Statistics Explained

Archive:Statistika dwar il-prezz tal-gass naturali


L-estrazzjoni tad-data saret f’Mejju 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Awwissu 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 11 December 2020.


Highlights


Il-prezzijiet tal-gass tal-unitajiet domestiċi fl-UE kienu l-ogħla fl-Iżvezja (EUR 0.12 għal kull kWh) u l-inqas fir-Rumanija (EUR 0.03 għal kull kWh) matul it-tieni nofs tal-2019.

Il-prezzijiet tal-gass tal-unitajiet mhux domestiċi fl-UE kienu l-ogħla fil-Finlandja (EUR 0.06 għal kull kWh) u l-inqas fil-Belġju (EUR 0.02 għal kull kWh) matul it-tieni nofs tal-2019.

[[File:Natural_gas_price_statistics interactive_FP2020-MT.XLSX]]

Il-prezzijiet tal-gass naturali (inklużi t-taxxi) għall-konsumaturi ta’ unitajiet domestiċi, it-tieni nofs tal-2019

Dan l-artiklu jenfasizza l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi u mhux ta' unitajiet domestiċi fl-Unjoni Ewropea (UE); jinkludi wkoll data dwar il-prezzijiet għar-Renju Unit; is-Serbja, it-Turkija; il-Bożnija-Ħerzegovina; il-Moldova u l-Georgia.

Il-prezz tal-enerġija fl-UE jiddependi fuq firxa ta’ kundizzjonijiet differenti ta’ provvista u domanda, inkluż is-sitwazzjoni ġeopolitika, it-taħlita tal-enerġija nazzjonali, id-diversifikazzjoni tal-importazzjoni, il-kostijiet tan-network, il-kostijiet tal-ħarsien tal-ambjent, il-kundizzjonijiet tat-temp severi, jew il-livelli tas-sisa u t-tassazzjoni. Ta’ min jinnota li l-prezzijiet ippreżentati f’dan l-artiklu jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, iżda jeskludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT rimborsabbli għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi.


Full article


Prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi

L-ogħla prezzijiet tal-gass kienu fl-Iżvezja, Spanja u n-Netherlands

Għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi (definiti għall-finijiet ta’ dan l-artiklu bħala konsumaturi ta’ daqs medju b’konsum annwali ta’ bejn 20 Gigajoules (GJ) u 200 GJ), il-prezzijiet tal-gass naturali fit-tieni nofs tal-2019 kienu l-ogħla fost l-Istati Membri tal-UE fl-Iżvezja, Spanja u n-Netherlands (ara l-Illustrazzjoni 1), u l-aktar baxxi fir-Rumanija, l-Ungerija u l-Latvja. Il-prezz tal-gass naturali għall-unitajiet domestiċi fl-Iżvezja (EUR 0.1167 għal kull kWh) kien aktar minn tliet darbiet u nofs il-prezz mitlub fir-Rumanija (EUR 0.0332 għal kull kWh).

Illustrazzjoni 1: Il-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, it-tieni nofs tal-2019
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_202)

Il-prezz medju tal-UE-27 — medja ponderata bl-użu tal-aktar data reċenti (2018) għall-konsum tal-gass naturali mill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi — kien ta’ EUR 0.0720 għal kull kWh.

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi fl-UE-27 mill-ewwel nofs tal-2008 huwa ppreżentat fl-Illustrazzjoni 2. Ġeneralment, dawn il-prezzijiet huma ogħla fit-tieni semestru ta’ kull sena. Dan huwa minħabba l-effett staġunali. B'mod ġenerali, il-prezzijiet totali tal-gass naturali fl-UE-27 raw żieda minn prezz baxx ta’ EUR 0.0558 għal kull kWh fit-tieni nofs tal-2009 biex laħqu l-prezz massimu ta’ EUR 0.0746 għal kull kWh fit-tieni nofs tal-2013. Il-prezzijiet raħsu mill-2013 sal-2017 iżda reġgħu bdew jiżdiedu mill-2018 s'issa. Il-prezz mingħajr taxxi għat-tieni semestru tal-2019 huwa taħt il-prezz mingħajr taxxi tal-ewwel semestru tal-2008 aġġustat għall-inflazzjoni minkejja l-fatt li l-prezzijiet tal-ewwel semestru huma ġeneralment aktar baxxi mill-prezzijiet tat-tieni semestru. Madankollu, meta jiġu inklużi t-taxxi, it-tnaqqis huwa inqas evidenti, billi l-piż tat-taxxi żdied minn 25 % fl-2008 għal 31 % fl-2019.

