Statistics Explained

Archive:Statistika dwar l-enerġija rinnovabbli

Revision as of 09:09, 4 September 2019 by EXT-S-Allen (talk | contribs)


Data estratta f’Jannar 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Mejju 2020.

Highlights

Fl-2017, l-enerġija rinnovabbli kienet tirrappreżenta 17.5 % tal-enerġija kkonsmata fl-UE, fi triqitha lejn il-mira tal-2020 ta’ 20 %.
Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli użata fl-attivitajiet tat-trasport laħaq 7.6 % fl-2017.
Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, 2017
(f’% tal-konsum tal-enerġija finali gross)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)


Dan l-artiklu jipprovdi statistika riċenti dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl- Unjoni Ewropea (UE). Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jinkludu l-enerġija mir-riħ, l-enerġija solari (termali, fotovoltajka u kkonċentrata), l-idroenerġija, l-enerġija mill-marea, l-enerġija ġeotermali, is-sħana ambjentali maqbuda minn pompi tas-sħana, il-bijokarburanti u l-parti rinnovabbli tal-iskart.

L-użu tal-enerġija rinnovabbli għandu ħafna benefiċċji potenzjali, inkluż tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u dipendenza mnaqqsa fuq is-swieq tal-karburanti fossili (b’mod partikolari, iż-żejt u l-gass). It-tkabbir tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jista’ jkollu wkoll il-potenzjal li jistimula l-impjiegi fl-UE, permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi f’teknoloġiji ekoloġiċi ġodda.

Full article

L-enerġija rinnovabbli prodotta fl-UE żdiedet b’żewġ terzi fil-perjodu 2007-2017

Il-produzzjoni primarja ta’ enerġija rinnovabbli fl-EU-28 fl-2017 kienet ta’ 226.5 miljun tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt (toe). Il-kwantità ta’ enerġija rinnovabbli prodotta fl-EU-28 żdiedet b’mod ġenerali b’64.0 % bejn l-2007 u l-2017, ekwivalenti għal żieda medja ta’ 5.1 % fis-sena.

Fost l-enerġiji rinnovabbli, l-aktar sors importanti fl-EU-28 kien l-injam u bijokarburanti solidi oħrajn, li jikkostitwixxu 42.0 % tal-produzzjoni primarja ta’ sorsi rinnovabbli fl-2017 (ara l-Figura 1). L-enerġija mir-riħ kienet, għall-ewwel darba, it-tieni l-aktar kontributur importanti għat-taħlita ta’ enerġija rinnovabbli (13.8 % tat-total), segwita mill-idroenerġija (11.4 %). Għalkemm il-livelli tal-produzzjoni tagħhom baqgħu relattivament baxxi, kien hemm espansjoni partikolarment mgħaġġla fil-produzzjoni tal-bijogass, tal-bijokarburanti likwidi u tal-enerġija solari, li kienu jikkostitwixxu, rispettivament, sehem ta’ 7.4 %, 6.7 % u 6.4 % tal-enerġija rinnovabbli tal-EU-28 prodotta fl-2017. Is-sħana ambjentali (maqbuda minn pompi tas-sħana) u l-enerġija ġeotermali kienu jikkostitwixxu 5.0 % u 3.0 % tat-total, rispettivament, filwaqt li l-iskart rinnovabbli żdied sabiex laħaq 4.4 %. Bħalissa hemm livelli baxxi ħafna ta’ produzzjoni tal-enerġija mill-marea, mill-mewġ u mill-oċeani, b’dawn it-teknoloġiji jinsabu prinċipalment fi Franza u fir-Renju Unit.

