Statistics Explained

Archive:Il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija


Data estratta f’Marzu 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ġunju 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 6 April 2021.


Highlights

Fl-2018, l-EU-27, l-Istati Uniti u ċ-Ċina kienu jikkostitwixxu 42% tal-kummerċ dinji tal-merkanzija.

Fl-2019, is-sieħeb ewlieni tal-EU-27 għall-esportazzjonijiet kien l-Istati Uniti u għall-importazzjonijiet kien iċ-Ċina.

Fl-2019, il-makkinarju u l-vetturi fissru 41% tal-esportazzjonijiet tal-EU-27 u 33 % tal-importazzjonijiet tal-EU-27.

[[File:International_trade_in_goods_interactive_FP2020-MT.xlsx]]

L-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali f’oġġetti, EU-28, 2009–2019

Dan l-artiklu jiddiskuti l-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija tal-Unjoni Ewropea (UE). Jikkunsidra s-sehem tal-UE fis-swieq tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni fid-dinja, il-kummerċ intra-UE (il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE), is-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE, u l-kategoriji tal-aktar prodotti kummerċjalizzati tal-UE.

L-EU-27 hi responsabbli għal madwar 15 % tal-kummerċ dinji tal-merkanzija. Il-valur tal-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija jaqbeż b’mod sinifikanti dak tas-servizzi (b’madwar tliet darbiet), li jirrifletti n-natura ta’ xi servizzi, li jagħmilha aktar diffiċli biex din il-merkanzija tiġi kummerċjalizzata bejn il-fruntieri.

Dan l-artiklu huwa parti minn pubblikazzjoni online li tipprovdi statistika riċenti dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, li tkopri informazzjoni dwar is-sħab ewlenin tal-UE, il-prodotti ewlenin kummerċjalizzati, il-karatteristiċi speċifiċi tal-kummerċ, kif ukoll informazzjoni kuntestwali.

Full article

L-akbar tliet atturi fid-dinja għall-kummerċ internazzjonali: l-UE, iċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerika

L-EU-27, iċ-Ċina u l-Istati Uniti kienu l-akbar tliet atturi fid-dinja għall-kummerċ internazzjonali (ara l-Figura 1) sa mill-2004, meta ċ-Ċina qabżet lill-Ġappun. Fl-2018, il-livell totali tal-kummerċ tal-merkanzija (esportazzjonijiet u importazzjonijiet) irreġistrat għall-EU-27 kien EUR 3 967 biljun (mingħajr il-kummerċ intra-UE), jiġifieri EUR 50 biljun aktar mil-livell irreġistrat għaċ-Ċina u EUR 342 biljun aktar mil-livell irreġistrat għall-Istati Uniti; Il-Ġappun kellu r-raba’ l-ogħla livell ta’ kummerċ tal-merkanzija, b’EUR 1 260 biljun.

Il-Figura 1: L-atturi ewlenin għall-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, 2018
(EUR biljun)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_introle) u l-UNCTAD

Fl-2018, il-proporzjon tal-esportazzjonijiet mal-importazzjonijiet (il-proporzjon tal-kopertura) kien partikolarment għoli favur l-esportazzjonijiet għar-Russja u għaċ-Ċina (ara l-Figura 2), li f’termini assoluti kellhom l-akbar bilanċi favorevoli kummerċjali annwali.

Il-Figura 2: Il-proporzjon tal-kopertura għall-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, 2008 u 2018
(%)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_introle) u l-UNCTAD

Fl-2018, l-Istati Uniti kellhom l-akbar żbilanċi (ara l-Figura 3), u ssoktaw bix-xejra li kienet ilha tidher dejjem fid-data disponibbli tal-aħħar deċenju.

Il-Figura 3: Il-bilanċ kummerċjali għall-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, 2008 u 2018
(EUR biljun)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_introle) u l-UNCTAD

Fejn jikkonċerna l-flussi tal-esportazzjonijiet u tal-importazzjonijiet, l-EU-27 kellhom it-tieni l-akbar sehem tal-esportazzjonijiet u tal-importazzjonijiet fid-dinja tal-merkanzija (ara l-Figuri 4 u 5) fl-2018: l-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 kienu 15.5 % tat-total dinji. Iċ-Ċina biss (15.8 %) kellha sehem akbar, u warajha l-Istati Uniti (10.6 %) bi ftit distakk.

