Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Aljona Kurbatova, il-Kap tad-Dipartiment tal-Prevenzjoni tal-Mard Infettiv u tal-Abbuż mid-Droga, Istitut Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Saħħa

minn Aljona Kurbatova, il-Kap tad-Dipartiment tal-Prevenzjoni tal-Mard Infettiv u tal-Abbuż mid-Droga, Istitut Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Saħħa

Ħafna nies jaħsbu li t-tuberkulożi hija xi ħaġa tal-passat. Ir-realtà hija li ċ-ċansijiet li din il-marda tinqered f'dan is-seklu huma żgħar ħafna. Skont ir-Rapport Globali tat-Tuberkulożi tad-WHO tal-2014, fl-2013 din il-marda swiet il-ħajja ta' 1.5 miljun persuna, u l-fatt li dawn l-imwiet setgħu ġew evitati hu tabilħaqq devastanti.  

Huwa stmat li 9 miljun persuna żviluppaw it-TB fl-2013, inklużi 480 000 li żviluppaw TB reżistenti għal ħafna mediċini (MDR), li qed tkun ta’ theddida dejjem tikber. Fi 30 pajjiż tal-UE/ŻEE, ġew irrappurtati 64,844 każ ta’ TB, li kien 6.0% inqas mill-2012, iżda l-każijiet ta’ TB reżistenti għal ħafna mediċini u TB reżistenti għall-mediċini f'sens estensiv qed jiżdiedu.

L-użu tad-droga injettata kien fattur importanti f'epidemiji tat-TB assoċjati mal-HIV, speċjalment fl-Ewropa tal-Lvant. Filwaqt li kien hemm xi suċċessi, mhux qed isir sforz biżżejjed biex jiġu indirizzati xi wħud mill-aktar gruppi vulnerabbli bħan-nies li jinjettaw id-drogi (PWID).

In-nies li jinjettaw id-drogi huma f’riskju għoli tal-HIV u t-TB għax ta’ sikwit isiru vulnerabbli minħabba fatturi oħra bħall-fatt li jistgħu jkunu nies mingħajr dar, il-priġunerija u l-malnutrizzjoni. Il-vulnerabbiltà tagħhom tiżdied bl-istigma li jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.  Madankollu, b’appoġġ adegwat u persunal b’esperjenza, dawn in-nies jistgħu jaderixxu ma’ trattament għal żmien twil u jkollhom riżultati kliniċi komparabbli ma’ dawk li ma jużawx id-drogi.

M’hemm ebda mudell uniku ta' servizzi ta' integrazzjoni, f’kull pajjiż jew saħansitra f'kull muniċipalità jista' jkun hemm soluzzjonijiet differenti. Iżda diversi inizjattivi huma ta’ ispirazzjoni, bħas-Servizzi Sib u Kkura ta' Londra li jipprovdu azzjonijiet attivi ta' sejbien ta' każijiet u r-"riċevimenti bit-tema tat-TB" fil-Bulgarija li jfittxu l-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli b'mod simpatiku li jgħin sabiex in-nies isiru jafu aktar u jkunu aktar konxji dwar saħħithom.

Biex inrawmu l-ekwità fis-saħħa, jeħtieġ li nirrikonoxxu li l-popolazzjonijiet vulnerabbli għandhom l-istess dritt għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità bħaċ-ċittadini l-oħra tal-UE u li nibdew naġixxu skont dan. Jeħtieġ li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-ħarsien soċjali f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jġibu s-servizzi aktar qrib lejn in-nies billi jsaħħu l-ħidma ta' lħiq, il-maniġment tal-każijiet u l-interventi motivazzjonali. Diversi inizjattivi Ewropej iffinanzjati mill-Programm tas-Saħħa taw prova li dan huwa fil-fatt possibbli.

It-tuberkulożi hija t-tielet prijorità tal-Programm tas-Saħħa 2014-2020 u problema għas-sigurtà tas-saħħa li tirrikjedi reazzjoni tal-UE għall-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tat-tuberkulożi u t-trawwim ta’ ambjenti ta’ sostenn, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ “saħħa fil-politiki kollha”. Bis-saħħa ta' reazzjoni adegwata, nistgħu fil-fatt inkunu kapaċi niksbu dak li ħafna nies jassumu li diġà sar - li tasal il-ġurnata meta neqirdu t-TB darba għal dejjem.