Statistics Explained

Archive:Il-produzzjoni u l-importazzjonijiet tal-enerġija



Data estratta f’Ġunju 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ottubru 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 22 July 2021.

Highlights

Produzzjoni tal-enerġija primarja fl-UE kienet 9.2 % inqas fl-2018 milli kienet għaxar snin qabel.

Ir-Russja kienet il-fornitur ewlieni għall-UE tal-gass naturali, iż-żejt grezz u l-faħam fl-2018.

[[File:Energy_production_and_imports-interactive_NRG2020-MT.xlsx]]

Produzzjoni tal-enerġija primarja skont it-tip ta’ fjuwil, EU-27, 2008-2018


Id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea (UE) fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, b’mod partikolari taż-żejt u tal-gass naturali, toħloq l-isfond għal tħassib politiku dwar is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija. Dan l-artiklu jħares lejn il-produzzjoni tal-enerġija primarja fl-UE u, minħabba d-diskrepanza bejn il-produzzjoni u l-konsum, id-dipendenza dejjem akbar tal-UE fuq importazzjonijiet tal-enerġija minn pajjiżi li mhumiex membri. Tabilħaqq, aktar minn nofs (58.2 %) l-enerġija disponibbli grossa tal-UE fl-2018 ġiet minn sorsi importati.

Full article

Produzzjoni tal-enerġija primarja naqset bejn l-2008 u l-2018

Il-produzzjoni tal-enerġija primarja fl-Unjoni Ewropea (UE) laħqet is-635 miljun tunnellati ekwivalenti ta’ żejt (Mtoe) fl-2018 — ara t-Tabella 1. Dan kien biss 1 % inqas mis-sena ta’ qabel u kompla t-tendenza ġenerali ta’ tnaqqis osservata f’dawn l-aħħar snin, fi ftit eċċezzjonijiet fl-2010 meta l-produzzjoni żdiedet wara tnaqqis relattivament qawwi fil-produzzjoni tal-enerġija fl-2009 li ħabat mal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija u mbagħad fl-2012-2013 meta kien hemm żieda żgħira mill-ġdid. Meta wieħed iħares lejn perjodu itwal, il-produzzjoni tal-enerġija primarja fl-UE kienet 9.2 % inqas fl-2018 milli kienet għaxar snin qabel. It-tendenza ġenerali ta’ tnaqqis fil-produzzjoni tal-enerġija primarja tal-UE tista’, tal-anqas parzjalment, tiġi attribwita għall-eżawriment tal-provvisti ta’ materja prima u/jew għall-fatt li l-produtturi jqisu l-isfruttament tar-riżorsi limitati bħala mhux ekonomiku.

Fl-2018, l-ogħla livell ta’ produzzjoni tal-enerġija primarja fost l-Istati Membri tal-UE kien fi Franza, b’sehem ta’ 21.7 % mit-total tal-UE, segwita mill-Ġermanja (17.8 %), il-Polonja (9.7 %) u l-Italja (5.9 %). Meta mqabbla ma’ għaxar snin qabel, uħud mill-bidliet ewlenin kienu żidiet ta’ 2.3, 1.2, 1.1 u 1.1 punti perċentwali fl-ishma tat-total tal-UE ta’ Franza, l-Italja, Spanja u l-Iżvezja, rispettivament, u tnaqqis ta’ 3.9, 1.7 u 1.6 punti perċentwali fl-ishma tat-total tal-UE tal-Ġermanja u tad-Danimarka, rispettivament.

F’termini assoluti, 14 mis-27 Stat Membru tal-UE rreġistraw espansjoni fil-livell tagħhom ta’ produzzjoni tal-enerġija primarja fil-perjodu mill-2008 sal-2018. L-akbar espansjoni fil-produzzjoni kienet irreġistrata fl-Italja (żieda ta’ 4.5 Mtoe), segwita minn Spanja (4.4 Mtoe), l-Iżvezja (4.0 Mtoe), l-Irlanda (3.4 Mtoe), u l-Finlandja (3.2 Mtoe). B’kuntrast, il-produzzjoni tal-enerġija primarja fin-Netherlands naqset saħansitra b’31.2 Mtoe, filwaqt li l-Ġermanja (-23.4 Mtoe) u d-Danimarka (-12.7 Mtoe) irrapportaw ukoll kontrazzjonijiet ta’ aktar minn 10 Mtoe.