Il-Figura 4: L-ishma fis-suq dinji għall-esportazzjonijiet tal-merkanzija, 2018
(sehem perċentwali tal-esportazzjonijiet dinjin)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_introle) u l-UNCTAD

l-Istati Uniti kellhom sehem akbar tal-importazzjonijiet dinjin (15.8 %) kemm mill-EU-27 (13.7 %) u anki miċ-Ċina (13.0 %) fl-2018.

Il-Figura 5: L-ishma fis-suq dinji għall-importazzjonijiet tal-merkanzija, 2018
(sehem perċentwali tal-importazzjonijiet dinjin)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_introle) u l-UNCTAD

Bilanċ favorevoli għall-kummerċ barra l-UE sa mill-2012

Fl-2019, il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija tal-EU-27 mal-bqija tad-dinja (is-somma tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet barra l-UE) kien stmat bħala EUR 4 067 biljun (ara l-Figura 6). Kemm l-importazzjonijiet u anki l-esportazzjonijiet kienu ogħla meta mqabbla mal-2018, u ż-żieda għall-importazzjonijiet (EUR 27 biljun) kienet inqas minn dik għall-esportazzjonijiet (EUR 73 biljun). Minħabba f’hekk, il-bilanċ favorevoli kummerċjali tal-EU-27 ta’ EUR 152 biljun fl-2018 żdied għal EUR 197 biljun fl-2019.

Bejn l-2009 u l-2012, l-EU-27 kellhom żieda malajr fl-esportazzjonijiet tagħhom minn EUR 1 184 biljun għal EUR 1 771 biljun. Bejn l-2012 u l-2016, l-esportazzjonijiet baqgħu relattivament stabbli iżda fit-tliet snin ta’ wara żdiedu minn EUR 1 867 biljun fl-2016 għal EUR 2 132 biljun fl-2019. Bejn wieħed u ieħor, l-importazzjonijiet segwew l-istess xejra bħall-esportazzjonijiet; żdiedu minn EUR 1 193 biljun fl-2009 għal EUR 1 666 biljun fl-2011. Bejn l-2011 u l-2016, dawn baqgħu relattivament stabbli iżda fit-tliet snin ta’ wara żdiedu minn EUR 1 602 biljun għal EUR 1 935 biljun fl-2019.

Il-Figura 6: L-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, EU-27, 2009-2019
(EUR biljun)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_intertrd)

Fost l-Istati Membri tal-UE, il-Ġermanja kellha bil-bosta l-akbar sehem ta’ kummerċ barra l-EU-27 fl-2019, jiġifieri 29.6 % tal-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 lejn il-pajjiżi li mhumiex membri, u aktar minn wieħed minn kull ħamsa (21.0 %) tal-importazzjonijiet tal-EU-27 (ara l-Figura 7). L-akbar tliet importaturi li jmiss, jiġifieri Franza (11.6 %), l-Italja (11.0 %) u n-Netherlands (10.3 %), kienu l-uniċi Stati Membri oħra tal-UE li kellhom sehem b’żewġ numri tal-esportazzjonijiet tal-EU-27. In-Netherlands (17.5 %), Franza (10.7 %) u l-Italja (9.5 %) jinsabu wara l-Ġermanja bħala l-akbar importaturi tal-merkanzija fl-2019 mill-pajjiżi li mhumiex membri. Is-sehem relattivament għoli għan-Netherlands jista’ jiġi spjegat, għall-inqas parzjalment, mill-ammont konsiderevoli ta’ merkanzija li tidħol fl-UE minn Rotterdam, li huwa l-port tal-baħar ewlieni tal-UE.