Figura 1: Il-produzzjoni primarja tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, EU-28, 1990-2017
(Mtoe)
Sors: l-Eurostat (nrg_bal_c)

Is-sehem tal-enerġija disponibbli minn sorsi rinnovabbli huwa l-ogħla fil-Latvja u fl-Iżvezja

Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kienu jikkostitwixxu sehem ta’ 13.9 % tal-konsum gross domestiku tal-enerġija tal-EU-28 fl-2017. L-injam u bijokarburanti solidi oħrajn jibqgħu l-akbar kontributur għat-taħlita ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. L-idroenerġija u l-injam kienu jikkostitwixxu 91.3 % fl-1990. Madankollu, ir-rata relattiva kkombinata taż-żieda tagħhom minn dakinhar kienet ħafna iżgħar minn dik tas-sorsi l-oħrajn. Konsegwentement, is-sehem ikkombinat tagħhom naqas għal 53.4 % fl-2017. Evoluzzjoni grafika tal-konsum gross domestiku tal-enerġija ta’ enerġiji rinnovabbli tidher fil-Figura 2 (fejn il-produzzjoni tal-elettriku mhijiex normalizzata).

Figura 2: Il-konsum gross domestiku ta’ sorsi rinnovabbli, EU-28, 1990-2017
(Mtoe)
Sors: Eurostat (nrg_bal_c)

L-importanza tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum gross domestiku (ara t-Tabella 1) kienet relattivament għolja fid-Danimarka (32.8 %) u fl-Awstrija (28.9 %) u qabżet terz tal-konsum domestiku fil-Latvja (42.5 %), fl-Iżvezja (41.2 %) u fil-Finlandja (34.7 %), kif kien il-każ ukoll fin-Norveġja (45.7 %).

Tabella 1: Is-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fil-konsum gross domestiku tal-enerġija, 2017
(%)
Sors:Eurostat (nrg_bal_s) u (nrg_bal_c)

Is-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fil-konsum gross domestiku ma għandux jiġi mfixkel mas-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija (b’dan tal-aħħar bħala l-indikatur uffiċjali għall-monitoraġġ tal-mira tal-2020 stabbilita fid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli). Id-definizzjonijiet eżatti ta’ konsum gross domestiku u konsum gross finali tal-enerġija jistgħu jinstabu fit-taqsima Is-sorsi u d-disponibbiltà tad-data.

Il-konsum tal-enerġija rinnovabbli żdied b’aktar mid-doppju bejn l-2004 u l-2017

L-UE tfittex li jkollha sehem ta’ 20 % tal-konsum gross finali tal-enerġija tagħha minn sorsi rinnovabbli sal-2020; din il-mira hija distribwita bejn l-Istati Membri bi pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali mfassla sabiex iwittu t-triq għall-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli f’kull wieħed mill-Istati Membri. Il-Figura 3 turi l-aktar data riċenti disponibbli għas-sehem ta’ enerġiji rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija u l-miri li ġew stabbiliti għall-2020. Is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija kien ta’ 17.5 % fl-EU-28 fl-2017, meta mqabbel ma’ 8.5 % fl-2004.

Dan l-iżvilupp pożittiv kien imħeġġeġ mill-miri li jorbtu legalment sabiex jiżdied is-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli ppromulgati mid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Filwaqt li l-UE b’mod ġenerali tinsab fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-miri tagħha tal-2020, xi Stati Membri ser ikollhom bżonn jagħmlu sforzi addizzjonali sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward taż-żewġ miri ewlenin: is-sehem ġenerali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija (ara l-Figura 3) u s-sehem speċifiku tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport (ara l-Figura 4).

Figura 3: Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, 2017
(f’% tal-konsum gross finali tal-enerġija)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)


Figura 4: Is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport, 2017
(f’% tal-konsum gross finali tal-enerġija)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

