Statistics Explained

Statistika dwar l-abitazzjonijiet

Revision as of 15:47, 13 July 2020 by Piirtju (talk | contribs)


Data estratta f’Ġunju 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ottubru 2020.

Il-verżjoni Ingliża hija aktar riċenti.

Punti ewlenin

Fl-2017, il-maġġoranza tal-popolazzjoni f'kull Stat Membru tal-UE kienet tgħix f’abitazzjonijiet okkupati mis-sidien, bejn 51.4 % fil-Ġermanja u 96.8 % fir-Rumanija.

Fl-2017, aktar minn 15 % tal-popolazzjoni tal-UE kienet tgħix f’abitazzjonijiet iffullati żżejjed; l-ogħla rata fost l-Istati Membri kienet fir-Rumanija (47.0 %).

Madwar l-UE, 4 % tal-popolazzjoni kienet tinsab f'sitwazzjoni ta' privazzjoni ta’ abitazzjoni severa fl-2017.

Fl-2017 fl-UE, il-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni għal kerrejja li kienu qed jikru bil-prezzijiet tas-suq kien l-akbar fil-Greċja: 83.9 % minnhom nefqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fuq l-abitazzjoni. Il-medja tal-UE hija ta’ 26.3 %.

[[File:Housing statistics-FP2020-interactive-MT.XLSX]]

Ir-rata ta’ affollament eċċessiv, 2017

Dan l-artiklu jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-istatistika riċenti dwar l-abitazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea (UE), tlieta mill-pajjiżi tal-EFTA u tliet pajjiżi kandidati, li tiffoka fuq it-tipi ta’ abitazzjoni, l-istat tal-pussess (pussess jew kiri ta’ proprjetà), il-kwalità tal-abitazzjoni u l-affordabbiltà.

Abitazzjoni diċenti, bi prezz li jista’ jintlaħaq f’ambjent sigur, hija ħtieġa fundamentali u titqies minn ħafna bħala dritt tal-bniedem. L-iżgurar li din il-ħtieġa, li x’aktarx tnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali, tiġi sodisfatta għadu sfida sinifikanti f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej.

Artiklu sħiħ

Tipi ta’ abitazzjoni

Illustrazzjoni 1: Tqassim tal-popolazzjoni skont it-tip ta’ abitazzjoni, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni totali)
Sors: Eurostat (ilc_lvho01)


Fl-2017, aktar minn 4 minn kull 10 persuni (41.9 %) fl-EU-28 kienu jgħixu f’appartamenti, kważi kwart (24.0 %) fi djar li jmissu ma' bini minn naħa waħda biss, u ftit aktar minn terz (33.6 %) fi djar li ma jmissux ma' bini ieħor (ara l-Illustrazzjoni 1).

  • Il-proporzjon ta' nies li jgħixu f’appartamenti kien 60 % jew aktar, fost l-Istati Membri tal-UE, fil-Latvja (66.4 %), fi Spanja (66.1 %), fl-Estonja (61.8 %) u fil-Greċja (60.0 %), filwaqt li proporzjon simili ta' nies kienu jgħixu f’appartamenti fl-Iżvizzera (63.2 %).
  • Is-sehem ta’ nies li jgħixu fi djar li ma jmissux ma' bini ieħor laħaq l-ogħla livell fil-Kroazja (70.7 %), fis-Slovenja (65.2 %), fir-Rumanija (64.7 %) u fl-Ungerija (63.8 %). Il-Maċedonja ta’ Fuq (74.3 %), is-Serbja (63.6 %) u n-Norveġja (58.5 %) irrapportaw ukoll li proporzjon għoli tal-popolazzjonijiet tagħhom kienu qed jgħixu fi djar li ma jmissux ma' bini ieħor.
  • L-ogħla proporzjonijiet ta’ nies li jgħixu fi djar li jmissu ma' bini minn naħa waħda biss kienu rrappurtati fir-Renju Unit (60.4 %), fin-Netherlands (58.7 %), fl-Irlanda (51.7 %), fil-Belġju (40.3 %) u f’Malta (40.0 %). Dawn kienu l-uniċi Stati Membri fejn tnejn minn kull ħamsa jew aktar mill-popolazzjoni kienu jgħixu fi djar i jmissu ma' bini minn naħa waħda biss.