Il-Figura 7: Il-kummerċ barra l-EU-27 tal-merkanzija, 2019
(sehem perċentwali ta’ esportazzjonijiet/importazzjonijiet tal-EU-27)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_intratrd)

L-akbar bilanċ favorevoli kummerċjali tal-merkanzija barra l-UE tal-EU-27 stmat fl-2019 hu EUR 224.3 biljun għall-Ġermanja, u warajha l-Italja (EUR 51.9 biljun), l-Irlanda (EUR 40.6 biljun) u Franza (EUR 39.2 biljun). L-akbar żbilanċi kummerċjali għall-kummerċ barra l-UE tal-merkanzija kienu EUR 118.7 biljun għan-Netherlands u EUR 30.7 biljun għal Spanja (ara t-tabella B fil-fajl excel mehmuż hawn taħt).

L-akbar sehem għall-kummerċ intra-UE tal-merkanzija fil-Lussemburgu u fis-Slovakkja

Fl-2019, iċ-ċifra tal-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri tal-UE (kummerċ intra-UE) kienet – f’termini ta’ esportazzjonijiet – EUR 3 061 biljun. Dan kien 44 % iżjed mil-livell irreġistrat ta’ EUR 2 132 biljun għall-esportazzjonijiet li jitilqu mill-EU-27 lejn il-pajjiżi li mhumiex membri (kummerċ barra l-UE).

Il-kummerċ intra-EU-27 – għal darba oħra mkejjel bl-esportazzjonijiet – żdied b’1.5 % madwar l-EU-27 bejn l-2018 u l-2019. Fejn jidħlu l-esportazzjonijiet, tkabbir ta’ żewġ numri bejn l-2018 u l-2019 kien irreġistrat biss għal Ċipru (16.4 %), filwaqt li l-Iżvezja (-0.6 %), il-Belġju (-0.3 %) u s-Slovakkja (-0.1 %) biss kellhom tnaqqis fl-esportazzjonijiet intra-UE tagħhom. Fl-importazzjonijiet, il-Kroazja (7.8 %) u l-Portugall (7.4 %) biss kellhom tkabbir iżjed minn 5 %, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-Irlanda (-3.9 %), il-Belġju (-1.4 %), Malta (-1.3 %) u l-Iżvezja (-0.9 %) naqsu.

Bħal fil-kummerċ barra l-EU-27, il-Ġermanja reġgħet kienet ukoll l-Istat Membru tal-UE bl-akbar livell ta’ kummerċ intra-EU-27 fl-2019, jiġifieri 22.8 % tal-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 lejn Stati Membri oħra, u 23.2 % tal-importazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 minn Stati Membri oħra (ara l-Figura 8). In-Netherlands (13.5 %) kienu l-uniku Stat Membru ieħor li kkontribwixxa aktar minn għaxra fil-mija tal-esportazzjonijiet intra-UE, għal darba oħra minħabba l-effett ta’ Rotterdam, filwaqt li Franza (12.5 %) kienet l-uniku Stat Membru ieħor responsabbli għal aktar għaxra fil-mija tal-importazzjonijiet intra-UE.

Il-Figura 8: Il-kummerċ intra-EU-27 tal-merkanzija, 2019
(sehem perċentwali ta’ esportazzjonijiet/importazzjonijiet tal-EU-27)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_intratrd)

L-importanza tas-suq intern tal-UE jenfasizzaha l-fatt li l-kummerċ intra-UE tal-merkanzija (esportazzjonijiet u importazzjonijiet f’daqqa) kien iżjed mill-kummerċ barra l-UE (esportazzjonijiet u importazzjonijiet f’daqqa) għall-Istati Membri kollha tal-UE (ara l-Figura 9). Il-proporzjon tal-kummerċ totali tal-merkanzija, li għalih kienu responsabbli l-flussi intra-UE u barra l-UE, varja b’mod konsiderevoli fl-Istati Membri kollha u, sa ċertu punt, kien jirrifletti r-rabtiet storiċi u l-pożizzjoni ġeografika. L-akbar ishma tal-kummerċ intra-UE (iżjed minn 75 % tal-kummerċ kollu) ġew irreġistrati fil-Lussemburgu (82.0 %), fis-Slovakkja (79.5 %), fiċ-Ċekja (76.6 %) u fl-Ungerija (75.1 %), filwaqt li dan il-proporzjon naqas għal 51.5 % għall-Greċja u 37.5 % għall-Irlanda.