Illustrazzjoni 2: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, UE-27, 2008-2019
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_202)

Il-piż tat-taxxi u l-imposti jvarja ħafna bejn l-Istati Membri

Il-proporzjon tat-taxxi u l-imposti fil-prezz bl-imnut ġenerali tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi huwa muri fl-Illustrazzjoni 3. L-ammont relattiv ta’ kontribuzzjoni tat-taxxa fit-tieni nofs tal-2019 kien l-iżgħar fil-Greċja (7.8 %) fejn tiġi applikata rata baxxa tal-VAT għall-prezz bażiku. L-ogħla taxxi kellhom jitħallsu fid-Danimarka fejn 60.2 % tal-prezz finali kien magħmul minn taxxi u imposti. Dan is-sehem kien ukoll aktar minn nofs il-prezz fin-Netherlands (54.0 %). Il-VAT fl-UE-27 tirrappreżenta 16.4 % tal-prezz totali. Din tvarja minn 5.5 % fil-Greċja għal 21.3 % fl-Ungerija

Illustrazzjoni 3: Is-sehem tat-taxxi u l-imposti mħallsa mill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi għall-gass naturali, it-tieni nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_202)

L-akbar żidiet fil-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi seħħew fil-Bulgarija, fil-Latvja u fl-Estonja

L-Illustrazzjoni 4 turi l-bidla fil-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi inklużi t-taxxi, l-imposti u l-VAT kollha fil-munita nazzjonali mit-tieni nofs tal-2018 sat-tieni nofs tal-2019. Dawn il-prezzijiet naqsu matul il-perjodu kkunsidrat fi 13 mill-24 Stat Membru tal-UE li għalihom hemm data disponibbli - Ċipru, Malta u l-Finlandja ma jikkunsmawx gass naturali fis-settur tal-unitajiet domestiċi. L-akbar tnaqqis ġie osservat fil-Latvja (-22.0 %), fid-Danimarka (-15.5 %) u fil-Greċja (-10.2 %). Kien hemm 11-il Stat Membru fejn il-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi żdiedu bejn it-tieni nofs tal-2018 u t-tieni nofs tal-2019, bl-akbar żidiet irreġistrati fi Spanja (16.7 %), il-Kroazja (12.9 %) u n-Netherlands (12.1 %).

Illustrazzjoni 4: Bidla fil-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, l-istess semestru, it-tieni nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_202)

Prezzijiet tal-gass naturali għal konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi

Il-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi huma l-ogħla fil-Finlandja u fl-Iżvezja

Għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi (iddefiniti għall-iskop ta' dan l-artiklu bħala konsumaturi ta' daqs medju b'konsum annwali bejn 10 000 GJ u 100 000 GJ), il-prezzijiet tal-gass naturali matul it-tieni nofs tal-2019 kienu l-ogħla fost l-Istati Membri tal-UE fil-Finlandja (EUR 0.0555 għal kull kWh), Franza (EUR 0.0368 għal kull kWh) u l-Iżvezja (EUR 0.0357 għal kull kWh), u l-iktar baxxi fil-Belġju (EUR 0.0228 għal kull kWh) (ara l-Illustrazzjoni 5). Il-Finlandja kienet 51 % aktar għalja minn Franza, l-Istat Membru li kellu t-tieni l-ogħla prezz.

Il-prezz medju tal-UE-27 — medja ponderata bl-użu tal-aktar data reċenti (2018) għall-konsum tal-gass naturali mill-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi — kien ta’ EUR 0.0308 għal kull kWh.