B’aktar minn nofs (54.5 %) l-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija tagħha, l-Iżvezja kellha bil-bosta l-ogħla sehem fost l-Istati Membri tal-UE fl-2017, qabel il-Finlandja (41.0 %), il-Latvja (39.0 %), id-Danimarka (35.8 %) u l-Awstrija (32.6 %). Fit-tarf oppost tal-iskala, l-aktar proporzjonijiet baxxi ta’ sorsi rinnovabbli kienu rreġistrati fil-Lussemburgu (6.4 %), fin-Netherlands (6.6 %), f’Malta (7.2 %), fil-Belġju (9.1 %), f’Ċipru (9.9 %) u fir-Renju Unit (10.2 %). Meta mqabbla mal-aktar data riċenti disponibbli għall-2017, il-miri għal Franza, in-Netherlands u l-Irlanda jeħtieġu li kull wieħed minn dawk l-Istati Membri jżid is-sehem tiegħu tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija b’mill-inqas 5.0 punti perċentwali. B’kuntrast ma’ dan, ħdax mill-Istati Membri diġà qabżu l-mira tagħhom għall-2020; il-punt sa fejn il-miri nqabżu kien partikolarment kbir fil-Kroazja, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fl-Estonja.

It-Tabella 2 tippreżenta data għall-pajjiżi rapportaturi kollha, kif ukoll il-valuri tat-trajettorja indikattiva.

Tabella 2: Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija, 2004-2017
(%)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli huwa maqsum fi tliet komponenti differenti: is-sehem fl-elettriku, is-sehem fit-tisħin u t-tkessiħ u s-sehem fit-trasport. Il-bqija tas-sejbiet statistiċi ta’ dan l-artiklu jittrattaw l-iżviluppi mill-1990 sal-2017 fi ħdan kull wieħed minn dawn il-komponenti.

L-enerġija mir-riħ issir l-aktar sors importanti ta’ elettriku rinnovabbli

Fl-2017, il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli kkontribwiet aktar minn kwart (30.7 %) għall-konsum gross totali tal-elettriku tal-EU-28. L-enerġija mir-riħ hija għall-ewwel darba l-aktar sors importanti, segwita mill-qrib mill-idroenerġija (ara l-Figura 5).

Figura 5: Il-ġenerazzjoni gross tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, EU-28, 1990-2017
(TWh)
Sors: Eurostat (nrg_bal_c)

Ir-regoli kontabilistiċi fid-Direttiva 2009/28/KE jippreskrivu li l-elettriku ġġenerat mill-idroenerġija u mill-enerġija mir-riħ għandu jkun normalizzat sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet annwali tat-temp (l-idro huwa normalizzat matul l-aħħar 15-il sena u r-riħ matul l-aħħar 5 snin). It-tkabbir fl-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli matul il-perjodu mill-2007 sal-2017 jirrifletti fil-biċċa l-kbira espansjoni fi tliet sorsi ta’ enerġija rinnovabbli madwar l-UE, prinċipalment l-enerġija mir-riħ, iżda wkoll l-enerġija solari u l-bijokarburanti solidi (inkluż l-iskart rinnovabbli). Fl-2017, l-idroenerġija ġiet sostitwita għall-ewwel darba mill-enerġija mir-riħ bħala l-akbar sors uniku għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fl-EU-28. Tabilħaqq, l-ammont ta’ elettriku ġġenerat mill-idro kien relattivament simili għal-livell irreġistrat għaxar snin qabel. B’kuntrast ma’ dan, il-kwantità ta’ elettriku ġġenerat fl-EU-28 mix-xemx u mit-turbini tar-riħ fl-2017 kienet 31.6 darbiet u 3.5 darbiet ogħla milli kienet fl-2007. Bħala riżultat, l-ishma tal-enerġija mir-riħ u tal-enerġija solari fil-kwantità totali ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli żdiedu għal 37.2 % u 12.3 % fl-2017, rispettivament. It-tkabbir fl-elettriku mill-enerġija solari kien drammatiku, billi żdied minn 3.8 TWh biss fl-2007 sabiex qabeż l-enerġija ġeotermali fl-2008, tant li laħaq livell ta’ 119.5 TWh fl-2017. Matul dan il-perjodu ta’ 10 snin, il-kontribuzzjoni tal-enerġija solari għall-elettriku kollu ġġenerat fl-EU-28 minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli żdiedet minn 0.7 % għal 12.3 %.