Il-Figura 9: Il-kummerċ tal-merkanzija intra-EU-27 u barra l-EU-27, 2019
(importazzjonijiet u esportazzjonijiet f'daqqa, sehem perċentwali tal-kummerċ totali)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_intratrd)

Żieda qawwija fil-kummerċ tal-merkanzija maċ-Ċina fl-2009-2019

Bejn l-2009 u l-2019, l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 minn sieħeb kummerċjali ewlieni varja b’mod konsiderevoli. Fost is-sħab kummerċjali ewlenin, l-akbar rata ta’ tkabbir annwali medja ġiet irreġistrata għall-esportazzjonijiet lejn iċ-Ċina (9.9 %) u l-Messiku (9.5 %), ara l-Figura 10. L-inqas tkabbir kien fl-esportazzjonijiet lejn ir-Russja (3.3 %) u n-Norveġja (4.1 %).

Fuq in-naħa tal-importazzjonijiet, l-importazzjonijiet tal-merkanzija mill-Messiku (10.5 %) u mit-Turkija (8.1 %) bejn l-2009 u l-2019 kellhom l-akbar rata ta’ tkabbir annwali medja. L-inqas rati ta’ tkabbir kienu rreġistrati għall-importazzjonijiet min-Norveġja (0.3 %) u mir-Russja (2.3 %), li t-tnejn kienu esportaturi kbar tal-prodotti tal-enerġija, u anki għall-Ġappun (2.2 %).

Il-Figura 10: Il-kummerċ tal-merkanzija barra l-EU-27 minn sħab kummerċjali ewlenin, EU-27, 2009 u 2019
(EUR biljun)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_maineu)

L-Istati Uniti baqgħu l-aktar destinazzjoni komuni għall-merkanzija esportata mill-EU-27 fl-2019 (ara l-Figura 11) b’sehem ta’ 18.0 %. Ir-Renju Unit kien it-tieni l-akbar destinazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-EU-27 (14.9 % tat-total tal-EU-27), u warajh hemm iċ-Ċina (9.3 %). L-akbar seba’ swieq tad-destinazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 – l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, iċ-Ċina, l-Iżvizzera, ir-Russja, it-Turkija, u l-Ġappun – fissru kważi tlieta minn kull ħamsa (59.3 %) tal-esportazzjonijiet kollha tal-merkanzija tal-EU-27.

Il-Figura 11: Is-sħab kummerċjali ewlenin għall-esportazzjonijiet tal-merkanzija, EU-27, 2019
(sehem perċentwali tal-esportazzjonijiet barra l-EU-27)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_maineu)

L-akbar seba’ fornituri tal-importazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 kienu l-istess seba’ pajjiżi tal-akbar swieq tad-destinazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-EU-27, iżda varjat daqsxejn l-ordni tagħhom (qabbel il-Figuri 11 u 12). Dawn is-seba’ pajjiżi kellhom sehem akbar tal-importazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 mis-sehem tagħhom tal-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27: ftit aktar minn tlieta minn kull ħamsa (60.7 %) tal-importazzjonijiet kollha tal-merkanzija fl-EU-27 ġew minn dawn is-seba’ pajjiżi. Fl-2019, iċ-Ċina kienet l-akbar fornitur tal-merkanzija fl-EU-27 bi kważi wieħed minn kull ħamsa (18.7 %) tal-importazzjonijiet kollha. L-Istati Uniti (12.0 %) u r-Renju Unit (10.0 %) ġew warajha bi ftit distakk.

Il-Figura 12: Sħab kummerċjali ewlenin għall-importazzjonijiet tal-merkanzija, EU-27, 2019
(sehem perċentwali tal-importazzjonijiet barra l-EU-27)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_maineu)

Bilanċ favorevoli kummerċjali kbir għall-makkinarju u l-vetturi u għas-sustanzi kimiċi

Bejn l-2014 u l-2019, iċ-ċifra tal-esportazzjonijiet barra l-UE tal-EU-27 żdiedet għall-biċċa l-kbira tal-gruppi ta’ prodotti murija fil-Figura 13, għajr għall-esportazzjonijiet tal-enerġija li naqsu bi 8.2 %. L-akbar rata ta’ tkabbir għall-esportazzjonijiet ġiet irrapportata għas-sustanzi kimiċi b’żieda ta’ 35.8 %. Iż-żidiet ta’ aktar minn 20 % ġew irreġistrati wkoll għall-ikel u x-xorb (22.7 %) u għall-materja prima (20.1 %).