Tabella 1: Produzzjoni tal-enerġija, l-2008 u l-2018
Sors: il-Eurostat (nrg_bal_c)

Il-produzzjoni tal-enerġija primarja fl-UE fl-2018 kienet mifruxa fuq medda ta’ sorsi differenti tal-enerġija, li l-aktar importanti minnhom f’termini tad-daqs tal-kontribut tagħhom kienu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’aktar minn terz (34.2 %) tal-produzzjoni totali tal-UE.

Fit-tieni post hemm l-enerġija nukleari, bi 30.8 % tat-total tal-produzzjoni tal-enerġija primarja. L-importanza tal-enerġija nukleari kienet partikolarment għolja fi Franza fejn kienet tammonta għal 78.0 % tal-produzzjoni nazzjonali tal-enerġija primarja, filwaqt li fil-Belġju u fis-Slovakkja, dan is-sehem kien aktar minn tlieta minn kull ħamsa (63.1 % u 62.7 % rispettivament). F’10 Stati Membri oħra, is-sehem tal-enerġija nukleari fil-produzzjoni primarja kien inqas minn nofs it-total. Ma kien hemm l-ebda produzzjoni ta’ enerġija nukleari f’14-il Stat Membru tal-UE.

Is-sehem tal-fjuwils fossili solidi (18.3 %, fil-biċċa l-kbira faħam) kien ftit inqas minn wieħed minn kull ħamsa u s-sehem tal-gass naturali kien kważi wieħed minn kull għaxra (9.3 %). Iż-żejt grezz (3.4 %) kien l-uniku sors ewlieni ieħor ta’ produzzjoni tal-enerġija primarja (ara l-Figura 1).

Figura 1: Produzzjoni tal-enerġija primarja, EU-27, 2018
(% tat-total, abbażi ta’ tunnellati ekwivalenti ta’ żejt)
Sors: il-Eurostat (nrg_bal_c)

It-tkabbir tal-produzzjoni primarja tal-UE minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli qabeż dak tat-tipi l-oħrajn kollha tal-enerġija; dan it-tkabbir kien relattivament uniformi matul il-perjodu li jkopri l-2008 sal-2018, bi tnaqqis żgħir fil-produzzjoni fl-2011 (ara l-Figura 2). Tul dan il-perjodu, il-produzzjoni minn sorsi rinnovabbli żdiedet b’49.2 %, u din, sa ċertu punt, ħadet post il-produzzjoni ta’ sorsi oħra ta’ enerġija. B’kuntrast, il-livelli tal-produzzjoni għas-sorsi l-oħra naqsu, bl-akbar tnaqqis irreġistrat għall-gass naturali (-46.4 %), għaż-żejt grezz (-35.3 %) u għall-fjuwils fossili solidi (-27.9 %), bi tnaqqis aktar modest ta’ 14.4 % għall-enerġija nukleari.

Figura 2: Produzzjoni tal-enerġija primarja skont it-tip ta’ fjuwil, EU-27, 2008-2018
(2008 = 100, abbażi ta’ tunnellati ekwivalenti ta’ żejt)
Sors: il-Eurostat (nrg_bal_c)

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma lkoll importaturi netti tal-enerġija

It-tnaqqis fil-produzzjoni primarja tal-faħam, tal-linjite, taż-żejt grezz, tal-gass naturali u aktar riċenti tal-enerġija nukleari, wassal għal sitwazzjoni biex l-UE saret dejjem aktar dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta’ komoditajiet tal-enerġija primarja kif ukoll fuq prodotti derivati sekondarji (eż. gass/żejt tad-diżil) biex tkun issodisfata d-domanda tagħha, għalkemm din is-sitwazzjoni ġiet stabilizzata fiż-żmien ta’ wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija. L-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE qabżu l-esportazzjonijiet tal-enerġija bi 886 Mtoe fl-2018. L-akbar importaturi netti tal-enerġija f’numri assoluti kienu l-Ġermanja, l-Italja, Franza u Spanja. Fl-2008, id-Danimarka kienet l-uniku esportatur nett tal-enerġija fost l-Istati Membri tal-UE, iżda fl-2013 l-importazzjonijiet Daniżi tal-enerġija qabżu l-esportazzjonijiet u t-tendenza kienet ikkonfermata fil-ħames snin ta’ wara sal-2018. Għalhekk, mill-2013, is-27 Stat Membru kollha tal-UE huma importaturi netti tal-enerġija. Meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni, l-akbar importaturi netti fl-2018 kienu l-Lussemburgu, Malta u l-Belġju.

