi jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom permezz ta’ termini qarrieqa bħal “organiċi” u “naturali”. Id-Direttiva tindirizza wkoll il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk. Dispożizzjonijiet ġodda għas-sigaretti elettroniċi se jiżguraw li dawn il-prodotti ma jibqgħux mhux regolati fl-UE u li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ sikurezza u ta’ kwalità.

Dawn l-aħħar sentejn kienu intensi għal dawk li jaħdmu fil-kontroll tat-tabakk.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat disa’ atti legali (tmien atti ta' implimentazzjoni u att delegat wieħed) li fihom regoli tekniċi dettaljati meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-TPD. Dawn jinkludu l-metodi li jiddeterminaw ħwawar fil-prodotti tat-tabakk, twissijiet ġodda fuq il-pakketti u regoli tas-saħħa għas-sigaretti elettroniċi bir-refill.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddefendew d-Direttiva fi tliet każi separati mressqa mill-industrija u minn Stat Membru wieħed. Fl-4 ta' Mejju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikkjarat id-Direttiva valida fuq il-punti kollha, u b'hekk ikkonfermat il-bażi tagħha fis-suq intern u żgurat li l-benefiċċji tas-saħħa pubblika tagħha ma jintilfux.

L-Istati Membri wkoll ħadmu qatigħ biex jittrasponu d-Direttiva. Ħafna introduċew miżuri kumplementari jew oħrajn fl-Atti tagħhom dwar it-Tabakk bħal ippakkjar ġeneriku, restrizzjonijiet tal-pubbliċità jew leġiżlazzjoni dwar ambjenti ħielsa mit-tipjip.

Għal dawk minna li jaħdmu fil-komunità li tikkontrolla t-tabakk, il-ġlieda għal TPD orjentata lejn is-saħħa u bbażata fuq l-evidenza, kienet biċċa xogħol enormi – speċjalment meta ħabbatna wiċċna mal-lobbying mill-industrija tat-tabakk u l-alleati tagħha. Dan il-kompitu diffiċli kompla wkoll fl-Istati Membri waqt li appoġġajnihom biex jittrasponu d-Direttiva.

L-applikazzjoni tat-TPD madwar l-UE huwa pass kbir ’il quddiem biex tiġi żgurata s-saħħa taċ-ċittadini tagħna kollha. Rajna li l-prevalenza tat-tipjip qed tonqos fl-UE. It-TPD għandha ssaħħaħ din it-tendenza u tiżgura li inqas żgħażagħ jaqbdu dan l-vizzju qerriedi.

Tobacco

Aktar dwar din it-tema