Hemm varjazzjoni sinifikanti bejn l-Istati Membri tal-UE. Fl-Awstrija (72.2 %), fl-Iżvezja (65.9 %) u fid-Danimarka (60.4 %), mill-inqas tlieta minn kull ħamsa tal-elettriku kollu kkonsmat kien iġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli — l-aktar bħala riżultat tal-idroenerġija u l-bijokarburanti solidi — filwaqt li aktar minn nofs l-elettriku użat fil-Portugall (54.2 %) u fil-Latvja (54.4 %) ġie minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Min-naħa l-oħra, f’Ċipru, l-Ungerija, il-Lussemburgu u Malta, is-sehem tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli kien inqas minn 10 % (ara t-Tabella 3).

Tabella 3: Is-sehem tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross tal-elettriku, 2004-2017
(%)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

Kważi waħda minn kull ħamsa tal-enerġija użata għat-tisħin u għat-tkessiħ minn sorsi rinnovabbli

Fl-2017, l-enerġija rinnovabbli kienet tikkostitwixxi 19.5 % tal-użu totali tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ fl-EU-28. Din hija żieda sinifikanti mill-10.4 % fl-2004. Iż-żidiet fis-setturi industrijali, fis-servizzi u fl-unitajiet domestiċi (is-settur tal-bini) kkontribwew għal dan it-tkabbir. L-enerġija mis-sħana ajrutermali, ġeotermali u idrotermali maqbuda mill-pompi tas-sħana titqies sal-punt irrapportat mill-pajjiżi. Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ huwa ppreżentat fit-Tabella 4.

Tabella 4: Is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ, 2004-2017
(%)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

7.6 % tal-enerġija rinnovabbli użata fl-attivitajiet tat-trasport fl-2016

L-UE qablet li tistabbilixxi mira komuni ta’ 10 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli (inklużi l-bijokarburanti likwidi, l-idroġenu, il-bijometan, l-elettriku ekoloġiku, eċċ.) fis-settur tat-trasport sal-2020.

Is-sehem medju tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport żdied minn 1.4 % fl-2004 għal 7.6 % fl-2017. Fost l-Istati Membri tal-UE, is-sehem relattiv tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-karburanti għat-trasport kien ivarja minn livelli għoljin ta’ 38.6 % fl-Iżvezja, 18.8 % fil-Finlandja u 9.7 % fl-Awstrija għal inqas minn 2.0 % fil-Kroazja, fil-Greċja u fl-Estonja (ara l-Figura 2).

Fi wħud mill-Istati Membri tal-UE, kien hemm assorbiment rapidu fl-użu tal-enerġija rinnovabbli bħala karburant tat-trasport. Dan kien partikolarment veru fl-Irlanda, fil-Lussemburgu, f’Malta, fil-Finlandja u fl-Iżvezja.

Aktar dettalji dwar is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport jistgħu jinstabu fit-Tabella 5.

Tabella 5: Is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport, 2004-2017
(%)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

Fir-rigward tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport, l-aktar sors ta’ enerġija użat huwa l-bijokarburanti likwidi, li ġeneralment jitħalltu mal-karburanti fossili. Il-Figura 6 tippreżenta l-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-bijokarburanti likwidi fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar snin.

Figura 6: Il-produzzjoni primarja tal-bijokarburanti likwidi, EU-28, 1990-2017
(Mtoe)
Sors: Eurostat (nrg_bal_c)

Minħabba l-mira vinkolanti tal-2020, il-produzzjoni tal-bijokarburanti likwidi fl-UE żdiedet b’mod sinifikanti, bil-bijodiżil ikun il-bijokarburant likwidu l-aktar prodott, segwit mill-bijogażolina u bijokarburanti likwidi oħrajn.

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

L-istatistika ppreżentata f’dan l-artiklu hija bbażata fuq id-data kkompilata f’konformità mar-regoli tal-kontabbiltà stipulati fid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u kkalkolata abbażi tal-istatistika dwar l-enerġija koperta mir-Regolament 1099/2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija, kif emendat l-aħħar f’Novembru 2017 mir-Regolament 2017/2010.

L-aktar data riċenti disponibbli dwar is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli hija għas-sena ta’ referenza 2017. Id-data hija disponibbli għall-Istati Membri tal-UE kollha, kif ukoll għall-Albanija, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija, il-Kosovo [1] tal-Kosovo. B’mod ġenerali, id-data hija kompleta, riċenti u komparabbli b’mod affidabbli fil-pajjiżi kollha.

Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija huwa identifikat bħala indikatur ewlieni għall-kejl tal-progress skont l-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan l-indikatur jista’ jitqies bħala stima għall-finijiet ta’ monitoraġġ tad-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli — madankollu, is-sistema statistika f’xi pajjiżi għal teknoloġiji speċifiċi tal-enerġija rinnovabbli għadha mhijiex żviluppata għalkollox sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva; pereżempju, l-enerġija tas-sħana ambjentali għall-pompi tas-sħana mhijiex irrapportata minn ħafna pajjiżi.

Il-kalkoli kollha jqisu dispożizzjonijiet speċifiċi kif stabbiliti fid-Direttiva 2009/28/KE wara l-emendar tagħha mid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Aspett importanti li għandu jitqies meta tiġi interpretata d-data huwa r-reviżjonijiet statistiċi. L-aħħar data għall-2005 turi varjazzjoni żgħira fir-rigward tad-data disponibbli matul it-tħejjija u l-adozzjoni tad-Direttiva fis-snin 2007-2008. Il-bidliet huma dovuti għal reviżjonijiet fis-settijiet ta’ data trażmessi mill-pajjiżi rapportaturi b’rispons għall-kwestjonarji annwali dwar l-enerġija. Minħabba r-reviżjoni tad-data għall-konsum tal-bijomassa fl-unitajiet domestiċi, id-data aġġornata għall-Kroazja tindika li l-konsum tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli huwa ogħla mill-mira tal-2020 sa mill-2004 (l-ewwel sena li għaliha l-valuri huma disponibbli). Iżda l-Kroazja mhijiex l-uniku każ. Bħala konsegwenza tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, il-pajjiżi qegħdin jimmonitorjaw ħafna aktar mill-qrib il-flussi tal-prodotti tal-enerġija rinnovabbli fl-ekonomiji tagħhom. Każ sinifikanti ħafna huwa l-konsum tal-bijomassa, fejn il-pajjiżi qegħdin iniedu stħarriġiet aktar dettaljati ġodda li jippermettulhom jaqbdu aktar data dwar il-konsum finali tal-enerġija tal-bijomassa. Bħala konsegwenza, bosta pajjiżi qegħdin jirrevedu d-data tagħhom li twassal għal żieda fis-sehem tagħhom tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (eż. il-Kroazja, Franza, il-Litwanja u l-Ungerija).

Il-konsum gross domestiku tal-enerġija jirrappreżenta l-kwantità totali ta’ riżorsi tal-enerġija użati għall-iskopijiet kollha.

L-enerġija disponibbli għall-konsum finali tirrappreżenta l-kwantità totali ta’ riżorsi tal-enerġija disponibbli għall-konsumaturi (privati, kummerċjali u industrijali). Hija teskludi l-enerġija użata fil-proċessi tat-trasformazzjoni (pereżempju impjanti tal-enerġija elettrika, raffineriji tal-karburanti, fran tal-blast). Hija tinkludi wkoll prodotti tal-enerġija li jistgħu jintużaw għal skopijiet mhux tal-enerġija (pereżempju fil-proċessi kimiċi).

Il-konsum gross finali tal-enerġija huwa definit fid-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli bħala l-prodotti tal-enerġija kkonsenjati għal skopijiet ta’ enerġija lill-industrija, it-trasport, l-unitajiet domestiċi, is-servizzi (inklużi s-servizzi pubbliċi), l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd, inkluż il-konsum tal-elettriku u tas-sħana mill-fergħa tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana u inkluż it-telf tal-elettriku u tas-sħana fid-distribuzzjoni u t-trażmissjoni.

Il-produzzjoni tal-enerġija minn skart muniċipali mhux rinnovabbli tnaqqset mill-kontribuzzjoni tal-bijomassa għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tat-tisħin. Il-konsum għat-trasport bil-pipelines ġie inkluż fil-konsum gross finali tal-enerġija, f’konformità mal-klassifikazzjoni settorjali tar-Regolament dwar l-Istatistika dwar l-Enerġija. Sabiex jitjiebu l-preċiżjoni u l-konsistenza mal-istatistika nazzjonali fil-kalkolu tal-ishma tal-enerġija rinnovabbli, intużaw valuri kalorifiċi nazzjonali, fejn disponibbli, għall-konverżjoni tal-kwantitajiet tal-prodotti tal-enerġija kollha fl-unitajiet tal-enerġija, minflok il-valuri kalorifiċi prestabbiliti.

Kien biss dan l-aħħar li l-Kummissjoni stabbiliet linji gwida definittivi sabiex titqies l-enerġija minn pompi tas-sħana. Xi pajjiżi għadhom ma tejbux is-sistema statistika nazzjonali tagħhom sabiex jitqiesu bis-sħiħ is-sorsi kollha tal-enerġija rinnovabbli (pereżempju għall-enerġija rinnovabbli fir-rigward tal-pompi tas-sħana). Minkejja n-nuqqas ta’ metodoloġija statistika approvata fil-ħin tal-ġbir tad-data u għal raġunijiet ta’ kompletezza, il-kontribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli mill-pompi tas-sħana tqieset f’każijiet fejn ġiet sottomessa biżżejjed informazzjoni mill-pajjiżi rapportaturi. Għal dawn ir-raġunijiet, jeżistu xi differenzi żgħar bejn id-data użata għal dan l-artiklu u dawk ippubblikati fil-bilanċi tal-enerġija.

L-istatistika dwar l-enerġija u l-bilanċi tal-enerġija disponibbli mill-Eurostat ma jagħmlux distinzjoni bejn is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sostenibbli u dawk mhux sostenibbli. Din il-qasma hija possibbli fl-għodda tal-kontabbiltà (l-għodda SHARES [2]) żviluppata mill-Eurostat, fejn il-pajjiżi rapportaturi għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward. Għalhekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu — sakemm ma jkunx iddikjarat espliċitament — li s-sorsi rinnovabbli jinkludu s-sorsi kollha tal-enerġija rinnovabbli, kemm dawk li jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà, kif ukoll dawk li ma jikkonformawx ma’ tali kriterji.

Data għall-perjodu 2004-2010: Id-Direttiva 2009/28/KE kienet għadha ma teżistix jew inkella ġiet adottata biss riċentement. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, din ma ġietx ippromulgata f’leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-valuri f’dawn is-snin ma jintużaw għal ebda kejl tal-konformità leġiżlattiva mat-trajettorja indikattiva definita fil-parti B tal-Anness I tad-Direttiva. Id-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli tistipula li huma biss il-bijokarburanti u l-bijolikwidi li jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà li għandhom jingħaddu għall-miri. Kien deċiż li, għas-snin 2004-2010, il-bijokarburanti u l-bijolikwidi kollha għandhom jingħaddu lejn in-numeratur tas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Data għall-2011 ’il quddiem: Il-konformità mal-Artikolu 17 (Il-kriterji tas-sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi) għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-Artikolu 18 (Il-verifika tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi). Mis-sena ta’ referenza 2011, il-pajjiżi għandhom jirrapportaw bħala konformi biss dawk il-bijokarburanti u l-bijolikwidi li għalihom tkun tista’ tintwera bis-sħiħ il-konformità kemm mal-Artikolu 17 kif ukoll mal-Artikolu 18. Huma biss il-bijokarburanti u l-bijolikwidi konformi rrapportati li jingħaddu lejn l-ishma rispettivi ta’ sorsi rinnovabbli. F’xi pajjiżi, il-konsum tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi fil-perjodu 2011-2015 ma kienx iċċertifikat bħala konformi (sostenibbli) minħabba l-implimentazzjoni tard tad-Direttiva 2009/28/KE. Filwaqt li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli b’mod ġenerali ilu jiżdied mill-2004, bejn l-2010 u l-2011, is-sehem tagħha fit-trasport naqas. Dan jista’ jiġi attribwit parzjalment għan-nuqqas totali ta’ bijokarburanti konformi rrapportati minn bosta pajjiżi tal-UE (il-pajjiżi rrapportaw xi użu ta’ bijokarburanti, iżda xejn jew ftit ħafna minnu kien konformi fl-2011). Billi xi pajjiżi għadhom ma implimentawx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, xi bijokarburanti u bijolikwidi mhumiex meqjusa bħala konformi (sostenibbli) fil-perjodu 2011-2015.

Is-sehem tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli huwa definit bħala l-proporzjon bejn l-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-konsum gross nazzjonali tal-elettriku. Kif stipulat fid-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli, il-konsum gross finali tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli huwa l-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dan jinkludi impjanti tal-idroenerġija (minbarra l-elettriku tal-idroenerġija prodott minn impjanti tal-ħażna ppompjata bl-użu ta’ ilma li qabel kien ippompjat għat-telgħa), kif ukoll l-elettriku ġġenerat minn bijokarburanti solidi/skart u minn installazzjonijiet tar-riħ, tax-xemx u ġeotermali. Id-Direttiva tesiġi wkoll li l-produzzjoni tal-elettriku mill-idroenerġija u mill-enerġija mir-riħ tkun normalizzata. Minħabba r-rekwiżit ta’ normalizzazzjoni ta’ 15-il sena għall-produzzjoni tal-idroenerġija u d-disponibbiltà tal-istatistika dwar l-enerġija (għall-EU-28, li tibda mill-1990), serje kronoloġiċi twal ta’ dan l-indikatur mhumiex disponibbli.

Għall-iskop tal-kalkolu tas-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ, il-konsum finali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli huwa definit bħala l-konsum finali tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija, fl-unitajiet domestiċi, fis-servizzi, fl-agrikoltura, fil-forestrija u fis-sajd għal skopijiet ta’ tisħin u tkessiħ, flimkien mat-tisħin distrettwali prodott minn sorsi rinnovabbli. Il-konsum finali totali għat-tisħin u t-tkessiħ huwa l-konsum finali tal-prodotti tal-enerġija kollha, minbarra l-elettriku, għal skopijiet oħrajn minbarra t-trasport, flimkien mal-konsum tas-sħana għall-użu proprju fl-impjanti tal-elettriku u tas-sħana u t-telf tas-sħana fin-netwerks. Għal definizzjoni aktar dettaljata, jekk jogħġbok ara l-manwal tal-għodda SHARES.

Is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-karburant ikkonsmat mis-settur tat-trasport jiġi kkalkolat abbażi tal-istatistika dwar l-enerġija, skont il-metodoloġija kif deskritta fid-Direttiva 2009/28/KE. Il-kontribuzzjoni tal-bijokarburanti likwidi kollha hija inkluża fil-kalkolu għal dan l-indikatur sal-2010. Mill-2011, id-data għall-bijokarburanti likwidi fit-trasport saret ristretta biss għall-bijokarburanti likwidi konformi mad-Direttiva 2009/28/KE (fi kliem ieħor li jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà).