Tabella 2: Importazzjonijiet netti fl-enerġija, fi snin magħżula, 2008-2018
Sors: il-Eurostat (nrg_bal_s) u (demo_pjan)

L-oriġnijiet ewlenin tal-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE inbidlu xi ftit f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, matul il-perjodu kollu bejn l-2008 u l-2018, ir-Russja żammet il-pożizzjoni tagħha bħala l-fornitur ewlieni għall-UE tal-komoditajiet ewlenin tal-enerġija primarja – il-faħam, iż-żejt grezz u l-gass naturali (ara t-Tabella 3).

Tabella 3: Oriġini ewlenija tal-importazzjonijiet tal-enerġija primarja, EU-27, 2008-2018
(% tal-importazzjonijiet żejda tal-EU-27)
Sors: il-Eurostat (nrg_ti_sff), (nrg_ti_oil) u (nrg_ti_gas)

Fl-2018, 42.4 % tal-importazzjonijiet tal-faħam fl-UE kienu mir-Russja. Ir-Russja kienet b’mod kostanti l-akbar fornitur tal-faħam fl-UE f’dawn l-aħħar għaxar snin, għajr fl-2012. L-Istati Uniti kienu t-tieni fornitur ewlieni tal-importazzjonijiet tal-faħam fl-UE fl-2018 bi 18.6 % tat-total. Bejn l-2008 u l-2015 is-sehem tal-importazzjonijiet tal-faħam fl-EU-27 li joriġinaw mill-Kolombja kważi rdoppja, u żdied minn 11.7 % għal 21.1 % tat-total, bis-sehem tagħha li naqas għal 13.4 % fl-2018.

Ir-Russja kienet ukoll il-fornitur ewlieni tal-importazzjonijiet taż-żejt grezz tal-UE. Is-sehem tagħha kien 32.1 % fl-2008 u varja bejn 35.6 % (li kien ukoll l-ogħla livell irreġistrat fl-2011) u 29.8 % (l-aktar sehem baxx, irreġistrat fl-2018). Fl-2018, is-sehem relattiv tal-provvisti taż-żejt grezz tal-UE mill-Iraq żdied b’pass mgħaġġel bejn l-2008 u l-2018 u laħaq 8.7 %, biex b’hekk sar it-tieni l-akbar fornitur taż-żejt grezz, qabel l-Arabja Sawdija (7.4 %), li kellha sehem relattivament stabbli bejn l-2008 u l-2018.

Is-sehem tal-importazzjonijiet fl-UE tal-gass naturali mir-Russja bejn l-2008 u l-2018 żdied kemxejn (minn 39.4 % għal 40.4 %); madankollu, l-aktar livell baxx ġie rreġistrat fl-2010 (35.2 %) u l-ogħla livell ta’ 45.3 % ġie rreġistrat fl-2013. Tul il-perjodu muri fit-Tabella 3, in-Norveġja baqgħet it-tieni l-akbar fornitur ta’ importazzjonijiet tal-gass naturali fl-UE, bis-sehem tagħha naqas bil-mod minn 22.0 % fl-2008 għal 18.1 % fl-2018. Is-sehem tal-provvisti tal-gass naturali tal-UE li oriġinaw mill-Alġerija, it-tielet l-akbar fornitur, naqas bejn l-2008 u l-2018, filwaqt li s-sehem mill-Qatar żdied bi kważi doppju.

Is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija primarja tal-UE tista’ tkun mhedda jekk proporzjon għoli ta’ importazzjonijiet ikun ikkonċentrat fuq relattivament ftit sħab. Kważi tliet kwarti (70.3 %) tal-importazzjonijiet tal-gass naturali tal-UE fl-2018 ġew mir-Russja, min-Norveġja u mill-Alġerija. Analiżi simili turi li kważi tliet kwarti (74.3 %) tal-importazzjonijiet tal-faħam fl-UE oriġinaw mir-Russja, mill-Istati Uniti u mill-Kolombja, filwaqt li l-importazzjonijiet taż-żejt grezz kienu inqas ikkonċentrati fost il-fornituri ewlenin, bħar-Russja, l-Iraq u l-Arabja Sawdija, ammontaw għal madwar nofs (45.9 %) l-importazzjonijiet tal-UE.