Stat tal-pussess

Fl-2017, aktar minn kwart (26.5 %) tal-popolazzjoni tal-EU-28 kienet tgħix f’dar okkupata mis-sid b’ipoteka jew self, filwaqt li aktar minn tnejn minn kull ħamsa (42.8 %) tal-popolazzjoni kienu jgħixu f’dar okkupata mis-sid mingħajr self jew ipoteka (ara l-Illustrazzjoni 2). F'dan il-kuntest, 7 minn kull 10 persuni fl-EU-28 kienu jgħixu f’abitazzjonijiet okkupati mis-sidien (69.3 %), filwaqt li 20.0 % kienu kerrejja li jikru bi prezzijiet tas-suq, u 10.7 % kienu kerrejja li jikru b’kera mnaqqsa jew b’xejn.

Illustrazzjoni 2: Tqassim tal-popolazzjoni skont l-istat tal-pussess, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni totali)
Sors: Eurostat (ilc_lvho02)


Aktar minn nofs il-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru tal-UE kienet tgħix f’abitazzjonijiet okkupati mis-sidien fl-2017, li varjaw minn 51.4 % fil-Ġermanja sa 96.8 % fir-Rumanija. F'dan il-kuntest, l-ebda wieħed mill-Istati Membri tal-UE ma rreġistra sehem ta’ kerrejja li kien ogħla mis-sehem tal-persuni li jgħixu f’abitazzjonijiet okkupati mis-sidien. Għall-kuntrarju, fl-Iżvizzera, il-proporzjon ta’ nies li kienu jgħixu f’abitazzjonijiet mikrija kien akbar minn dawk li kienu jgħixu f’abitazzjonijiet okkupati mis-sidien, minħabba li madwar 58.7 % tal-popolazzjoni kienu kerrejja. Fin-Netherlands (60.7 %) u fl-Iżvezja (52.2 %), aktar minn nofs il-popolazzjoni kienet tgħix f’abitazzjonijiet okkupati mis-sidien b’ipoteka jew self; dan kien ukoll il-każ fl-Iżlanda (63.9 %, data tal-2016) u n-Norveġja (60.5 %).

Is-sehem tan-nies li jgħixu f’abitazzjonijiet mikrija b’kera skont il-prezzijiet tas-suq fl-2017 kien inqas minn 10.0 % fi 11 mill-Istati Membri tal-UE. B’kuntrast, kważi tnejn minn kull ħamsa tal-popolazzjoni fil-Ġermanja (40.0 %) u fid-Danimarka (37.7 %) kienu jgħixu f’abitazzjonijiet mikrija b'kera tal-prezzijiet tas-suq, l-istess bħal madwar tlieta minn kull għaxra tal-popolazzjoni fl-Iżvezja (34.0 %), fl-Awstrija (30.1 %), fin-Netherlands (29.8 %), u madwar wieħed minn kull ħamsa fil-Greċja (21.0 %), fil-Lussemburgu (20.8 %) u fi Franza (19.2 %). Is-sehem tal-popolazzjoni li kienet tgħix f’abitazzjonijiet mikrija bi prezzijiet tas-suq kien saħansitra akbar fl-Iżvizzera fejn kemm kemm qabeż in-nofs (50.9 %). Is-sehem tal-popolazzjoni li tgħix f’abitazzjoni b’kera bi prezz imnaqqas jew li tokkupa abitazzjoni mingħajr ħlas kien inqas minn 20.0 % fl-Istati Membri kollha tal-UE u fis-sitt pajjiżi li mhumiex membri li għalihom tintwera d-data.

Il-kwalità tal-abitazzjoni

Waħda mid-dimensjonijiet ewlenin fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-abitazzjoni hija d-disponibbiltà ta’ spazju suffiċjenti f’abitazzjoni. Ir-rata ta’ affollament eċċessiv tiddeskrivi l-proporzjon ta’ nies li jgħixu f’abitazzjoni ffullata żżejjed, kif definita min-numru ta’ kmamar disponibbli għall-unità domestika, id-daqs tal-unità domestika, kif ukoll l-età tal-membri tagħha u s-sitwazzjoni tal-familja tagħhom.

