Statistics Explained

Archive:MStatistika dwar il-paga minima

Revision as of 13:59, 13 September 2019 by Piirtju (talk | contribs)


Data estratta f’Jannar 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Mejju 2020.

Il-verżjoni Ingliża hija aktar riċenti.

Highlights

F’Jannar 2019 il-pagi minimi fl-Istati Membri tal-UE kienu jvarjaw minn EUR 286 sa EUR 2 071 fix-xahar.

Il-pagi minimi, Jannar 2009 u Jannar 2019 (EUR kull xahar u %)
Sors: l-Eurostat (earn_mw_cur)


Dan l-artiklu juri kif il-livelli tal-paga minima jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea (UE); huwa jipprovdi wkoll tqabbil mas-sitwazzjoni fil-pajjiżi kandidati u fl-Istati Uniti.

Full article

Ħarsa ġenerali

L-istatistika dwar il-paga minima, kif ippubblikata mill-Eurostat, tirreferi għall-pagi minimi nazzjonali. Il-paga minima nazzjonali ġeneralment tapplika għall-impjegati kollha, jew għall-inqas għal maġġoranza kbira tal-impjegati f’pajjiż. Din tiġi infurzata bil-liġi, ħafna drabi wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, jew direttament permezz ta’ ftehim intersettorjali nazzjonali.

Il-pagi minimi ġeneralment jiġu ppreżentati bħala rati tal-paga kull xahar għall-qligħ gross, jiġifieri, qabel it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-introjtu u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali pagabbli mill-impjegat; dan it-tnaqqis ivarja minn pajjiż għal ieħor. Il-pagi minimi nazzjonali jiġu ppubblikati mill-Eurostat darbtejn kull sena. Jirriflettu s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena. Bħala konsegwenza, il-modifiki għall-pagi minimi introdotti bejn dawn iż-żewġ dati jintwerew biss għar-rilaxx segwenti tad-data darbtejn fis-sena.

Varjazzjonijiet fil-pagi minimi nazzjonali

F’Jannar 2019 il-pagi minimi fl-Istati Membri tal-UE kienu jvarjaw minn EUR 286 sa EUR 2 071 kull xahar

F’Jannar 2019, 22 mit-28 Stat Membru tal-UE (id-Danimarka, l-Italja, Ċipru, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja kienu l-eċċezzjonijiet) kellhom paga minima nazzjonali, kif kellhom il-pajjiżi kandidati tal-UE kollha (il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, is-Serbja u t-Turkija). Mill-1 ta’ Jannar 2019, il-pagi minimi kull xahar kienu jvarjaw ħafna fl-Istati Membri kollha, minn EUR 286 fil-Bulgarija sa EUR 2 071 fil-Lussemburgu (ara l-Figura 1).

Figura 1: Il-pagi minimi, Jannar 2009 u Jannar 2019 (EUR kull xahar u %)
Sors: l-Eurostat (earn_mw_cur)


Meta mqabbel ma’ Jannar 2009, f’Jannar 2019, il-pagi minimi (espressi f’euro) kienu ogħla f’kull Stat Membru tal-UE b’paga minima nazzjonali, ħlief fil-Greċja, fejn dawn kienu 16 % aktar baxxi (akkumulati matul l-10 snin, bir-rata medja annwali tal-bidla ta’ -1.5 %). Bejn Jannar 2009 u Jannar 2019, ir-rata medja annwali tal-bidla tal-pagi minimi kienet l-ogħla fir-Rumanija (11.6 %) u fil-Litwanja (9.1 %). Barra minn hekk, il-Bulgarija (8.8 %), l-Estonja (6.9 %) u l-Latvja (6.6 %) kif ukoll il-Polonja (6.2 %) irreġistraw żidiet sinifikanti.

Abbażi tal-livell tal-pagi minimi nazzjonali gross kull xahar espressi f’termini ta’ euro, l-Istati Membri tal-UE koperti minn din il-ġabra ta’ data jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet gruppi differenti; il-pajjiżi mhux membri huma murija fil-Figura 1 bħala grupp separat.

  • Il-Grupp 1, fejn il-pagi minimi nazzjonali kienu aktar baxxi minn EUR 500 fix-xahar f’Jannar 2019. L-Istati Membri tal-UE f’dan il-grupp kienu jinkludu: il-Bulgarija, il-Latvja, ir-Rumanija u l-Ungerija; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom kienu jvarjaw minn EUR 286 fil-Bulgarija sa EUR 464 fl-Ungerija.
  • Il-Grupp 2, fejn f’Jannar 2019 il-pagi minimi nazzjonali kienu mill-inqas EUR 500 iżda aktar baxxi minn EUR 1 000 fix-xahar . L-Istati Membri tal-UE f’dan il-grupp kienu jinkludu: il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Polonja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Greċja, il-Portugall, Malta u s-Slovenja; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom kienu jvarjaw minn EUR 506 fil-Kroazja sa EUR 887 fis-Slovenja.
  • Il-Grupp 3, fejn f’Jannar 2019 il-pagi minimi nazzjonali kienu mill-inqas EUR 1 000 kull xahar . L-Istati Membri tal-UE f’dan il-grupp kienu jinkludu: Spanja, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands, l-Irlanda u l-Lussemburgu; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom kienu jvarjaw minn EUR 1 050 fi Spanja sa EUR 2 071 fil-Lussemburgu.
  • Il-pajjiżi kandidati kollha tal-UE kellhom pagi minimi li kienu simili għal dawk fil-grupp 1, li kienu jvarjaw minn EUR 211 fl-Albanija sa EUR 422 fit-Turkija. Il-livell fl-Istati Uniti (b’paga minima nazzjonali ta’ EUR 1 098 fix-xahar) waqa’ fil-medda murija fil-Grupp 3.

