Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Minn João Manuel Valente Nabais, il-President tal-IDF Ewropa

Minn João Manuel Valente Nabais, il-President tal-IDF Ewropa

M’hemm ebda dubju li d-dijabete laħqet proporzjonijiet epidemiċi fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha. Fl-2012, madwar 32 miljun ruħ kienu qed jgħixu bid-dijabete fl-UE. L-Istati Membri jonfqu ċifra medja xokkanti ta’ 10% mill-spejjeż ta’ kura tas-saħħa tagħhom biex jittrattaw id-dijabete u l-kumplikazzjonijiet relatati magħha. F’xi pajjiżi, din iċ-ċifra hi għolja sa 20%.

Matul l-aħħar għaxar snin, iż-żieda fir-rati tal-obeżità, il-ħajja sedentarja u l-popolazzjoni li qed tixjieħ kienu l-muturi ewlenin tal-epidemija tad-dijabete. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja ripetutament ukoll ikkontestat l-aċċess għall-kura tad-dijabete, minħabba li l-maġġoranza tal-Istati Membri naqqsu l-baġit għall-kura tas-saħħa tagħhom bħala parti minn miżuri ta’ awsterità.

Fi studju li se jkun ippubblikat aktar tard dan ix-xahar, IDF Ewropa identifikat differenzi kbar fl-aċċess għal mediċini ta’ kwalità u apparati mediċi għall-kura tad-dijabete fl-Ewropa. Persuni bid-dijabete jiddependu fuq aċċess kontinwu għal trattament biex jikkontrollaw din il-kundizzjoni tul ħajjithom. Il-piż ta’ dijabete kkontrollata ħażin hu evidenti għall-persuni b'din il-kundizzjoni, dan inaqqsilhom il-kwalità ta' ħajjithom, u għas-sistemi tal-kura tas-saħħa jwassal għal spejjeż spirali.

Bosta mill-kumplikazzjonijiet tad-dijabete bħall-mard tal-qalb, il-ħsara fil-kliewi u l-problemi fis-saqajn jistgħu jiġu evitati b'dijanjosi f'waqtha, bl-edukazzjoni tal-pazjent u professjonali, u b'kura komprensiva, multidixxiplinarja fit-tul taż-żmien.

Inizjattivi li jindirizzaw il-fatturi ta’ riskju tad-dijabete – bħan-nutrizzjoni fqira u n-nuqqas ta’ attività fiżika – huma essenzjali, u l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġa lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jippromwovu dieti tajbin għas-saħħa u biex jindirizzaw l-obeżità jinvolvi firxa wiesgħa ta’ setturi (is-saħħa u s-servizzi soċjali, l-edukazzjoni, l-agrikultura, il-midja, il-mobbiltà urbana u l-attività fiżika). L-inkoraġġiment ta’ stili ta’ ħajja li ma jagħmlux ħsara għas-saħħa ma jistax jiddependi biss fuq il-politika pubblika u s-settur tas-saħħa. Barra minn hekk, dawn l-inizjattivi għandhom jiġu kkomplementati minn politiki li jindirizzaw il-kwistjonijiet strutturali sottostanti l-epidemija tad-dijabete, eż. tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u l-aċċess għal kura ta' kwalità għad-dijabete.

Hu ttamat li l-inizjattivi fil-livell tal-UE bħall-Azzjoni Konġunta dwar Mard Kroniku, b’Pakkett ta’ Ħidma ddedikat esklużivament għad-dijabete, kif ukoll il-pjan ta’ azzjoni dwar l-obeżità fit-tfal se jrawmu kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-partijiet interessati kollha involuti biex jiġi żviluppat rispons ta’ politika komprensiva u transettorjali għall-epidemija tad-dijabete. 

Hu imperattiv li l-investiment fil-kura, ir-riċerka u l-prevenzjoni tad-dijabete jitqiesu bħala prerekwiżit biex jiġu promossi stil ta’ ħajja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa u soċjetà aktar produttiva, u bħala kontributur ewlieni għal tkabbir ekonomiku fit-tul ta' żmien.

Id-dijabete

Aktar dwar din it-tema