Fuq in-naħa tal-importazzjonijiet ġiet osservata xejra simili għax kien hemm tnaqqis ġenerali kbir fil-livell tal-importazzjonijiet barra l-UE tal-enerġija (-15.2 %) bejn l-2014 u l-2019. Innota li parti mit-telf tista’ tkun attribwita għal tibdil fil-prezzijiet u/jew għal fluttwazzjonijiet fir-rati tal-kambju, peress li fis-swieq dinjin iż-żejt hu pprezzat bid-dollari Amerikani. B’kuntrast ma’ dan, l-importazzjonijiet barra l-UE tal-makkinarju u l-vetturi żdiedu b’45.4 %, b’rati relattivament għoljin ta’ tkabbir li ġew irreġistrati wkoll għas-sustanzi kimiċi (28.6 %) u għal prodotti manifatturati oħra (24.1 %).

Il-bilanċ favorevoli kummerċjali tal-merkanzija barra l-UE tal-EU-27 hu EUR 197.1 biljun fl-2019 u ġie xprunat mill-bilanċi favorevoli kummerċjali kbar għall-makkinarju u l-vetturi (EUR 237.1 biljun) u għas-sustanzi kimiċi (EUR 171.6 biljun) u bilanċi favorevoli iżgħar għall-ikel u x-xorb, u għal prodotti manifatturi oħra. Dawn ma jistgħux jitpaċu bl-iżbilanċi kummerċjali kbar għall-enerġija (EUR -258.2 biljun) u l-iżbilanċi kummerċjali iżgħar għall-materja prima (EUR -26.1 biljun).

Il-Figura 13: Il-kummerċ barra l-EU-27 skont il-prodotti ewlenin, EU-27, 2014 u 2019
(EUR biljun)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_intertrd)

L-istruttura tal-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-EU-27 ma nbidlitx wisq bejn l-2014 u l-2019 (ara l-Figura 14) għajr għal żieda ta’ 2.4 punti perċentwali għas-sustanzi kimiċi minn 16.7 % fl-2014 għal 19.1 % fl-2019, u tnaqqis għall-enerġija ta’ 1.4 punti perċentwali.

Il-Figura 14: Esportazzjonijiet ewlenin skont il-prodott, EU-27, 2014 u 2019
(sehem perċentwali tal-esportazzjonijiet barra l-EU-27)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_intratrd)

Għall-istruttura tal-importazzjonijiet tal-EU-27 bejn l-2014 u l-2019, kien hemm tnaqqis kbir għas-sehem tal-enerġija b’7.6 punti perċentwali minn 26.3 % għal 18.7 % (ara l-Figura 15). Parzjalment, dan it-tnaqqis kien minħabba tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija. B’kuntrast ma’ dan, tul l-istess perjodu, is-sehem tal-makkinarju u l-vetturi żdied b’6.0 punti perċentwali, minn 26.9 % għal 32.8 %. L-ishma tal-prodotti l-oħra naqsu biss ftit.

Il-Figura 15: Importazzjonijiet ewlenin skont il-prodott, 2014 u 2019
(sehem perċentwali tal-importazzjonijiet barra l-EU-27)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_intratrd)

Il-Figura 16 tikkuntrasta l-istruttura tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet tal-EU-27 fl-2019: innota li l-livell ġenerali tal-esportazzjonijiet kien 10.2 % iżjed mil-livell tal-importazzjonijiet. L-aktar differenza notevoli hi fis-sehem tal-enerġija, li hi kważi erba’ darbiet iżjed għall-importazzjonijiet milli għall-esportazzjonijiet. Dan ġiet bbilanċjat mill-ishma aktar baxxi tal-importazzjonijiet għall-makkinarju u l-vetturi u għas-sustanzi kimiċi meta mqabbla mal-esportazzjonijiet.

