breadcrumb.ecName

Politika ta' Koeżjoni tal-UE: Sejħa ta' €120 miljun għal proġetti ta' innovazzjoni urbana

  • 01 June 2023
Politika ta' Koeżjoni tal-UE: Sejħa ta' €120 miljun għal proġetti ta' innovazzjoni urbana

Il-politika ta' Koeżjoni tal-UE tgħin fl-innovazzjoni tal-bliet tagħna. L-Inizjattiva Urbana Ewropea (EUI) illum qed tniedi t-tieni sejħa għal proposti b'valur ta' €120 miljun għal proġetti innovattivi li għandhom jiżviluppaw u jittestjaw soluzzjonijiet ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi urbani attwali.

Is-sejħa tfittex proġetti li jiskattaw trasformazzjoni reali fil-bliet, jiġġeneraw investimenti u jispiraw oħrajn.

Il-proġetti għandhom jiffukaw fuq waħda mit-tliet prijoritajiet li ġejjin:

  • Ekoloġizzazzjoni tal-bliet - biex jesperimentaw u jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi tanġibbli għal infrastrutturi ekoloġiċi u blu, li jindirizzaw il-bijodiversità, it-tniġġis, u l-isfidi klimatiċi;
  • Turiżmu sostenibbli - biex jiġu skattati t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali fit-tul, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà fis-settur tat-turiżmu. Dan jista' jinkiseb permezz tad-diversifikazzjoni tal-prodotti turistiċi, it-tfittxija ta' impatt pożittiv fuq il-komunitajiet lokali u l-ambjent, it-trawwim tal-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali, u t-titjib tal-konnessjonijiet ma' żoni u bliet iżgħar;
  • Sfruttar tat-talent fi bliet li qed jiċkienu - proġetti pilota integrati u bbażati fuq il-post biex jiġu ttestjati soluzzjonijiet ġodda biex jinżammu u jiġu attirati t-talenti. Dan jista' jinkiseb billi jiġu involuti l-komunitajiet lokali u jiġu indirizzati d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali kkawżati mit-tranżizzjoni demografika.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) se jiffinanzja 80% tal-ispiża tal-proġetti magħżulin. Kull proġett jista' jirċievi sa €5 miljun. Parti minn dan il-finanzjament se tappoġġja t-trasferiment ta' soluzzjonijiet innovattivi lejn bliet oħrajn fl-Ewropa biex jiġi żgurat impatt saħansitra akbar, speċjalment fil-bliet u r-reġjuni l-aktar fil-bżonn ta' trasformazzjoni urbana sostenibbli. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet urbani appoġġjati se jistabbilixxu sħubijiet ta' trasferiment ma' tliet bliet oħrajn biex jirreplikaw il-proġetti.

Is-sejħa hi miftuħa għall-bliet kollha tal-UE individwalment jew bħala grupp. L-applikanti interessati huma mistednin jirreġistraw għal seminars ta' informazzjoni u laqgħat oħrajn skedati fil-ġimgħat li ġejjin. Id-dettalji se jkunu disponibbli fuq is-sit web tal-EUI.

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hi l-5 ta' Ottubru 2023.

Sfond 

L-EUI diġà nediet l-ewwel sejħa għal proposti f'Ottubru 2022 b'appoġġ għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Tressqu 99 applikazzjoni minn 21 Stat Membru. Ir-rebbieħa ta' din is-sejħa se jitħabbru f'Ġunju.

B'baġit tal-FEŻR iddedikat ta' €450 miljun, l-EUI hi strument ġdid li jappoġġja d-dimensjoni urbana tal-Politika ta' Koeżjoni fl-2021-2027. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, minimu ta' 8% tar-riżorsi tal-FEŻR f'kull Stat Membru jridu jiġu investiti fi prijoritajiet u proġetti magħżulin mill-bliet infushom u abbażi tal-istrateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli tagħhom stess.

Lil hinn mill-innovazzjoni, l-EUI tappoġġja l-kapaċitajiet taż-żoni urbani kollha madwar l-Ewropa. Tipprovdi evidenza għat-tfassil tal-politika u tikkondividi l-għarfien dwar l-iżvilupp urban sostenibbli, inkluż permezz tal-Aġenda Urbana tal-UE.

L-EUI hi mmaniġġjata mill-Kummissjoni u r-Reġjun Franċiż Hauts-de-France. Tibni fuq l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, iżda tiffoka saħansitra aktar fuq l-innovazzjoni urbana, is-sostenibbiltà, u r-replikazzjoni fi bliet oħrajn.

Il-bliet ta’ kull daqs huma essenzjali biex jgħinu lill-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 u biex jindirizzaw l-isfidi demografiċi. Din it-tieni sejħa tal-EUI se tispira soluzzjonijiet innovattivi u strateġiji urbani kuraġġużi biex il-bliet tal-UE jsiru aktar ekoloġiċi, jipprovdu mudelli għal turiżmu sostenibbli u jattiraw it-talent – jindirizzaw l-aktar kwistjonijiet urġenti llum b’suċċess u jagħtu eżempju, bliet oħrajn jistgħu jitgħallmu u jirreplikaw. Fil-qosor, dan se jippermetti lill-bliet tal-UE jaqdu r-rwol tagħhom fil-kisba tal-objettivi fit-tul tagħna tal-UE u tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Elisa Ferreira, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi - 31/05/2023

Aktar informazzjoni