Aktar minn nofs il-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE huma koperti mill-importazzjonijiet

Id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija ma nbidlitx ħafna fl-aħħar għaxar snin, minn 58.4 % tal-enerġija disponibbli grossa fl-2008 għal 58.2 % fl-2018 (ara l-Figura 3). Tul dan il-perjodu preżentat, l-importazzjonijiet netti tal-enerġija tal-UE kienu akbar mill-produzzjoni primarja tagħha; fi kliem ieħor, aktar minn nofs l-enerġija grossa disponibbli tal-UE ġiet ipprovduta minn importazzjonijiet netti u r-rata ta’ dipendenza kienet aktar minn 50.0 %.

Bejn l-2008 u l-2018, ġew innutati xi ftit varjazzjonijiet dwar ir-rata tad-dipendenza tal-enerġija: ġie rreġistrat livell massimu ta’ 58.4 % fl-2008, filwaqt li 53.9 % kienet l-aktar dipendenza baxxa rreġistrata fl-2013. Meta wieħed iħares b’aktar dettall, l-ogħla rati fl-2018 ġew irreġistrati għaż-żejt grezz (94.6 %) u għall-gass naturali (83.2 %), filwaqt li l-aħħar rata disponibbli għall-fjuwils fossili solidi kienet 43.6 %.

Figura 3: Rata tad-dipendenza tal-enerġija, EU-27, 2008-2018
(% tal-importazzjonijiet netti fl-enerġija grossa disponibbli, abbażi ta’ tunnellati ekwivalenti ta’ żejt)
Sors: il-Eurostat (nrg_ind_id)

Bejn l-2008 u l-2018, id-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi għall-provvisti tal-gass naturali kibret bi 13.1 punti perċentwali, b’rata aktar mgħaġġla miż-żieda fid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili solidi (żieda ta’ 2.1 punti perċentwali). Id-dipendenza taż-żejt grezz tul l-istess perjodu baqgħet pjuttost stabbli.

Billi ma kinitx għadha esportatur nett, ir-rata tad-dipendenza tal-enerġija tad-Danimarka nbidlet għal waħda pożittiva fl-2013 u baqgħet pożittiva wkoll fl-2018, li kien il-każ ukoll għall-Istati Membri l-oħra kollha tal-UE (ara l-Figura 4). L-aktar rati baxxi ta’ dipendenza tal-enerġija fl-2018 ġew irreġistrati fl-Estonja, id-Danimarka, ir-Rumanija u l-Iżvezja. Malta, il-Lussemburgu u Ċipru kienu (kważi) dipendenti għalkollox fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija primarja, b’rati ta’ dipendenza ta’ bejn 92.4 % u 97.8 %.

Analiżi tal-iżviluppi bejn l-2008 u l-2018 turi li d-Danimarka, in-Netherlands, il-Litwanja u l-Polonja saru dejjem aktar dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija biex jissodisfaw l-enerġija disponibbli grossa tagħhom; dawn ix-xejriet jistgħu jkunu assoċjati l-aktar ma’ tnaqqis fil-produzzjoni tal-enerġija primarja (marbuta mal-eżawriment tal-provvisti tal-materja prima). Kien hemm ukoll dipendenza dejjem akbar, għalkemm inqas evidenti, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja u fil-Belġju. L-Istati Membri kollha tal-UE l-oħra rreġistraw tnaqqis fir-rati ta’ dipendenza tal-enerġija tagħhom bejn l-2008 u l-2018, bl-aktar bidla rapida ġiet irreġistrata fl-Estonja, fejn ir-rata naqset minn 27.5 % għal 0.7 % (-26.8 punti perċentwali); ir-rati naqsu wkoll b’mod konsiderevoli fl-Irlanda (-22.3 punti perċentwali), il-Bulgarija (-15.8 punti perċentwali) u l-Latvja (-14.5 punti perċentwali), xprunati minn taħlita ta’ kisbiet tal-effiċjenza fl-enerġija u/jew bidla fit-taħlita tal-enerġija biex tiġi promossa l-produzzjoni primarja minn sorsi rinnovabbli.

