Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Matul is-sajf, il-Kummissjoni Ewropea kienet qed taħdem fil-qrib mal-Istati Membri tal-UE fi ħdan il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa sabiex iżżommhom infurmati dwar l-aħħar żviluppi u biex tikkoordina l-metodi dwar il-prevenzjoni u t-tħejjija tal-Ebola. Il-kwistjonijiet diskussi fil-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa inkludew evakwazzjonijiet mediċi, il-faċilitajiet tal-isptar fl-UE, pariri għall-vjaġġaturi, id-definizzjonijiet tal-każ, il-kooperazzjoni tal-laboratorji u t-trattamenti.

Għal disa’ xhur issa d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u l-Konsumaturi kien qed jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni f’kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Sa minn Marzu, meta faqqgħet il-marda għall-ewwel darba, il-Kummissjoni investiet aktar minn 11.9 miljun euro biex tipprovdi għajnuna lill-pajjiżi kkonċernati mill-epidemija, u fl-użu ta’ żewġ Laboratorji Mobbli Ewropej biex jipprovdu ttestjar u appoġġ fuq il-post 

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mal-Istati Membri, id-WHO u organizzazzjonijiet oħra biex tappoġġja l-pajjiżi milquta, bl-appoġġ tal-UE li qed jiġi kkoordinat mid-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO). Eluf ta’ voluntiera, ħafna mill-UE, qed jissugraw ħajjithom sabiex jiġu salvati l-ħajjiet ta’ oħrajn. Qed juru dedikazzjoni straordinarji, b’ħidma mill-qrib mal-persunal u l-awtoritajiet lokali.

Minkejja s-severità tal-kriżi, kif enfasizzajt fid-dikjarazzjoni tiegħi fit-8 ta’ Awwissu, ir-riskju ta’ tixrid tal-Ebola lejn l-Ewropa hu meqjus baxx ħafna, b’mod partikolari jekk il-vjaġġaturi u l-fornituri tal-kura tas-saħħa li jirritornaw minn vjaġġ jiġu infurmati sewwa. L-Ebola mhix mifruxa permezz tal-arja - hi biss trażmessa permezz ta’ kuntatt dirett ma’ demm jew fluwidi oħra tal-ġisem minn persuni jew annimali infettati, mejtin jew ħajjin - għalhekk bil-prekawzjonijiet neċessarji tista’ tkun evitata. 

Minkejja dan, il-Kummissjoni Ewropea tibqa' attenta u preparata biex tgħin l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu protetti f’kull eventwalità, skont id-Deċiżjoni 1082/2013/UE dwar it-theddiediet transkonfinali serji tas-saħħa.

ebola

Aktar dwar din it-tema