breadcrumb.ecName

Il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE: Il-programmi 2021-2027 mistennija joħolqu 1.3 miljun impjieg fl-UE

  • 02 May 2023
Il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE: Il-programmi 2021-2027 mistennija joħolqu 1.3 miljun impjieg fl-UE

Il-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni fl-2021-2027 mistenni jappoġġa l-ħolqien ta' 1.3 miljun impjieg, u jżid il-PDG tal-UE b'medja ta' 0.5 % sa tmiem id-deċennju, u sa 4 % f'xi Stati Membri.

Dan se jgħin ukoll għal ħafna beni pubbliċi komuni, filwaqt li jipprovdi benefiċċji tanġibbli u konkreti liċ-ċittadini, ir-reġjuni u l-bliet Ewropej. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet ta' rapport dwar l-eżitu tal-programmazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni 2021-2027 ippubblikat illum.

Biex dan iseħħ, il-Politika ta' Koeżjoni se tirrilaxxa volum totali ta' investimenti ta' EUR 545 biljun matul dan il-perjodu, li minnhom EUR 378 biljun huma ffinanzjati mill-UE. Dawn l-investimenti se jippromwovu konverġenza soċjoekonomika dejjiema, koeżjoni territorjali, Ewropa soċjali u inklużiva u tranżizzjoni ekoloġika u diġitali bla xkiel u ġusta.

Ewropa aktar intelliġenti u kompetittiva

Il-Politika ta' Koeżjoni tappoġġa bil-qawwa r-riċerka u l-innovazzjoni u tindirizza d-distakk diġitali. Pereżempju, 83,000 riċerkatur se jkollhom aċċess għal faċilitajiet ta' riċerka mtejba filwaqt li 725,000 kumpanija se jingħataw appoġġ għall-innovazzjoni u t-tkabbir intelliġenti.

Il-Politika għandha l-għan li tappoġġa l-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi (bl-involviment ta' 22,500 amministrazzjoni pubblika) u t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji. Hija qed tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta' ħiliet u infrastruttura diġitali, inkluż permezz tal-konnessjoni ta' 3.1 miljun unità domestika ma' networks mobbli b'veloċità għolja u infrastruttura diġitali fissa.

Lejn ekonomija b'newtralità karbonika u Ewropa aktar reżiljenti

L-investimenti ekoloġiċi fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima qed ikunu ffukati fuq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE b'mill-inqas 55 % sal-2030 u tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050.

Għal dan l-għan, il-Politika ta' Koeżjoni tappoġġa proġetti fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli li huma partikolarment importanti biex jiġu implimentati azzjonijiet ewlenin skont il-pjan REPowerEU. Pereżempju, 32 miljun m2 ta' bini pubbliku u 723,000 unità domestika mistennija jibbenefikaw minn titjib fil-prestazzjoni enerġetika tagħhom filwaqt li se jiġu installati 9,555 MW ta' kapaċità ta' enerġija rinnovabbli addizzjonali.

Biex tappoġġa l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri, il-Politika se tappoġġa l-bini ta' 229,000 ettaru ta' infrastruttura ekoloġika ġdida.

Il-mobilità urbana sostenibbli se tkun appoġġata wkoll billi jiġu inklużi 1,230 km ta' linji ġodda u modernizzati tat-tramm u tal-metro, u 12,200 km ta' infrastruttura ċiklistika.

Infrastruttura mtejba tal-ilma nadif u għall-ilma mormi se jilħqu 16.4 miljun ruħ permezz ta' investimenti tal-Koeżjoni.

Lejn tranżizzjoni ġusta

Il-Politika ta' Koeżjoni tgħin lin-nies u lit-territorji l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika biex tgħin biex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa' l-art.

Għalhekk se tappoġġa kważi 39,000 intrapriża biex jilqgħu din it-tranżizzjoni. B'mod partikolari, aktar minn 5,000 negozju żgħir u medju (SMEs) se jibbenefikaw minn investimenti f'ħiliet ġodda għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, it-tranżizzjoni industrijali u l-intraprenditorjat. Sa 120,000 persuna qiegħda se jibbenefikaw mill-miżuri ta' appoġġ għas-suq tax-xogħol u kważi 200,000 ruħ se jiksbu kwalifiki ġodda.

