Mogħdija tan-navigazzjoni

Globalizzazzjoni

L-għaqda tal-progress teknoloġiku, trasport orħos u l-liberalizzazzjoni tal-politika fl-Unjoni Ewropea u f'postijiet oħra wasslet għal kummerċ miżjud u flussi finanzjari bejn il-pajjiżi. Dan għandu konsegwenzi importanti għall-funzjonament tal-ekonomija tal-UE. Filwaqt li l-globalizzazzjoni ġġib magħha benefiċċji u opportunitajiet kbar, tfisser ukoll li l-Ewropa trid tiffaċċja kompetizzjoni b'saħħitha kemm mill-ekonomiji bi prezz baxx bħaċ-Ċina u l-Indja kif ukoll mill-ekonomiji innovattivi bħall-Istati Uniti.

L-integrazzjoni ekonomika dejjem tiżdied, jew kif inhi magħrufa aħjar - il-globalizzazzjoni - toffri bosta opportunitajiet. Il-kumpaniji tal-UE jingħataw aċċess aktar faċli għal swieq ġodda u f'fażi ta' espanzjoni, u għal sorsi ta' finanzjament u teknoloġija. Il-konsumaturi tal-UE jingħataw aċċess għal varjetà akbar ta' merkanzija bi prezzijiet aktar baxxi. Dan jiftaħ il-prospett għal qligħ potenzjalment sinjifikanti għall-Unjoni f'dawk li huma livelli ogħla ta' produttività u pagi veri. Il-Kummissjoni Ewropea tistima li madwar 20% miż-żieda tal-istandard tal-għajxien fl-UE-15 fuq l-aħħar 50 sena ġej mill-globalizzazzjoni. Minħabba f'hekk l-UE hija verament favur aktar ftuħ ekonomiku. Il-politika ta' kummerċ tal-UE hija strument importanti bħala tmun għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ dinji.

Madankollu, il-pubbliku ħafna drabi jassoċja l-globalizzazzjoni ma' telf ta' impjiegi u pressjonijiet negattivi fuq il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawn l-ansjetajiet huma bbażati fuq beżgħat li l-kompetizzjoni miżjuda minn pajjiżi b'pagi baxxi tqiegħet pressjoni eċċessiva fuq il-produtturi u l-ħaddiema lokali, u li tista' twassal għall-egħluq sħiħ jew parzjali ta' fabbriki fl-Ewropa u r-rilokazzjoni tagħhom barra. Filwaqt li dan it-tħassib mhuwiex ġdid, donnu żdiet bl-emerġenza rapida taċ-Ċina u l-Indja fix-xena tal-kummerċ dinji. B'mod partikolari, l-użu mifrux tat-teknoloġiji tal-informazzjoni iktar iċajpru d-distinzjoni ta' bejn dak li jista' u dak li ma jistax jiġi kummerċjalizzat.

Is-sejbien ta' respons xieraq għall-globalizzazzjoni jista' jidher bħala parti minn sfida ta' politika aktar mifruxa għall-ekonomiji dinamiċi - jiġifieri biex ileħħqu tajjeb mal-bidla ekonomika strutturali. Biex jinħasad il-qligħ tal-globalizzazzjoni, huwa neċessarju li ngħaddu minn proċess ta' aġġustament fil-fatturi tal-produzzjoni - bħall-investiment fil-kapital - jmorru minn attivitajiet u kumpaniji li ma jistgħux ileħħqu mal-pressjoni taż-żieda fil-kompetizzjoni lejn dawk li iktar imorru tajjeb biha. Madankollu, filwaqt li hemm x'juri li l-globalizzazzjoni ma ġietx assoċjata mat-telfiet ġenerali tal-impjiegi, l-aġġustament ta' strutturi ekonomiċi għandu spejjeż li jirriżultaw minn riżorsi li qed jitmexxew bejn il-kumpaniji u l-attivitajiet. L-aġġustament strutturali ta' swieq tax-xogħol, kapital u prodotti aktar riġidu jista' jkun għali u iebes għall-ewwel f'setturi partikolari u f'reġjuni fejn ikun hemm konċentrazzjoni ta' dawn is-setturi.

L-isfida politika hi li tittrasforma l-benefiċċji potenzjali tal-globalizzazzjoni fi qligħ reali filwaqt li timminimalizza l-ispejjeż soċjali. Ċertu miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-swieq tal-UE u jagħtu spinta fl-innovazzjoni għandhom jgħinu biex iqassru l-proċess ta' aġġustament, filwaqt li azzjonijiet ta' politika mmirati bħal ma huwa l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jgħinu lill-ħaddiema milquta. Apparti minn dawn il-kwistjonijiet interni, jeżistu wkoll sfidi esterni sinifikanti quddiem l-UE li jeħtieġu respons politiku, inklużi:

  • it-tħeġġiġ tal-kummerċ globali u ż-żamma fil-pożizzjoni tal-Ewropa bħala l-unità prinċipali fil-kummerċ globali;
  • il-ġestjoni tal-migrazzjoni bħala sors ta' ħaddiema, respons għax-xjuħija, u benefiċċju għall-iżvilupp;
  • iż-żamma tal-pożizzjoni tal-UE bħala sors u destinazzjoni għall-investiment dirett barrani (FDI); kif ukoll
  • il-ġestjoni ta' żbilanċi fl-ekonomija globali fl-isħubija ma' pajjiżi oħra.

Il-Kummissjoni għandha sehem importanti fit-tfassil ta' strateġija politika koerenti biex niffaċċjaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Tanalizza bir-reqqa l-evoluzjoni tax-xejriet ewlenin fil-kummerċ dinji u l-flussi tal-FDI, kif ukoll il-prestazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward. Tanalizza regolarment ukoll l-impatt tal-globalizzazzjoni fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-UE u tipprovdi parir politiku abbażi tal-analiżi tagħha.