Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Ta' Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Ta' Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Ninsab kuntent li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill reċentement laħqu ftehim dwar id-Deċiżjoni dwar theddid serju għas-saħħa bejn pajjiżi differenti. Dan huwa pass kbir ’il quddiem biex titjieb is-sigurtà tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea u biex iċ-ċittadini madwar l-Ewropa jkunu protetti mill-possibbiltà ta’ pandemiji, diżastri ambjentali jew kimiċi jew theddid ieħor għas-saħħa.

Skont din il-leġiżlazzjoni l-ġdida, dawn it-tipi differenti ta’ theddid serju għas-saħħa bejn il-pajjiżi minn issa ’l quddiem jistgħu jiġu ttrattati b’mod konsistenti fil-livell tal-UE, grazzi għall-esperjenza ta' dawn l-aħħar 20 sena b’bosta pandemiji u emerġenzi.

Dan it-theddid ma jafx fruntieri u fid-dinja globalizzata tagħna jista' jinxtered fi ftit sigħat. Din hija r-raġuni għaliex huwa partikolarment importanti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma ppreparati bis-sħiħ biex jikkoordinaw rispons effettiv għal dan it-theddid bejn il-fruntieri. U dan huwa preċiżament l-għan ta’ din id-Deċiżjoni li tippromwovi koordinazzjoni bejn l-ippjanar tat-tħejjija nazzjonali għal theddid għas-saħħa bejn pajjiżi differenti. Issaħħaħ ukoll il-ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni. Il- Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa eżistenti, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, issa għandu mandat ċar biex jikkoordina l-isforzi biex jiġi miġġieled dan it-theddid u biex jintbagħat messaġġ ċar lill-pubbliku u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa.

Wieħed mill-aspetti kruċjali tal-ftehim huwa l-istabbiliment ta’ bażi legali għall-koordinazzjoni tal-akkwist tal-vaċċini u kontromiżuri oħra madwar l-UE. Dan se jippermetti lill-Istati Membri li jipparteċipaw f’dan il-proċess biex ikunu ppreparati għal pandemija fil-futur b'kundizzjonijiet aħjar milli kienu fil-passat. Il-pożizzjoni tal-Unjoni f’każ ta’ kwalunkwe emerġenza tas-saħħa hija msaħħa wkoll. Għall-ewwel darba, l-UE tista’ tirrikonoxxi sitwazzjoni ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika sabiex titħaffef il-provvista ta’ kwalunkwe vaċċini jew mediċini, skont il-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE.