Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Imressqa minn Ursula O’Dwyer, Konsulent dwar il-Politika tal-Promozzjoni tas-Saħħa, id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Irlanda

Imressqa minn Ursula O’Dwyer, Konsulent dwar il-Politika tal-Promozzjoni tas-Saħħa, id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Irlanda

Għandna għalxiex niċċelebraw u nilqgħu b'sodisfazzjon il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika bħala sinjal li qed insiru dejjem aktar serji dwar problema li kull ma jmur qed issir aktar serja: aktar minn nofs l-adulti Ewropej għandhom piż żejjed jew huma obeżi, it-tfal qed jgħaddu b'mod perikoluż lill-ġenituri tagħhom u wisq anzjani qed ibatu minn nutrizzjoni ħażina.

Ħadd ma jista' jiċħad li l-istili ta’ ħajja ħżiena għas-saħħa għandhom impatt kbir fuq ħajjet iċ-ċittadini, fuq il-baġits nazzjonali tal-kura tas-saħħa u fuq il-kompetittività Ewropea, u għalhekk ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li mhux biss il-problema jistħoqqilha l-attenzjoni kollha tagħna, iżda l-impenn sħiħ tagħna għal azzjoni.

Huwa għalhekk li ninsabu sodisfatti li l-Konklużjonijiet huma konformi ma’ u jappoġġaw il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Obeżità fit-Tfal li ġie miftiehem mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u se nappoġġaw l-azzjonijiet volontarji tagħhom biex inwaqqfu ż-żieda tal-obeżità fit-tfal 2020.

Iż-żewġ dokumenti jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jappoġġaw drawwiet tajba minn età bikrija, jippromwovu ambjenti aħjar, jagħmlu għażla sana l-eħfef għażla u jnaqqsu l-esponiment tat-tfal għal riklamar ta’ ikel b’livell għoli ta’ xaħam saturat, zokkor u melħ miżjud. Jistiednu wkoll l-għoti tas-setgħa lill-familji, il-promozzjoni ta’ attività fiżika u ż-żieda ta’ inizjattivi ta’ suċċess biex itejbu d-dieta u l-attività fiżika u biex tiġi evitata l-malnutrizzjoni.

Qed jittieħdu aktar azzjonijiet: qed jiġi ppjanat mekkaniżmu ta' monitoraġġ għall-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Obeżità fit-Tfal f'kollaborazzjoni mad-WHO; Azzjoni Konġunta appoġġata mill-Programm tas-Saħħa tal-UE se tappoġġa l-iskambju ta’ prattiki tajba u l-iżvilupp ta’ għodod mill-2015 ’il quddiem, u s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Anzjanità Attiva u b’SaħħaTajba qed tiġi mxerrda.

Jekk jitqiegħed kollox fis-seħħ, inkunu qed nagħmlu l-ekwivalenti ta’ sħubija f’ġinnasju. Iżda ħadd qatt ma rnexxilu jtejjeb il-kundizzjoni fiżika b'sempliċi abbonament f'ġinnasju - irridu effettivament nużawh. Jeħtieġ li naġixxu fuq l-intenzjonijiet tajba tagħna u nitolbu aktar sforzi mill-partijiet ikkonċernati kollha tagħna. Kif jgħidu t-trejners personali 'Ejja! Tista' tasal!' Ta' min nagħmlu l-isforz.

Issa sirna membri ta' ġinnasju mgħammar sew: ejja nħaddmu l-magni l-ġodda!

Aktar dwar din it-tema