Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt ewlenin essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jibdel il-Prinċipji f’azzjonijiet konkreti għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Hu jipproponi wkoll miri ewlenin biex l-UE tilħaqhom sal-2030.

It-twettiq tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali hu responsabbiltà komuni għall-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili.

Tliet miri ambizzjużi tal-UE sal-2030

78%
Impjiegi
mill-anqas 78% tal-popolazzjoni li jkollhom bejn l-20 u l-64 sena jenħtieġ li jkunu impjegati sal-2030
60%
Taħriġ
mill-anqas 60% tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw f’taħriġ kull sena sal-2030
15-il miljun
Tnaqqis tal-faqar
tnaqqis ta’ mill-anqas 15-il miljun fin-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali

 

Inbiddlu l-prinċipji f'realtà

Fejn ninsabu

  • Il-kriżi tal-coronavirus waqqfet il-progress pożittiv fl-impjiegi ta’ 6 snin, b’rata ta’ impjieg ta’ 72.4% sat-3 trimestru tal-2020.
  • Sal-2016, 37% biss tal-adulti kienu qed jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ tagħlim kull sena.
  • Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li fl-2021, aktar minn persuna waħda minn kull ħamsa fl-UE kienet f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (21.7% tal-popolazzjoni jew 95.4 miljun persuna). Il-faqar fost it-tfal kien ta’ 24.4%.

Miri nazzjonali

Il-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali tal-UE ppreżentaw il-miri nazzjonali tagħhom fis-16 ta’ Ġunju 2022. Flimkien, l-impenji tal-Istati Membri jidderieġu lill-UE fit-triq it-tajba biex tilħaq jew saħansitra taqbeż il-miri ewlenin tal-UE.

X’jaħsbu l-Ewropej dwar l-Ewropa Soċjali

“Affarijiet prattiċi żgħar bħall-validazzjoni tad-diplomi, il-ksib ta’ numru tas-sigurtà soċjali, l-amministrazzjoni tas-salarju u dak kollu involut fiċ-ċaqliq minn pajjiż tal-UE għal ieħor għandhom ikunu faċli.”

Pascal, in-Netherlands

 

“Naħdem f’kumpanija li għandha għal qalbha d-diversità u l-inklużjoni u li qed tagħmel bosta sforzi kbar biex tevita preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru jew kwalunkwe diversità oħra. Naħseb li l-UE tista’ tħares lejn dawn l-eżempji peress li għandna ideat kbar x’noffru li jistgħu jiġu replikati f’kumpaniji oħrajn.”

Alexandra, ir-Rumanija

 

“Għandu jkun faċli u attraenti li wieħed jaħdem għal rasu fl-Ewropa, l-istess għal impjieg, taħriġ jew pensjoni. Minn naħa dan jista’ jwassal għal dħul aħjar u min-naħa l-oħra jinvolvi nies ta’ kull età u jgħaqqadhom bejn il-fruntieri nazzjonali.”

Wolfgang, l-Awstrija

Konsultazzjoni pubblika

Dawn it-testimonjanzi huma parti minn konsultazzjoni pubblika fuq skala kbira b’aktar minn 1,000 kontribuzzjoni bil-miktub mill-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-negozji, il-gruppi ta’ riflessjoni u ċ-ċittadini. Barra minn hekk, permezz ta’ webinars iddedikati għal dan is-suġġett, il-Kummissjoni kkonsultat ma’ aktar minn 1,500 parti ikkonċernata – fosthom il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u l-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Pjan ta’ Azzjoni jibbaża fuq ir-riżultati tiegħu.

Stħarriġ tal-Ewrobarometru

9 minn kull 10 Ewropej (88%) iqisu li l-Ewropa soċjali hi importanti għalihom personalment, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2021 dwar kwistjonijiet soċjali.

Aktar dwar l-istħarriġ tal-Ewrobarometru

Summit Soċjali ta’ Porto u Impenn Soċjali ta’ Porto

Is-Summit Soċjali f’Porto fis-7-8 ta’ Mejju 2021 organizzat mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill, ipprovda l-opportunità li jiġu kkonfermati mill-ġdid l-impenn u l-ambizzjoni li n-nies jitpoġġew l-ewwel fl-irkupru tal-Ewropa u lil hinn. Is-Summit Soċjali ta’ Porto kien ukoll okkażjoni biex ningħaqdu biex fl-ogħla livell politiku nġeddu l-impenn li nimplimentaw il-Pilastru Soċjali.

Fis-7 ta’ Mejju, is-sħab iffirmaw it-tliet miri ewlenin tal-2030 stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-Kummissjoni f’Impenn Soċjali ta’ Porto konġunt.

Fit-8 ta’ Mejju, il-membri tal-Kunsill Ewropew adottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Porto dwar l-affarijiet soċjali.

Fil-25 ta’ Ġunju, il-Kunsill Ewropew wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-miri ewlenin tal-UE stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto.

Ilħna minn madwar l-Ewropa fis-Summit Soċjali ta’ Porto

Charles Michel
“Għal dawk li jgħidu li l-Ewropa soċjali hi inviżibbli, ngħid – inviżibbli bħala l-arja li nieħdu n-nifs minnha. Dik l-arja hi inviżibbli iżda essenzjali għall-ħajja tal-bniedem.”
David Maria Sassoli
“Is-Summit Ewropew ta’ Porto ma jridx ikun punt tal-wasla, iżda punt tat-tluq lejn irkupru soċjali.”
Mario Draghi
“Irridu ninkludu l-miri u l-istadji importanti tal-Pilastru fis-Semestru Ewropew.”
Emmanuel Macron
“Bħala Ewropej, qed infasslu t-tweġiba għall-kriżi li qed niffaċċjaw: rispons soċjali, f’konformità mal-valuri tagħna.”

 

Ningħaqdu flimkien biex inwasslu Ewropa aktar soċjali

It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hu impenn politiku komuni u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili, li lkoll għandhom rwol x’jaqdu f’konformità mal-kompetenzi tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-UE bla preċedent disponibbli biex jappoġġjaw ir-riformi u l-investimenti: il-baġit tal-UE, in-NextGenerationEU, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, u aktar.

L-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili hu essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Pilastru.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu mis-Semestru Ewropew biex jikkoordinaw ir-riformi ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali u l-investimenti, filwaqt li jpoġġu lin-nies u l-benesseri tagħhom fiċ-ċentru.
Il-gwida u l-azzjoni internazzjonali tal-UE fil-qasam soċjali jgħinu biex jiġi affermat ir-rwol tal-UE bħala mexxejja globali responsabbli, filwaqt li jiġu promossi x-xogħol deċenti u l-inklużjoni soċjali madwar id-dinja.

Kronoloġija u azzjonijiet ewlenin

Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi numru ta’ azzjonijiet tal-UE li l-Kummissjoni hi impenjata li tieħu matul il-mandat attwali (sa tmiem l-2024), filwaqt li tibni fuq il-ħafna azzjonijiet li diġà ttieħdu sa mill-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f’Gothenburg, l-Iżvezja, fl-2017. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni hu l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni biex il-prinċipji tal-Pilastru Soċjali jsiru realtà.

  1.  
    Diġà nkisbet fi Q3 2021
  2.  
    2022
  3.  
    2024
    L-ewwel evalwazzjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol
  4.  
    2025
    Rieżami mill-ġdid tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

 

Ixxerja din il-paġna