Fl-2017, 15.7 % tal-popolazzjoni tal-EU-28 kienet tgħix f’abitazzjonijiet iffullati żżejjed

Illustrazzjoni 3: Rata ta’ affollament eċċessiv, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni speċifikata)
Sors: Eurostat (ilc_lvho05a)


L-ogħla rata ta’ affollament eċċessiv fost l-Istati Membri tal-UE (ara l-Illustrazzjoni 3) ġiet irreġistrata fir-Rumanija (47.0 %), filwaqt li rati ogħla minn 50 % ġew irreġistrati fis-Serbja (56.2 %). Il-Maċedonja ta’ Fuq (46.3 %) u t-Turkija (43.7 %) irreġistraw ukoll rati ta’ affollament eċċessiv relattivament għoljin. Ċipru u l-Irlanda (2.8 % kull wieħed), Malta (3.0 %), ir-Renju Unit (3.4 %) u n-Netherlands (4.1 %) irreġistraw l-aktar rati baxxi ta’ affollament eċċessiv, filwaqt li tmien Stati Membri oħra tal-UE, kif ukoll in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Iżlanda, irrappurtaw li inqas minn 10 % tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom jgħixu f'abitazzjonijiet iffullati żżejjed.

Fi ħdan il-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar (fi kliem ieħor, nies li jgħixu f’unitajiet domestiċi fejn l-introjtu disponibbli ekwivalizzat għal kull persuna kien taħt is-60 % tal-medjan nazzjonali), ir-rata ta’ affollament eċċessiv fl-EU-28 kienet ta’ 26.5 % fl-2017, xi 10.8 punti perċentwali (pp) ogħla mir-rata għall-popolazzjoni kollha (ara l-Illustrazzjoni 3). L-ogħla rati ta’ affollament eċċessiv fost il-popolazzjoni li tinsab f’riskju ta’ faqar ġew irreġistrati fir-Rumanija (58.3 %), fis-Slovakkja (55.6 %), fil-Polonja (49.8 %), fil-Bulgarija (48.6 %) u fil-Latvja (47.0 %). It-Turkija (70.7 %), is-Serbja (65.2 %) u l-Maċedonja ta’ Fuq (63.7 %) irrapportaw rati partikolarment għoljin ta’ affollament eċċessiv fost il-popolazzjonijiet tagħhom f’riskju ta’ faqar. Man-naħa l-oħra, l-aktar rati baxxi ta’ affollament eċċessiv għal dawk li kienu f’riskju ta’ faqar ġew irreġistrati fl-Irlanda (7.5 %), fir-Renju Unit (6.4 %), f’Ċipru (6.0 %) u f’Malta (5.9 %). Dawn kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE li rrappurtaw li inqas minn 1 minn kull 10 persuni f’riskju ta’ faqar kienu qed jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ affollament eċċessiv.

Minbarra l-affollament eċċessiv, jitqiesu xi aspetti oħra ta’ privazzjoni ta’ abitazzjoni — bħan-nuqqas ta’ banju jew tojlit, abitazzjoni b'saqaf iqattar, jew abitazzjoni meqjusa bħala mudlama wisq — biex jiġi ddefinit indikatur aktar komplut tal-kwalità tal-abitazzjoni. Ir-rata ta’ privazzjoni ta’ abitazzjoni severa hija definita bħala l-perċentwal tal-popolazzjoni li tgħix f’abitazzjoni li titqies li hija ffullata żżejjed, filwaqt li fl-istess ħin għandha mill-inqas waħda minn dawn il-miżuri msemmija hawn fuq ta’ privazzjoni ta’ abitazzjoni.

Fl-2017, madwar l-EU-28 kollha kemm hi, 4.0 % tal-popolazzjoni kienet tinsab f'sitwazzjoni ta' privazzjoni ta’ abitazzjoni severa

Illustrazzjoni 4: Privazzjoni ta’ abitazzjoni severa, 2016 u 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni)
Sors: Eurostat (ilc_mdho06a)