Figura 4: Rata tad-dipendenza tal-enerġija għall-prodotti kollha, 2008 u 2018
(% tal-importazzjonijiet netti fl-enerġija grossa disponibbli, abbażi ta’ tunnellati ekwivalenti ta’ żejt)
Sors: il-Eurostat (nrg_ind_id)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Il-komoditajiet tal-enerġija estratti jew maqbuda direttament minn riżorsi naturali jissejħu sorsi primarji tal-enerġija, filwaqt li l-komoditajiet tal-enerġija li huma prodotti minn sorsi primarji tal-enerġija fl-impjanti ta’ trasformazzjoni jissejħu prodotti derivati. Il-produzzjoni tal-enerġija primarja tkopri l-produzzjoni nazzjonali ta’ sorsi primarji tal-enerġija u sseħħ meta jiġu sfruttati r-riżorsi naturali, pereżempju, f’minjieri tal-faħam, f’żoni taż-żejt grezz, f’impjanti tal-idroenerġija, jew fil-fabbrikazzjoni tal-bijofjuwils. Kull meta l-konsum jaqbeż il-produzzjoni primarja, id-defiċit jeħtieġ li jiġi kopert mill-importazzjonijiet ta’ prodotti primarji jew derivati.

Is-sħana prodotta f’reattur bħala riżultat ta’ fissjoni nukleari titqies bħala l-produzzjoni primarja tas-sħana nukleari, alternattivament imsejħa enerġija nukleari. Din tiġi kkalkulata jew fuq il-bażi tas-sħana attwali prodotta jew abbażi tal-ġenerazzjoni elettrika grossa rrappurtata u l-effiċjenza termali tal-impjant nukleari. Il-produzzjoni primarja tal-faħam u l-linjite tikkonsisti fi kwantitajiet ta’ karburanti estratti jew prodotti, ikkalkulati wara kwalunkwe operazzjoni għat-tneħħija ta’ materja inerti.

It-trasformazzjoni tal-enerġija minn forma għal oħra, bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku jew tas-sħana minn impjanti tal-enerġija termali, jew il-produzzjoni tal-kokk mill-fran tal-kokk mhijiex meqjusa bħala produzzjoni primarja.

L-importazzjonijiet netti jiġu kkalkulati bħala l-kwantità tal-importazzjonijiet imnaqqsa bil-kwantità ekwivalenti ta’ esportazzjonijiet. L-importazzjonijiet jirrappreżentaw id-dħul kollu fit-territorju nazzjonali minbarra l-kwantitajiet ta’ tranżitu (b’mod partikolari permezz tal-pajpijiet tal-gass u taż-żejt); l-esportazzjonijiet ikopru bl-istess mod il-kwantitajiet kollha esportati mit-territorju nazzjonali.

Kuntest

Aktar minn nofs l-enerġija tal-UE ġejja minn pajjiżi terzi u dan il-proporzjon żdied b’mod ġenerali f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin (għalkemm hemm xi evidenza li tissuġġerixxi li r-rata ta’ dipendenza stabilizzat f’dawn l-aħħar snin). Ħafna mill-enerġija importata fl-UE tiġi mir-Russja, li t-tilwim tagħha ma’ pajjiżi ta’ tranżitu hedded li jfixkel il-provvisti f’dawn l-aħħar snin. It-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista mir-Russja kompla jiżdied minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna. Ġew imfassla miżuri ġodda għas-swieq taż-żejt u tal-gass biex jiżguraw li l-partijiet kollha jieħdu azzjoni effettiva biex jipprevjenu u jimmitigaw il-konsegwenzi ta’ xkiel potenzjali fil-provvisti, filwaqt li nħolqu wkoll mekkaniżmi biex l-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv kull xkiel kbir taż-żejt jew tal-gass li jista’ jinqala’; ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod uniformi u immedjatament f’każijiet ta’ emerġenza.

