breadcrumb.ecName

Il-Kummissarju Elisa Ferreira tagħti l-Premjijiet REGIOSTARS 2023 għal proġetti rivoluzzjonarji ffinanzjati mill-UE taħt il-Politika ta' Koeżjoni

  • 16 November 2023
Il-Kummissarju Elisa Ferreira tagħti l-Premjijiet REGIOSTARS 2023 għal proġetti rivoluzzjonarji ffinanzjati mill-UE taħt il-Politika ta' Koeżjoni

Illum, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira tat il-Premjijiet REGIOSTARS 2023 lil seba' proġetti eċċellenti u innovattivi madwar l-Ewropa li ġew appoġġati mill-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni.

Il-proġetti juru kif l-UE, permezz tal-Politika ta' Koeżjoni, twettaq bidla fil-prattika u ssaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali madwar l-UE. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet saret f'Ostrava, iċ-Ċekja.

Għall-edizzjoni tal-2023, tressaq għadd rekord ta' 228 applikazzjoni għall-kompetizzjoni tal-ewwel premju f'sitt kategoriji differenti kif ukoll għall-premju tal-għażla pubblika, bi 30 finalist magħżula.

Kategorija 1 - Ewropa kompetittiva u intelliġenti: Il-proġett Spanjol, “Edificio Fundacion Pasqual Maragall”, ħa l-ewwel f'din il-kategorija. Il-fondazzjoni li hija bbażata f'Barċellona issa għandha infrastruttura tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku li tippermetti r-riċerka, id-diġitalizzazzjoni u l-kollaborazzjoni ma' pajjiżi oħra tal-UE fil-ġlieda kontra l-marda ta' Alzheimer. 

Kategorija 2 - Ewropa Ekoloġika: Rebaħ din il-kategorija, il-proġett Interreg From mine to river. The Water Guardians” li jinsab fil-fruntiera bejn ir-Rumanija u s-Serbja. Żewġ universitajiet u NGO ngħaqdu flimkien biex ifasslu soluzzjoni għat-tnaqqis tat-tniġġis ikkawżat minn attivitajiet ta' estrazzjoni u għar-restawr tal-attraenza naturali u l-estetika taż-żona tal-fruntiera. 

Kategorija 3 - Ewropa Konnessa: Proġett Interreg li jopera fil-Ġermanja, l-Awstrija, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Italja u l-Polonja ħa l-premju għal din il-kategorija. “Dynaxibility4CE'” itejjeb il-mobbiltà b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-kwalità tal-arja fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali billi jgħammar lill-awtoritajiet tat-trasport pubbliku bi strateġiji ta' ppjanar u l-għodod neċessarji sabiex jindirizzaw xejriet ġodda ta' mobilità. 

Kategorija 4 - Ewropa soċjali u inklużiva: Ir-rebbieħ huwa “ProFem 2.0” miċ-Ċekja. Il-proġett joffri appoġġ lill-vittmi ta' vjolenza domestika u sesswali permezz ta' ċentri ddedikati u pjattaforma online. Il-proġett wera l-kapaċità li jappoġġa lill-vittmi madwar il-pajjiż billi stabbilixxa strutturi speċifiċi fil-livell nazzjonali.

Kategorija 5 - Ewropa eqreb taċ-ċittadini: Rebħet din il-kategorija “EuregioFamilyPass”, karta li toffri bosta benefiċċji lill-familji (pereżempju, aċċess għal avvenimenti kulturali, trasport pubbliku u edukazzjoni) fir-reġjun tat-Tirol tan-Nofsinhar Tirol-Trentino bejn l-Awstrija u l-Italja. 

Kategorija 6 - Suġġett tas-sena (Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023): “TechGrounds” min-Netherlands kiseb l-ewwel post f'din il-kategorija. Il-proġett isolvi l-ispariġġ li spiss ikun preżenti fis-suq tax-xogħol tal-IT billi jattiva talenti moħbija u joffri approċċ iggwidat għall-IT, minn suġġerimenti dwar l-onboarding għal taħriġ iddedikat.

Bħal kull sena, il-pubbliku huwa mistieden jivvota għall-proġett favorit tiegħu fost it-30 finalist magħżula. Din is-sena, il-proġett ippreferut b'mod ċar mill-pubbliku u li rċieva l-ogħla numru ta' voti online, kien iċ-Ċentru Artistiku Kulturali: mużew u librerija” f'Burgas, il-Bulgarija. Bis-saħħa tal-fondi ta' Koeżjoni, binja abbandunata nbidlet f'ċentru kulturali u edukattiv fejn issa nistgħu nsibu mużew, l-akbar librerija fix-Xlokk tal-Bulgarija b' 600,000 ktieb, u spazju li jista' jintuża għal avvenimenti u workshops komunitarji.

Kuntest

Il-Premjijiet REGIOSTARS huma l-kompetizzjoni annwali organizzata mill-Kummissjoni mill-2008. Saru t-tikketta ta' eċċellenza tal-Ewropa għall-proġetti ffinanzjati mill-UE taħt il-Politika ta' Koeżjoni li juru approċċi innovattivi u inklużivi għall-iżvilupp reġjonali. Huma ispiraw lir-reġjuni biex iwettqu Politika ta' Koeżjoni tal-UE b'impatt dejjem akbar, li qed jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini fil-livell lokali.

Din is-sena rat mijiet ta' proġetti jikkompetu f'ħames kategoriji allinjati mal-objettivi ta' politika tal-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, flimkien ma' kategorija speċifika stabbilita għal din l-edizzjoni - f'dan il-każ, relatata mas-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023. Għalhekk kien hemm sitt kategoriji fejn wieħed seta' jikkompeti, kif ukoll premju tal-għażla ġenerali pubblika, fejn il-pubbliku vvota għall-proġett favorit tiegħu fost il-lista ta' finalisti.

Minn 228 applikazzjoni, intgħażlu 30 finalist biex jagħmlu l-aħħar preżentazzjoni tagħhom quddiem ġurija matul il-Ġimgħa tar-Reġjuni tal-UE annwali, li saret f'Ottubru 2023.

Iċ-ċerimonja li twassal għall-għoti tal-premjijiet, imbagħad intgħażlet biex issir fil-belt ta' Ostrava, iċ-Ċekja. Kull sena, Stat Membru differenti jospita ċ-ċerimonja abbażi ta' kalendarju rotazzjonali. 

Nifraħ mill-qalb lir-rebbieħa tal-premjijiet REGIOSTARS ta’ din is-sena. Għal darb’ oħra, fi tmiem ta’ din l-edizzjoni, inħossni ispirata, wara li rajt u smajt dwar dawn il-proġetti tant innovattivi li għandhom impatt reali fuq ħajjet in-nies madwar l-Ewropa. Dawn il-proġetti juru b’mod ċar il-valur miżjud tal-Politika ta’ Koeżjoni fir-rispons għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini fil-livell lokali. Il-Politika ta’ Koeżjoni għandha s-setgħa li tħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini – u fadal ħafna aktar xi jsir!

Elisa Ferreira, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi - 16/11/2023

Aktar informazzjoni