Kien hemm erba’ Stati Membri tal-UE fejn aktar minn 1 minn kull 10 mill-popolazzjoni ffaċċjaw privazzjoni ta’ abitazzjoni severa: Il-Bulgarija rreġistrat rata ta’ 10.6 %, filwaqt li kien hemm rati ogħla fil-Latvja (15.2 %) u fl-Ungerija (16.2 %), kif ukoll fir-Rumanija li rreġistrat l-ogħla rata, kważi wieħed minn kull ħames persuni (16.5 %) iffaċċjaw privazzjoni ta’ abitazzjoni severa (ara l-Illustrazzjoni 4). B’kuntrast, fl-2017, 1.0 % jew inqas tal-popolazzjoni fin-Netherlands (0.9 %), fl-Irlanda (0.8 %), f’Ċipru (0.8 %) u fil-Finlandja (0.7 %) iffaċċjaw privazzjoni ta’ abitazzjoni severa. Il-proporzjon globali ta’ nies fl-EU-28 li qed jesperjenzaw privazzjoni ta’ abitazzjoni severa niżel xi ftit bejn l-2016 u l-2017 (tnaqqis ta’ 0.7 pp). Fost l-Istati Membri tal-UE, l-akbar żidiet fil-proporzjon ta’ persuni li jesperjenzaw privazzjoni ta’ abitazzjoni severa kienu rrappurtati fil-Latvja u fid-Danimarka, b’żieda ta’ 1.0 pp u 0.9 pp rispettivament bejn l-2016 u l-2017. L-akbar tnaqqis fost l-Istati Membri tal-UE seħħ fir-Rumanija (-2.7 pp) u fl-Italja (-2.0 pp), filwaqt li tnaqqis ta’ 0.9 pp kien osservat fiċ-Ċekja, fil-Portugall u fir-Renju Unit. Tnaqqis ta’ 1.0 pp u 1.9 pp ġie rreġistrat fit-Turkija u fil-Maċedonja ta’ Fuq rispettivament.

Affordabbiltà tal-abitazzjoni

Fl-2017, 10.4 % tal-popolazzjoni tal-EU-28 kienet tgħix f’unitajiet domestiċi li nefqu 40 % jew aktar tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fuq l-abitazzjoni

Tabella 1: Ir-rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni skont l-istat tal-pussess, 2017
(% tas-sehem tal-popolazzjoni speċifikata)
Sors: Eurostat (ilc_lvho07c) u (ilc_lvho07a)


Il-proporzjon tal-popolazzjoni li l-kostijiet tal-abitazzjoni tagħhom qabżu l-40 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom kien l-ogħla għall-kerrejja b’kirjiet tal-prezzijiet tas-suq (26.3 %) u l-inqas għall-persuni f’abitazzjonijiet okkupati mis-sid b’self jew ipoteka (4.7 %) (ara t-Tabella 1).

Il-medja tal-EU-28 taħbi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri tal-UE: f’estrem wieħed kien hemm numru ta’ pajjiżi fejn proporzjon relattivament żgħir tal-popolazzjoni kien jgħix f’unitajiet domestiċi fejn il-kostijiet tal-abitazzjoni qabżu l-40 % tal-introjtu disponibbli tagħhom, b’mod partikolari Malta (1.4 %) u Ċipru (2.8 %). Fl-estrem l-ieħor, tnejn minn kull ħames persuni (39.6 %) fil-Greċja u kważi persuna minn kull ħamsa (18.7 %) tal-popolazzjoni fil-Bulgarija nefqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fuq l-abitazzjoni, kif għamlu madwar persuna waħda minn kull sitta fid-Danimarka (15.7 %) u l-Ġermanja (14.5 %).

Meta wieħed janalizza l-istat tal-pussess bl-ogħla proporzjon tal-popolazzjoni fejn il-kostijiet tal-abitazzjoni qabżu l-40 % tal-introjtu disponibbli tagħhom, jiġifieri dawk li jikru bi prezzijiet tas-suq, kien hemm ukoll differenzi kbar bejn l-Istati Membri tal-UE, b’uħud jirrappurtaw proporzjonijiet għoljin ħafna fl-2017. F’9 Stati Membri, aktar minn terz tal-popolazzjoni li tgħix bħala kerrejja b’kirjiet tal-prezzijiet tas-suq nefqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fuq l-abitazzjoni, b'dan il-proporzjon tal-popolazzjoni jaqbeż tnejn minn kull ħamsa fi Spanja (42.1 %), fil-Litwanja (42.5 %) u fil-Kroazja (48.6 %), ftit aktar minn nofs fil-Bulgarija (51.0 %) u fir-Rumanija (60.4 %), u jilħaq 83.9% fil-Greċja.