Il-Figura 16: Esportazzjonijiet u importazzjonijiet ewlenin skont il-prodott, EU-27, 2019
(sehem perċentwali tal-esportazzjonijiet/importazzjonijiet barra l-EU-27)
Sors: il-Eurostat (ext_lt_intratrd)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

L-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija tkejjel il-valur u l-kwantità ta’ merkanzija nnegozjata bejn l-Istati Membri tal-UE (magħruf bħala kummerċ intra-UE) u merkanzija nnegozjata minn Stati Membri ma’ pajjiżi li mhumiex membri (magħruf bħala kummerċ barra l-UE). Din l-istatistika hi s-sors uffiċjali tal-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-bilanċ kummerċjali fl-UE, fl-Istati Membri tagħha u fiż-żona tal-ewro.

L-istatistika tiġi ppubblikata għal kull pajjiż dikjarant fir-rigward ta’ kull pajjiż sieħeb, għal bosta klassifikazzjonijiet ta’ prodotti. Waħda mill-aktar klassifikazzjonijiet tal-merkanzija li tintuża hi l-klassifikazzjoni standard tal-kummerċ internazzjonali (SITC Rev. 4) tan-Nazzjonijiet Uniti (UN); dan jippermetti li jsir tqabbil tal-istatistika tal-kummerċ internazzjonali fuq bażi dinjija.

Fl-istatistika tal-kummerċ barra l-UE, id-data murija għall-EU-27 tqis din l-entità bħala blokk kummerċjali uniku. Fi kliem ieħor, id-data għall-esportazzjonijiet tirrigwarda biss dawk l-esportazzjonijiet mill-EU-27 li jitilqu mill-blokk kummerċjali u li huma destinati għall-bqija tad-dinja, filwaqt li l-importazzjonijiet barra l-UE jirrigwardaw l-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja (pajjiżi li mhumiex membri) li jidħlu fl-EU-27. B’kuntrast ma’ dan, meta tiġi rrapportata d-data għal Stati Membri tal-UE individwali, il-flussi tal-kummerċ internazzjonali ġeneralment jiġu ppreżentati f’termini tal-flussi tal-kummerċ dinji (li jinkludu kemm is-sħab intra-UE u dawk barra l-UE). L-istatistika dwar il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE (kummerċ intra-UE) tkopri l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija rreġistrati minn kull Stat Membru.

Iċ-ċifri statistiċi tal-kummerċ intra-UE u barra l-UE huma rreġistrati biċ-ċifra tal-frank abbord (FOB) għall-esportazzjonijiet u ċ-ċifra tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF) għall-importazzjonijiet. Il-valuri rrapportati jinkludu biss dawk l-ispejjeż sussidjarji (nol u assigurazzjoni) li jirrigwardjaw, għall-esportazzjonijiet, il-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru tal-UE li minnu tiġi esportata l-merkanzija u, għall-importazzjonijiet, il-vjaġġ barra t-territorju tal-Istat Membru li fih tiġi importata l-merkanzija.

Id-data tal-UE ġejja mill-bażi tad-data COMEXT tal-Eurostat, il-bażi tad-data ta’ referenza għall-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija. Din tipprovdi aċċess mhux biss għad-data riċenti u storika tal-Istati Membri tal-UE, iżda anki għall-istatistika għal għadd sinifikanti ta’ pajjiżi li mhumiex membri. L-istatistika aggregata u dettaljata għall-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija kif imxerrda permezz tas-sit web tal-Eurostat tiġi kkompilata minn COMEXT kull xahar. Billi COMEXT tiġi aġġornata kuljum, id-data ppubblikata fuq is-sit web jaf tvarja mid-data li hemm fil-COMEXT (minħabba xi reviżjonijiet riċenti).

Id-data tal-EU-27 tirrifletti t-tibdil politiku fil-kompożizzjoni tal-UE. Għaldaqstant, għall-UE-27, ir-Renju Unit jitqies bħala pajjiż sieħeb barra l-UE. Iżda r-Renju Unit għadu parti mis-suq intern sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u allura d-data tal-kummerċ mar-Renju Unit għadha tissejjes fuq kunċetti statistiċi li japplikaw għall-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE. Minbarra f’hekk, filwaqt li l-importazzjonijiet minn sieħeb ieħor tal-kummerċ barra l-UE huma raggruppati skont l-oriġini, id-data tar-Renju Unit tirrifletti l-pajjiż tal-kunsinna. Fil-prattika dan ifisser li l-merkanzija importata fl-UE-27 mir-Renju Unit tkun ġiet trasportata fiżikament mir-Renju iżda parti minn din il-merkanzija jaf ikollha oriġini oħra li mhix ir-Renju Unit. Għaldaqstant, id-data tal-kummerċ mar-Renju Unit mhix kompatibbli għalkollox mad-data dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi sħab oħra tal-kummerċ barra l-UE-27.