Ewropa aktar soċjali u inklużiva

Biex jiġi żgurat tkabbir soċjali u inklużiv, u f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-fondi ta' Koeżjoni jappoġġaw lin-nies, inkluż fil-ħajjiet professjonali tagħhom. Dan jinkludi l-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja – prijoritajiet kruċjali f'din is-Sena Ewropea tal-Ħiliet – ta' mill-inqas 6.5 miljun persuna qiegħda. Dan se jgħin biex tintlaħaq il-mira tal-UE għall-2030 li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw f'taħriġ kull sena.

Qed tingħata enfasi partikolari lit-titjib tal-integrazzjoni u l-inklużjoni ta' aktar minn 3 miljun ruħ, inklużi 600,000 ruħ fi gruppi emarġinati bħar-Rom. Il-fondi se jappoġġaw ukoll 1.7 miljun student fl-edukazzjoni primarja u sekondarja u kważi 3.5 miljun ruħ mistennija jistudjaw f'faċilitajiet edukattivi ġodda jew modernizzati.

Is-saħħa u l-kura fit-tul, inklużi l-infrastruttura u t-tagħmir, se jibbenefikaw minn titjib importanti, filwaqt li 60 miljun pazjent mistennija jirċievu pariri jew trattamenti mediċi f'faċilitajiet tal-kura tas-saħħa ġodda jew modernizzati.

Ewropa aktar konnessa

Il-Politika ta' Koeżjoni se tappoġġa sistemi tat-trasport effiċjenti fil-livelli territorjali kollha, bħall-ferroviji, wieħed mill-aktar modi ta' trasport sikuri u nodfa: Se jinbnew jew jiġu mmodernizzati 3,900 km ta' linji ferrovjarji tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T).

Fl-aħħar nett, bis-saħħa ta' programmi madwar l-UE u l-ġirien tagħha taħt il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-fondi se jiġu investiti fi proġetti konġunti li jinvolvu aktar minn 2 miljun ruħ, 40,299 organizzazzjoni u 25,456 SME.

Sfond

Il-Politika ta' Koeżjoni hija l-istrument ewlieni ta' investiment fit-tul fl-UE. Hija tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, tikkoreġi l-iżbilanċi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni u twettaq il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

Il-Politika ta' Koeżjoni hija implimentata minn bosta fondi:

L-objettivi tal-politika huma:

  • Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti;
  • tranżizzjoni aktar ekoloġika, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju lejn ekonomija b'newtralità karbonika u Ewropa reżiljenti;
  • Ewropa aktar konnessa billi tittejjeb il-mobilità;
  • Ewropa aktar soċjali u inklużiva;
  • Ewropa eqreb iċ-ċittadini għal approċċ minn isfel għal fuq u bbażat fuq il-post billi tingħata s-setgħa lit-territorji subreġjonali u lill-komunitajiet lokali biex jidentifikaw il-prijoritajiet u l-proġetti tagħhom stess b'mod integrat u parteċipattiv;
  • tranżizzjoni ġusta lejn il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, abbażi tal-Ftehim ta' Pariġi.

Il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-formazzjoni ta’ Unjoni dejjem iktar b’saħħitha huwa indiskutibbli. Dan ir-rapport juri eżiti konkreti u dak li nistgħu nistennew mill-investimenti tal-Koeżjoni fil-prattika għas-snin li ġejjin. Ewropa aktar kompetittiva, aktar intelliġenti, aktar ekoloġika, aktar konnessa, u aktar inklużiva hija l-futur tagħna bis-saħħa wkoll tal-fondi ta’ Koeżjoni.

Elisa Ferreira, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi - 02/05/2023

Il-Politika ta’ Koeżjoni hija dik li tqarreb ir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea lejn xulxin. Hija tgħinna nibnu Ewropa iktar soċjali u inklużiva. Hija tinvesti fin-nies: fit-tagħmir diġitali għall-iskejjel, fil-kura fit-tul għall-persuni vulnerabbli, u fl-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ gruppi emarġinati, u fl-għajnuna lin-nies biex isibu xogħol. Għandna lkoll inkunu kburin b’dak li l-fondi ta’ koeżjoni jagħmluh possibbli kuljum madwar l-Ewropa kollha.

Nicolas Schmit, il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali - 02/05/2023

Aktar informazzjoni