Għal dawk l-Istati Membri tal-UE b’pagi minimi nazzjonali li huma barra miż-żona tal-euro (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju Unit), kif ukoll għall-pajjiżi kandidati tal-UE u l-Istati Uniti, il-livell tal-pagi minimi u l-klassifikazzjoni espressa f’termini ta’ euro huma influwenzati mir-rati tal-kambju li jintużaw għall-konverżjoni minn muniti nazzjonali għal euro.

Il-pagi minimi espressi fi standards tal-kapaċità tal-akkwist

Id-diskrepanza bejn il-pajjiżi fil-livell tal-pagi minimi kienet iżgħar b’mod konsiderevoli ladarba tqiesu d-differenzi fil-livell tal-prezz

Il-Figura 2 tqabbel il-pagi minimi gross, filwaqt li tqis id-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet, billi tapplika paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist (PPPs) għan-nefqa tal-konsum domestiku finali; kif jista’ jkun mistenni, l-aġġustament għad-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet inaqqas il-varjazzjoni bejn il-pajjiżi. Abbażi tal-livell tal-pagi minimi nazzjonali gross kull xahar espressi f’termini ta’ PPS, l-Istati Membri tal-UE koperti minn din il-ġabra ta’ data jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet gruppi differenti; għal darba oħra, il-pajjiżi mhux membri huma murija bħala grupp separat fil-Figura 2.

  • Il-Grupp 1, fejn il-pagi minimi nazzjonali kienu aktar baxxi minn PPS 800 f’Jannar 2019. L-Istati Membri tal-UE f’dan il-grupp kienu jinkludu: il-Bulgarija, il-Latvja, l-Estonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Kroazja u l-Ungerija; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom kienu jvarjaw minn PPS 577 fil-Bulgarija sa PPS 765 fl-Ungerija.
  • Il-Grupp 2, fejn f’Jannar 2019 il-pagi minimi nazzjonali kienu mill-inqas PPS 800 iżda aktar baxxi minn PPS 1 000 . Kien hemm seba’ Stati Membri tal-UE f’dan il-grupp, jiġifieri: il-Greċja, il-Portugall, il-Litwanja, ir-Rumanija, Malta, Spanja u l-Polonja; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom kienu jvarjaw minn PPS 800 fil-Greċja sa PPS 933 fi Spanja u fil-Polonja.
  • Il-Grupp 3, fejn f’Jannar 2019 il-pagi minimi nazzjonali kienu mill-inqas PPS 1 000 . L-Istati Membri tal-UE f’dan il-grupp kienu jinkludu: is-Slovenja, ir-Renju Unit, l-Irlanda, Franza, il-Belġju, in-Netherlands, il-Ġermanja u l-Lussemburgu; il-pagi minimi nazzjonali tagħhom kienu jvarjaw minn PPS 1 059 fis-Slovenja sa PPS 1 646 fil-Lussemburgu.
  • Bl-eċċezzjoni tat-Turkija, l-erba’ pajjiżi kandidati tal-UE li jifdal kellhom pagi minimi espressi f’PPS li kienu simili għal dawk fil-grupp 1, li kienu jvarjaw minn PPS 389 fl-Albanija sa PPS 578 fis-Serbja. It-Turkija (b’paga minima nazzjonali ta’ PPS 1 177) kellha pagi minimi espressi f’PPS li kienu fil-medda tal-grupp 3, filwaqt li l-Istati Uniti (PPS 972) kellhom paga minima espressa f’PPS li kienet fil-medda tal-grupp 2.

L-Istati Membri tal-UE fil-Grupp 1, b’pagi minimi relattivament baxxi f’termini ta’ euro, kellhom it-tendenza li jkollhom livelli ta’ prezzijiet aktar baxxi u, għalhekk, pagi minimi relattivament ogħla meta espressi fi standard tal-kapaċità tal-akkwist (PPS). Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri fil-Grupp 3, b’pagi minimi relattivament għoljin f’termini ta’ euro, kellhom it-tendenza li jkollhom livelli ta’ prezzijiet ogħla u, għalhekk, il-pagi minimi tagħhom f’termini ta’ PPS ħafna drabi kienu aktar baxxi. Dan l-aġġustament għal-livelli tal-prezzijiet għandu l-effett li jtaffi parzjalment il-pawżi distinti bejn it-tliet gruppi differenti ta’ Stati Membri li kienu identifikati meta l-pagi minimi ġew ikklassifikati f’termini ta’ euro.