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

Id-data użata f’dan l-artiklu ġejja primarjament minn mikrodata mill-istatistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kondizzjonijiet tal-għajxien (UE-SILC). Il-popolazzjoni ta’ referenza hija l-unitajiet domestiċi privati kollha u l-membri attwali tagħhom residenti fit-territorju ta' Stat Membru tal-UE meta sar il-ġbir tad-data; il-persuni li jgħixu f’unitajiet domestiċi kollettivi u f’istituzzjonijiet huma ġeneralment esklużi mill-popolazzjoni fil-mira. Id-data għall-EU-28 u ż-żona tal-euro hija medja ponderata skont il-popolazzjoni tad-data għall-Istati Membri.

Kuntest

Id-djar għandhom impatt fuq il-kwalità tal-unitajiet domestiċi f’ħafna modi: jipprovdu kenn, sigurtà, privatezza u spazju fejn wieħed jista’ jirrilassa, jitgħallem u jgħix. Id-djar jistgħu jitqiesu wkoll fil-kuntest tal-ambjent lokali tagħhom, f’termini tal-faċilità tagħhom ta’ aċċess għall-indukrar tat-tfal, stabbilimenti tal-edukazzjoni, impjiegi, opportunitajiet ta’ rikreazzjoni, ħwienet, servizzi pubbliċi eċċ. Il-finanzjament tal-abitazzjoni, kemm jekk mixtrija kif ukoll jekk mikrija, huwa problema kbira għal ħafna unitajiet domestiċi, li spiss hija marbuta mal-kwalità tal-abitazzjoni.

L-UE ma għandha l-ebda responsabbiltà speċifika fir-rigward tal-abitazzjoni; anzi, il-gvernijiet nazzjonali jiżviluppaw il-politiki tal-abitazzjoni tagħhom stess. Madankollu, ħafna mill-Istati Membri tal-UE jiffaċċjaw sfidi simili: pereżempju, kif iġeddu l-istokkijiet tal-abitazzjonijiet, kif jippjanaw u jiġġieldu t-tifrix urban, kif jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, kif jgħinu liż-żgħażagħ u l-gruppi żvantaġġati biex jidħlu fis-suq tal-abitazzjoni, jew kif jippromwovu l-effiċjenza enerġetika fost is-sidien tad-djar.

Il-kwistjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali, tal-problema tal-persuni mingħajr dar jew tal-integrazzjoni għandhom rwol importanti fi ħdan l-aġenda tal-politika soċjali tal-UE. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-Artikolu IV-34 tistipula li “sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skont ir-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. F'dan il-kuntest, fis-sena 2000 fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza ntlaħaq ftehim dwar sett ta’ objettivi komuni għall-istrateġija tal-UE kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inklużi żewġ objettivi relatati mal-abitazzjoni, jiġifieri “li jiġu implimentati politiki li għandhom l-għan li jipprovdu aċċess għal kulħadd għal abitazzjoni diċenti u sanitarja, kif ukoll għal servizzi bażiċi meħtieġa sabiex wieħed jgħix b’mod normali filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali (elettriku, ilma, tisħin, eċċ.)” u “li jiddaħħlu fis-seħħ politiki li għandhom l-għan li jipprevjenu kriżijiet fil-ħajja, li jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni soċjali, bħal dejn, esklużjoni mill-iskola u li persuna tispiċċa bla dar”. Dan il-mandat ġie estiż fl-2010 meta l-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (KUMM (2010) 758 finali) stabbiliet sensiela ta’ azzjonijiet biex jgħinu jnaqqsu n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali b’mill-inqas 20 miljun persuna sal-2020 (meta mqabbel mal-2008) — ara wkoll l-artiklu dwar persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Aċċess dirett għal

Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Viżwalizzazzjonijiet




Living conditions (t_ilc_lv)
Housing conditions (t_ilc_lvho)
Overcrowding rate (t_ilc_lvho_or)
Housing cost burden (t_ilc_lvho_hc)
Material deprivation (t_ilc_md)
Housing deprivation (t_ilc_mdho)
Living conditions (ilc_lv)
Housing conditions (ilc_lvho)
Overcrowding rate (ilc_lvho_or)
Under-occupied dwellings (ilc_lvho_uo)
Housing cost burden (ilc_lvho_hc)
Material deprivation (ilc_md)
Housing deprivation (ilc_mdho)