Id-data għall-kummerċjanti kbar li mhumiex fl-UE li tintuża fil-Figuri 1 sa 5 tittieħed mill-bażi tad-data UNCTAD tan-Nazzjonijiet Uniti. Għall-kalkolu tal-ishma, il-kummerċ dinji jiġi definit bħala s-somma tal-kummerċ tal-UE mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE (sors: il-Eurostat) flimkien mal-kummerċ internazzjonali tal-pajjiżi li mhumiex fl-UE (sors: il-UNCTAD).

Kuntest

L-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ merkanzija tintuża b’mod estensiv minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali. In-negozji jistgħu jużaw data tal-kummerċ internazzjonali biex iwettqu riċerka tas-suq u jiddefinixxu l-istrateġija kummerċjali tagħhom. L-istatistika għall-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija tintuża wkoll mill-istituzzjonijiet tal-UE fit-tħejjija tagħhom ta’ negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali, sabiex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki anti-dumping, għall-finijiet tal-politiki monetarji u makroekonomiċi, kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-progress tas-suq uniku, jew l-integrazzjoni tal-ekonomiji Ewropej.

L-iżvilupp tal-kummerċ jista’ jkun opportunità għat-tkabbir ekonomiku. L-UE għandha politika kummerċjali komuni, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea tinnegozja ftehimiet kummerċjali u tirrappreżenta l-interessi tal-UE f’isem is-27 Stat Membru tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta mal-Istati Membri tal-UE permezz ta’ kumitat konsultattiv li jiddiskuti l-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet tal-politika kummerċjali li jaffettwaw lill-UE, inklużi strumenti unilaterali, bilaterali u multilaterali. Bħala tali, il-politika kummerċjali hija setgħa esklussiva tal-UE u għalhekk l-UE biss, u mhux l-Istati Membri individwali, tista’ tilleġiżla fuq kwistjonijiet kummerċjali u tikkonkludi ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Aktar riċenti, dan l-ambitu ġie estiż lil hinn mill-kummerċ tal-merkanzija biex ikun ikopri l-kummerċ fis-servizzi, il-proprjetà intellettwali u l-investiment dirett barrani (fil-Kapitlu 4).

Globalment, il-kwistjonijiet ta’ kummerċ multilaterali jiġu indirizzati fl-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO). F’Marzu 2020, id-WTO kellha 164 membru u bosta membri kandidati oħra fil-proċess tas-sħubija. Id-WTO tistabbilixxi r-regoli dinjin għall-kummerċ, tipprovdi forum għan-negozjati kummerċjali u s-soluzzjoni tat-tilwim bejn il-membri. Il-Kummissjoni Ewropea tinnegozja mas-sħab tagħha tad-WTO u pparteċipat fl-aħħar sessjoni ta’ negozjati kummerċjali multilaterali tad-WTO, magħrufa bħala l-Aġenda tal-Iżvilupp ta’ Doha (id-DDA).

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations





Ħarsa ġenerali lejn l-artikli kollha fi Statistika Spjegata dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija (bl-Ingliż)

Kummerċ internazzjonali tal-merkanzija – indikaturi fit-tul (t_ext_go_lti)
Kummerċ internazzjonali tal-merkanzija – indikaturi fil-qosor (t_ext_go_sti)


Kummerċ internazzjonali tal-merkanzija – data aggregata (ext_go_agg)
Kummerċ internazzjonali tal-merkanzija – indikaturi fit-tul (ext_go_lti)
Kummerċ internazzjonali tal-merkanzija – indikaturi fil-qosor (ext_go_sti)
Kummerċ internazzjonali tal-merkanzija – data dettaljata (fid-dettall)