breadcrumb.ecName
mt Malti

Proġett Interreg - Design4Innovation: L-għajnuna lill-SMEs issir aktar kompetittiva u innovattiva permezz tad-disinn

  • 01 June 2022

Il-proġett Design4Innovation stabbilit biex jgħin lill-SMEs isiru aktar kompetittivi billi jinvestu fid-disinn biex jiżviluppaw prodotti u servizzi innovattivi, favur l-ambjent u li jagħmlu qliegħ. Il-proġett wera kif in-negozji jistgħu jadattaw biex iwasslu oġġetti u servizzi f’Ewropa pandemika u ta’ wara l-pandemija.

Il-proġett fetaħ opportunitajiet għall-imsieħba u l-partijiet ikkonċernati kollha biex jespandu n-network tagħna, u għenna naraw l-interkonnessjoni bejn il-politiki tal-UE u r-riżultati ta’ dan il-proġett dwar l-użu tad-disinn għall-SMEs.

Kumment minn parteċipant tal-proġett.

It-tmien imsieħba tal-proġett minn seba’ pajjiżi implimentaw miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs, filwaqt li tgħallmu l-metodi tad-disinn huma stess, biex itejbu s-servizzi li joffru lin-negozji u liċ-ċittadini. Il-proġett Interreg influwenza l-politiki u wassal għal approċċi u inizjattivi ġodda.

Inwasslu l-innovazzjoni fis-suq grazzi għall-Interreg

L-importanza tad-disinn għan-negozji saret partikolarment rilevanti minħabba l-COVID-19 u l-inizjattiva l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida li tfittex li tgħaqqad l-estetika u s-sostenibbiltà fl-akkomodazzjoni u l-ibliet.

Ħafna SMEs ma’ għandhomx l-għarfien u l-kapaċità li jinvestu sistematikament fid-disinn. Design4Innovaation wieġeb għal dik il-ħtieġa billi pprovda appoġġ, filwaqt li evita soluzzjonijiet amministrattivi tqal.

L-imsieħba tal-proġett kienu dipartimenti tal-gvern jew aġenziji inkarigati mill-intraprenditorija u mill-iżvilupp tal-innovazzjoni. Is-sieħeb ewlieni, PDR, huwa istituzzjoni ta’ riċerka dwar id-disinn u l-innovazzjoni stabbilita mill-Cardiff Metropolitan University (Università Metropolitana ta’ Cardiff), ir-Renju Unit, fl-1994.

Id-definizzjonijiet tad-disinn mill-parteċipanti tal-proġett kienu jvarjaw minn “approċċ għas-soluzzjoni tal-problemi li jista’ jiġi applikat għall-iżvilupp ta’ prodotti ġodda, servizzi ġodda u saħansitra politiki ġodda” u “mod kif tinġieb l-innovazzjoni fis-suq”, għal “element ewlieni fl-ekonomija ċirkolari ġdida”.

Ix-xogħol li sar kien jinkludi l-identifikazzjoni tal-aktar mekkaniżmi ta’appoġġ innovattivi finanzjarji u mhux finanzjarji għall-SMEs u s-sejba ta’ modi biex il-programmi ta’ appoġġ eżistenti jsiru aktar faċli u effettivigħall-utent. Ġew żviluppati mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u tfasslu pjanijiet għall-implimentazzjoni.

Grazzi għall-kollaborazzjoni fi ħdan Design4Innovation, ġew żviluppati tliet proġetti ġodda ta’ Orizzont Ewropa: DestinationUXDesign Challenges Pilot Design Impact Observatory.

L-imsieħba tal-proġetti ġew imħeġġa jinvolvu ruħhom f’attivitajiet bħal DeuS, proġett tal-Erasmus+ dwar l-edukazzjoni vokazzjonali fid-disinn mill-Valletta Design Cluster f’Malta, jew l-istabbiliment taċ-Ċentru tad-Disinn Elleniku f’Tessaloniki, il-Greċja.

Design clusters u programmi ta’ taħriġ

Il-proġett irriżulta fil-ftuħ tal-Valletta Design Cluster f’Malta – spazju għall-kreattivi u l-komunità lokali li mmobilizzaw aktar minn EUR 5 miljun f’investiment tal-FEŻR.

Skema ta’ voucher tad-disinn introdotta fil-Latvja f’Mejju 2020 għenet lil 50 SME jadattaw għar-realtà l-ġdida li jitwasslu prodotti u servizzi f’dinja tal-COVID-19.

Ġew introdotti servizzi ta’ konsulenza dwar id-disinn ġodda u mtejba fil-Greċja; f’Silesia, il-Polonja; fi Flanders, il-Belġju; u f’Wales, ir-Renju Unit. Fil-Greċja, 90 % tal-SMEs li bbenefikaw mill-appoġġ għad-disinn introduċew prodotti u servizzi ġodda.

Il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ fil-Katalonja, fi Spanja, ippromwovew l-ekonomija ċirkolari. F’Galicia, fi Spanja, ġew organizzati taħriġ fid-disinn bħall-programm REACCIONA. L-imsieħba Spanjoli, Belġjani u Pollakki wettqu studji dwar l-effettività tal-inkoraġġiment tal-innovazzjoni permezz tal-politiki.

Investiment totali u finanzjament tal-UE 

L-investiment totali għall-proġett “Design4Innovation” huwa ta’ EUR 1 624 774, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE li kkontribwixxa EUR 1 363 764 permezz tal-Programm ta’ Kooperazzjoni “Interreg Europe 2014-2020” għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-investiment jaqa’ taħt il-prijorità “Kompetittività ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju”.