Illustrazzjoni 5: Il-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, it-tieni nofs tal-2019
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_203)

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi fl-UE-27 mill-ewwel nofs tal-2008 huwa muri fl-Illustrazzjoni 6. Dawn il-prezzijiet juru l-istess xejra bħal dik osservata għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi (ara l-Illustrazzjoni 2) iżda mingħajr l-effett staġunali. Wara li naqas għal EUR 0.031 għal kull kWh fit-tieni nofs tal-2009, il-prezz totali tal-gass naturali għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi żdied kull nofs sena sakemm laħaq EUR 0.042 għal kull kWh fl-ewwel nofs tal-2013. Minn dak iż-żmien ’l hawn, naqas kull semestru u laħaq EUR 0.029 fit-tieni nofs tal-2017. L-aħħar data turi żieda sinifikanti li bdiet fl-ewwel semestru tal-2018 minbarra fl-aħħar perjodu rrappurtat. Il-piż tat-taxxi żdied minn madwar 7 % fl-2008 sa madwar 13 % fl-2019. Meta mqabbel mal-inflazzjoni ġenerali, il-prezz għat-tieni semestru tal-2019 huwa ħafna inqas mill-prezz tal-ewwel semestru tal-2008 aġġustat għall-inflazzjoni (26 % inqas)

Illustrazzjoni 6: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, l-UE-27, 2008-2019
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_203)

Il-proporzjon tat-taxxi u l-imposti li ma jistgħux jiġu rkuprati mill-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi fil-prezz globali tal-gass naturali huwa ppreżentat fl-Illustrazzjoni 7. Għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, is-sehem tat-taxxi fl-ewwel nofs tal-2019 kien l-aktar baxx fil-Lussemburgu (0.7 %), fir-Rumanija u fil-Portugall (it-tnejn 2.2 %). L-ogħla ishma tat-taxxi kienu rreġistrati fil-Finlandja (33.5 %), fid-Danimarka (31.5 %) u fin-Netherlands (25.0 %).

Illustrazzjoni 7: Is-sehem tat-taxxi u l-imposti mħallsa mill-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi għall-gass naturali, it-tieni nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_203)

Żvilupp tal-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi

L-Illustrazzjoni 8 turi l-bidla fil-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi inklużi t-taxxi u l-imposti kollha li ma jistgħux jiġu rkuprati, f’munita nazzjonali, mit-tieni nofs tal-2018 sat-tieni nofs tal-2019. Dawn il-prezzijiet naqsu fi 15-il Stat Membru tal-UE minn 25 li rrapportaw id-data tagħhom – Ċipru u Malta ma jikkunsmawx gass naturali fis-settur mhux ta' unitajiet domestiċi. Il-prezz naqas bi 28,9 % fil-Litwanja segwita mill-Iżvezja (23.6 %) u d-Danimarka (21.3 %). B'kuntrast, il-prezzijiet tal-gass naturali għas-settur mhux ta' unitajiet domestiċi żdiedu b’mod sinifikanti fis-Slovakkja (15.9 %), fir-Rumanija (14.3 %) u fil-Polonja (7.8 %).

Illustrazzjoni 8: Bidla fil-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, l-istess semestru, it-tieni nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_203)

Data tas-sors għat-tabelli u ċ-ċifri (MS Excel)

Sorsi ta’ data

Id-definizzjoni ta’ konsumaturi ta' unitajiet domestiċi

F'dan l-artiklu, ir-referenzi għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi huma marbutin mal-faxxa tal-konsum standard medju ta’ unità domestika b’konsum annwali ta’ gass naturali (jiġi kkunsidrat biss gass li jgħaddi mill-pajpijiet) bejn 5 555 kWh u 55 555 kWh (20 Gigajoule (GJ) u 200 GJ). Iċ-ċifri kollha huma prezzijiet bl-imnut tal-konsumatur u jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT. Ċipru, Malta u l-Finlandja ma jikkunsmawx gass naturali fis-settur tal-unitajiet domestiċi.

Id-definizzjoni ta’ konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi

F'dan l-artiklu, ir-referenzi għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi huma relatati mal-faxxa ta’ konsum standard medju ta' unità mhux domestika b’konsum annwali ta’ gass naturali bejn 2 778 u 27 778 GWh (10 000 u 100 000 GJ). Il-prezzijiet jikkorrispondu għall-prezz bażiku għall-gass naturali, inklużi t-taxxi u l-imposti kollha li ma jistgħux jiġu rkuprati. Ċipru u Malta ma jikkunsmawx gass naturali fis-settur mhux ta' unitajiet domestiċi. Il-kwantitajiet ta’ gass naturali li jintużaw għal proċessi kimiċi jew għall-elettriku u/jew għall-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u l-enerġija huma esklużi minn din id-data.