F’Novembru 2010 ġiet adottata inizjattiva msejħa Enerġija 2020 - Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b’sigurtà (COM(2010) 639 finali) mill-Kummissjoni Ewropea. Din l-istrateġija tiddefinixxi prijoritajiet ta’ enerġija għal perjodu ta’ 10 snin u tressaq azzjonijiet li jistgħu jittieħdu sabiex jiġu indirizzati varjetà ta’ sfidi, li jinkludu: il-kisba ta’ suq bi prezzijiet kompetittivi u provvisti sikuri; l-ixprunar tat-tmexxija teknoloġika; u l-innegozjar b’mod effettiv mas-sħab internazzjonali (pereżempju, biex jiġu segwiti relazzjonijiet tajbin mal-fornituri tal-enerġija esterni tal-UE u pajjiżi ta’ tranżitu tal-enerġija). Dil-ħidma ġiet żviluppata aktar bi strateġija tal-enerġija għall-2030 li tipprovdi qafas politiku għall-politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u pjan direzzjonali għall-enerġija għall-2050 li jistabbilixxi għan fit-tul għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE bi 80-95 % sal-2050.

Bil-Komunità tal-Enerġija (stabbilita f’Ottubru 2005), l-UE taħdem ukoll biex tintegra l-pajjiżi ġirien fis-suq intern tal-enerġija tagħha. Taħlita wiesgħa ta’ sorsi ta’ enerġija u diversità fil-fornituri, fir-rotot tat-trasport u fil-mekkaniżmi tat-trasport kollha jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżgurar tal-provvisti tal-enerġija. Pereżempju, hemm għadd ta’ inizjattivi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żviluppati sistemi ta’ pajpijiet tal-gass bejn l-Ewropa u l-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha. Dawn jinkludu n-Nord Stream (bejn ir-Russja u l-UE permezz tal-Baħar Baltiku) li bdiet topera f’Novembru 2011 u l-Pipeline Trans-Adrijatiku (li jgħaqqad it-Turkija mal-Italja permezz tal-Greċja u l-Albanija sabiex iġib gass mir-reġjun tal-Baħar Kaspjan fl-UE). Il-bini ta’ sħubiji affidabbli mal-pajjiżi fornituri, ta’ tranżitu u konsumaturi hu meqjus bħala mod kif jitnaqqsu r-riskji assoċjati mad-dipendenza tal-enerġija tal-UE u f’Settembru 2011 il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni Il-politika tal-enerġija tal-UE: kooperazzjoni ma’ pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna (COM(2011) 539 finali).

B’reazzjoni għal tħassib kontinwu dwar id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, f’Mejju 2014 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Strateġija għas-Sigurtà tal-Enerġija (COM(2014) 330 final) bil-għan li tiżgura provvista tal-enerġija stabbli u abbundanti. Apparti miżuri fuq medda qasira ta’ żmien li jikkunsidraw l-impatt ta’ waqfien tal-importazzjonijiet tal-gass Russi jew ta’ xkiel tal-importazzjonijiet permezz tal-Ukrajna, l-istrateġija indirizzat is-sigurtà fit-tul tal-isfidi tal-provvista u l-azzjonijiet proposti f’ħames oqsma, inkluż: iż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija fl-UE u d-diversifikazzjoni ta’ pajjiżi u rotot tal-fornituri, u li titkellem b’vuċi waħda fil-politika esterna dwar l-enerġija. In 2015, the European Fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni li tikkonċerna Qafas strateġiku għal unjoni tal-enerġija reżiljenti b’politika dwar il-bidla fil-klima li tħares ’il quddiem (COM(2015) 80 final) u targumenta li element importanti li jiżgura s-sigurtà tal-enerġija (b’mod partikolari għall-gass) kien il-konformità sħiħa mal-ftehimiet relatati max-xiri tal-enerġija minn pajjiżi terzi. Wara din, fi Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposti għal regoli ġodda dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE (COM(2016) 52 final) u regoli ġodda għal ftehimiet tal-enerġija bejn l-UE u pajjiżi terzi (COM(2016) 53 final).

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations





Energy statistics - main indicators (t_nrg_indic)


Energy statistics - quantities, annual data (nrg_quanta)
Energy balances (nrg_bal)
Supply, transformation and consumption - commodity balances (nrg_cb)
Energy indicator (nrg_ind)
Energy infrastructure and capacities (nrg_inf)
Stocks (nrg_stk)
Trade by partner country (nrg_t)