Kuntest

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet bosta strateġiji dwar l-enerġija għal ekonomija aktar sigura, sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Minbarra l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli x’aktarx li jirriżulta fi provvisti tal-enerġija aktar siguri, diversità akbar fil-provvista tal-enerġija, inqas tniġġis tal-arja, kif ukoll il-possibbiltà għall-ħolqien tal-impjiegi fis-settur ambjentali u fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

Il-pakkett tal-klima u l-enerġija 2020 adottat f’Diċembru 2008 ipprovda stimolu ulterjuri sabiex l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli jiżdied għal 20 % tal-konsum totali tal-enerġija sal-2020, filwaqt li talab għal tnaqqis kemm tal-konsum tal-enerġija kif ukoll tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’20 %. Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli stabbilixxiet mira ġenerali ġenerali madwar l-UE sabiex jiġi derivat sehem ta’ 20 % tal-konsum tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli sal-2020, filwaqt li s-sorsi rinnovabbli għandhom jikkostitwixxu wkoll sehem ta’ 10 % tal-karburanti użati fis-settur tat-trasport sal-istess data. Id-Direttiva tbiddel il-qafas legali għall-promozzjoni tal-elettriku rinnovabbli, tirrikjedi li l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali juru kif l-enerġiji rinnovabbli ser jiġu żviluppati f’kull Stat Membru tal-UE, toħloq mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, u tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti likwidi (wara t-tħassib fuq l-effetti negattivi potenzjali tagħhom fuq il-prezzijiet tal-għelejjel, il-provvista tal-ikel, il-protezzjoni tal-foresti, il-bijodiversità, l-ilma u r-riżorsi tal-ħamrija). F’Lulju 2014, ġie adottat rapport dwar is-sostenibbiltà tal-bijokarburanti solidi u tal-gass użati għall-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ (SWD(2014) 259).

Fis-6 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni bit-titlu, “L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” (COM(2012) 271 final), li tiddeskrivi l-għażliet għal politika dwar l-enerġija rinnovabbli għall-perjodu wara l-2020. Il-Komunikazzjoni talbet ukoll għal approċċ Ewropew aktar ikkoordinat fit-twaqqif u fir-riforma tal-iskemi ta’ appoġġ u ż-żieda fl-użu tan-negozjar tal-enerġija rinnovabbli fost l-Istati Membri tal-UE. F’Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ressqet ġabra ta’ miri dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 [1] bl-għan li tinkoraġġixxi l-investiment privat fl-infrastruttura u fit-teknoloġiji b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Waħda mill-miri ewlenin proposti hija li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli jilħaq mill-inqas 27 % sal-2030. Dawn l-objettivi jitqiesu bħala pass sabiex jintlaħqu l-miri tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2050 imressqa fil-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (COM (2011) 112 finali).

Waħda mill-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea mressqa fl-2014 hija unjoni tal-enerġija. Huwa maħsub li unjoni tal-enerġija Ewropea tiżgura enerġija sigura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli. Fi Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet il-pjanijiet tagħha għal strateġija qafas għal unjoni tal-enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem f’Komunikazzjoni (COM(2015) 80 final). Il-Komunikazzjoni tipproponi ħames dimensjonijiet għall-istrateġija, li waħda minnhom hija d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija.

Fil-11 ta’ Diċembru 2018, l-UE adottat id-Direttiva 2018/2001/UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-qafas regolatorju ġdid jinkludi mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli għall-UE għall-2030 ta’ 32 % bi klawżola ta’ reviżjoni biex din il-mira tiżdied sal-2023. Dan ser jikkontribwixxi ħafna għall-prijorità politika tal-Kummissjoni kif espressa mill-President Juncker fl-2014 sabiex l-Unjoni Ewropea ssir l-aqwa fid-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mas-sorsi rinnovabbli. Dan ser jippermetti lill-Ewropa żżomm ir-rwol ta’ tmexxija tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fit-tranżizzjoni għal enerġija nadifa u fl-issodisfar tal-miri stabbiliti mill-Ftehim ta’ Pariġi.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Statistika dwar l-enerġija - indikaturi ewlenin (t_nrg_ind)
Statistika dwar l-enerġija - kwantitajiet(t_nrg_quant)
Statistika dwar l-enerġija - kwantitajiet, data annwali (nrg_quanta)

Noti

  1. u l-Maċedonja ta’ Fuq. Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza
  2. l-għodda SHARES