Metodoloġija

Il-paragun bejn il-prezzijiet tal-2018 u l-2019 isir fil-muniti nazzjonali biex jiġu esklużi l-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju bejn il-muniti nazzjonali u l-euro.

Il-prezzijiet f’muniti nazzjonali jinqelbu f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju medja tal-perjodu li għalih ġew irrapportati l-prezzijiet.

Il-prezzijiet huma dejjem imqabbla mal-prezzijiet tal-istess semestri (jiġifieri sena wara sena) sabiex jiġu evitati l-effetti staġunali.

Fl-2016, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 2016/1952. Dan jiddefinixxi l-obbligu tal-ġbir u d-disseminazzjoni tal-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi u għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi. Sal-2016, il-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi kienu ddefiniti bħala konsumaturi industrijali, iżda l-awtoritajiet ta’ rappurtar setgħu jinkludu konsumaturi mhux domestiċi oħrajn. Bl-introduzzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/1952, id-definizzjoni nbidlet minn konsumaturi industrijali għal konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi sabiex ikun hemm metodoloġija unika għall-pajjiżi ta’ rappurtar kollha. Sa Jannar 2017, l-awtoritajiet ta' rappurtar ipprovdew id-data tagħhom dwar il-prezzijiet għas-settur tal-unitajiet domestiċi fuq bażi volontarja.

It-tariffi jew l-iskemi tal-prezzijiet tal-gass naturali jvarjaw minn fornitur għal ieħor. Dawn jistgħu jirriżultaw minn kuntratti nnegozjati, speċjalment għal konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi kbar. Għal konsumaturi iżgħar, ġeneralment dawn jiġu stabbiliti skont għadd ta’ karatteristiċi inkluż l-ammont ta’ gass naturali kkunsmat. Ħafna mit-tariffi jinkludu wkoll xi forma ta’ ħlas fiss. Għaldaqstant, ma jeżistix prezz uniku għall-gass naturali. Sabiex jitqabblu l-prezzijiet tul iż-żmien u bejn l-Istati Membri tal-UE, dan l-artiklu juri l-informazzjoni għall-faxex ta’ konsum għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi u għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi. Il-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi huma maqsumin fi tliet faxex ta’ konsum annwali u, għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, f’sitt faxex ta’ konsum differenti.

Il-prezzijiet miġburin ikopru prezzijiet medji tul perjodu ta’ sitt xhur (nofs sena jew semestru) minn Jannar sa Ġunju (l-ewwel semestru) u minn Lulju sa Diċembru (it-tieni semestru) ta’ kull sena. Il-prezzijiet jinkludu l-prezz bażiku tal-gass naturali, il-ħlasijiet tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, il-kiri tal-arloġġ u servizzi oħrajn. Il-prezzijiet tal-gass naturali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi li huma ppreżentati f’dan l-artiklu jinkludu t-taxxi, l-imposti, l-imposti mhux tat-taxxa, it-tariffi u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) billi dan ġeneralment jirrifletti l-prezz totali mħallas mill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi. Peress li l-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi ġeneralment ikunu jistgħu jirkupraw il-VAT u xi taxxi oħrajn, il-prezzijiet għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi jidhru mingħajr il-VAT u taxxi/imposti/tariffi oħrajn li jistgħu jiġu rkuprati. L-unità għall-prezzijiet tal-gass naturali hija dik ta’ euro għal kull kilowatt-siegħa (EUR għal kull kWh).

Kuntest

Il-prezz u l-affidabbiltà tal-provvisti tal-enerġija huma elementi prinċipali fl-istrateġija tal-provvista tal-enerġija ta’ pajjiż. Il-prezzijiet tal-gass naturali huma ta’ importanza partikolari għall-kompetittività internazzjonali, minħabba li l-gass naturali jista’ jirrappreżenta proporzjon sinifikanti mit-total tal-kostijiet tal-enerġija għan-negozji industrijali u fornituri ta' servizz. Bil-kontra tal-prezz tal-fjuwils fossili, li s-soltu jiġu nnegozjati fis-swieq globali bi prezzijiet relattivament uniformi, il-prezzijiet tal-gass naturali jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri tal-UE.

L-UE ilha taħdem sabiex tilliberalizza s-swieq tal-elettriku u tal-gass mit-tieni nofs tas-snin 90. Id-Direttivi li ġew adottati fl-2003 stabbilew regoli komuni għas-swieq interni għall-elettriku u l-gass naturali. Ġew stabbiliti skadenzi għall-ftuħ tas-swieq u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-fornitur tagħhom: mill-1 ta’ Lulju 2004 għall-klijenti tan-negozju u mill-1 ta’ Lulju 2007 għall-konsumaturi kollha (inklużi l-unitajiet domestiċi). Xi Stati Membri tal-UE antiċipaw il-proċess ta’ liberalizzazzjoni, filwaqt li oħrajn damu ħafna aktar biex adottaw il-miżuri neċessarji. Tabilħaqq, f’ħafna swieq tal-elettriku u tal-gass naturali għadhom jeżistu ostakli sinifikanti għad-dħul, kif jidher mill-għadd ta’ swieq li għadhom iddominati minn (kważi) monopolju tal-fornituri.

Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni Niffaċċjaw l-isfida ta’ prezzijiet taż-żejt aktar għoljin (KUMM(2008) 384), stiednet lill-UE sabiex issir aktar effiċjenti fl-użu tagħha tal-enerġija u inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili — b’mod partikolari, billi ssegwi l-approċċ stabbilit fil-pakkett dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli.

F’Lulju 2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw it-tielet pakkett dwar l-enerġija (pakkett leġiżlattiv magħmul minn 2 direttivi u 3 regolamenti) bl-għan li jiġu żgurati l-għażla reali u effettiva ta’ fornituri kif ukoll il-benefiċċji għall-klijenti. Regolament wieħed kien dwar l-istabbiliment ta’ aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija sal-2011.

F'Mejju 2013, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi fil-fond tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa.

Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea, bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew, ħejjiet analiżi fil-fond tal-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa, biex tgħin lil dawk li jfasslu l-politika jifhmu l-kuntest tal-isfond, l-impatt taż-żidiet reċenti fil-prezzijiet fuq il-konsumaturi u l-implikazzjonijiet politiċi. Dan l-ewwel rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija wera prezzijiet globali għoljin tal-enerġija, bi prezzijiet li jvarjaw b’mod konsiderevoli madwar l-Istati Membri tal-UE, u ogħla b’mod sinifikanti għall-Ewropa milli għas-sħab kummerċjali internazzjonali tagħha, b’mod partikolari l-Istati Uniti. Il-prezzijiet bl-imnut għolew aktar mill-prezzijiet bl-ingrossa minħabba żidiet fil-komponenti tal-prezz tan-network u fit-taxxi u fl-imposti. Id-dgħufijiet fid-data wasslu għar-rakkomandazzjoni biex jittejbu d-dettalji, it-trasparenza u l-konsistenza tal-ġbir tad-data dwar il-prezzijiet tal-enerġija u għall-proposta tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/1952. Ġie deċiż ukoll li kull sentejn jitħejja rapport bħal dan dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk ippubblikat dan ir-rapport ukoll fl-2016 u l-2018.

Aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku għandha tgħin fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta, billi tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jagħżlu bejn sorsi tal-enerġija differenti (żejt, faħam, gass naturali u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli) u fornituri differenti. It-trasparenza fil-prezz tal-enerġija tkun aktar effettiva permezz tal-pubblikazzjoni u tax-xandir fuq livell kemm jista’ jkun wiesa’ tal-prezzijiet u tas-sistemi tal-ipprezzar.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Tabelli prinċipali

Energy Statistics - prices (t_nrg_price)
Gas prices by type of user (ten00118)

Bażi tad-data

Energy Statistics - prices of natural gas and electricity (nrg_price)
Energy Statistics - natural gas and electricity prices (from 2007 onwards) (nrg_pc)
Energy Statistics - natural gas and electricity prices (until 2007) (nrg_pc_h)

Taqsima ddedikata

Metodoloġija

Viżwalizzazzjonijiet