Figura 2: Pagi minimi, Jannar 2019 (PPS fix-xahar)
(PPS fix-xahar)
Sors: l-Eurostat (earn_mw_cur)

Id-disparitajiet fir-rati tal-paga minima bejn l-Istati Membri tal-UE tnaqqsu minn proporzjon ta’ 1:9.8 f’euro (li jfisser li l-ogħla paga minima kienet 9.8 darbiet ogħla minn dik l-aktar baxxa, espressa f’euro) għal proporzjon ta’ 1:4.2 meta espressa f’PPS (li jfisser li l-ogħla paga minima kienet 4.2 darbiet ogħla minn dik l-aktar baxxa, espressa f’PPS).

Il-livelli tal-paga minima fir-rigward tal-qligħ gross medjan

Il-Figura 3 tipprovdi informazzjoni fir-rigward tas-sehem tal-paga minima nazzjonali fi qligħ gross medjan.

Il-pagi minimi nazzjonali espressi f’termini ta’ euro ttieħdu mill-1 ta’ Lulju 2014 u ġew diviżi bil-qligħ gross medjan imkejjel mill-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ (SES 2014). F’Lulju 2014, il-proporzjon ta’ pagi minimi fi qligħ medjan fl-Istati Membri tal-UE kollha varja minn 40 % sa 66 %. Għall-iskop ta’ din l-analiżi, il-pagamenti għas-sahra u għax-xogħol bix-xift ġew esklużi mill-kalkolu tal-qligħ gross medjan ta’ kull xahar. Fil-każ tal-Ġermanja, Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit, li l-pagi minimi tagħhom huma stabbiliti fuq bażi ta’ kull siegħa, il-proporzjon ġie kkalkolat bħala proporzjon tal-qligħ medjan kull siegħa. Għas-16-il Stat Membru tal-UE l-oħrajn li għandhom pagi minimi nazzjonali kull xahar u li għalihom hemm data disponibbli, il-proporzjon ġie kkalkolat bħala proporzjon tal-qligħ medjan ta’ kull xahar.

Figura 3: Il-pagi minimi bħala proporzjon tal-qligħ gross medjan ta’ kull xahar, 2014
(%)
Sors: l-Eurostat (earn_mw_cur) u l-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ tal-2014; kalkolu speċjali magħmul għall-iskop ta’ din il-pubblikazzjoni; dawn il-kalkoli speċjali mhumiex disponibbli fil-bażi ta’ data online tal-Eurostat

Il-proporzjon ta’ ħaddiema b’paga minima

Il-proporzjon ta’ impjegati li jaqilgħu l-paga minima jista’ jvarja b’mod konsiderevoli bejn il-pajjiżi. Billi l-microdata mill-aħħar żewġ stħarriġiet dwar l-istruttura tal-qligħ (SES) ta’ kull erba’ snin tingħaqad mal-livell ta’ pagi minimi fis-seħħ f’dak iż-żmien (Ottubru 2010 u 2014), huwa possibbli li tinkiseb stima ta’ dawn il-proporzjonijiet (kif ippreżentati fil-Figura 4). Għall-finijiet tal-komparabbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni kien ristrett għal ħaddiema full-time ta’ 21 sena u aktar, li jaħdmu f’intrapriżi b’10 impjegati u aktar, minbarra l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża u s-sigurtà soċjali obbligatorja (NACE Rev. 2 Taqsima O). Barra minn hekk, il-qligħ kull xahar ikkalkolat mill-SES jeskludi kwalunkwe qligħ relatat mas-sahra u x-xogħol bix-xift.

F’Ottubru 2014, il-proporzjon ta’ impjegati li jitħallsu inqas minn 105 % tal-paga minima nazzjonali kien ogħla minn 7.0 % f’għaxra mill-Istati Membri tal-UE li infurzaw paga minima, jiġifieri: is-Slovenja (19.1 %), ir-Rumanija (15.7 %), il-Portugall (13.0 %), il-Polonja (11.7 %), il-Bulgarija (8.8 %); Franza (8.4 %), il-Litwanja (8.1 %), il-Latvja (7.9 %), il-Greċja (7.7 %) u l-Kroazja (7.1 %). il-Belġju (0.4 %) irreġistra l-aktar proporzjon baxx ta’ impjegati li jaqilgħu inqas minn 105 % tal-paga minima nazzjonali, filwaqt li l-proporzjon ta’ impjegati fl-għaxar Stati Membri li jifdal li jaqilgħu inqas minn dan l-ammont kien bejn 1.0 % (Spanja) u 5.8 % (il-Lussemburgu).

Figura 4: Il-proporzjon ta’ impjegati li jaqilgħu inqas minn 105 % tal-paga minima, Ottubru 2010 u 2014
(%)
Sors: l-Eurostat (earn_mw_cur) u l-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ tal-2014; kalkolu speċjali magħmul għall-iskop ta’ din il-pubblikazzjoni; dawn il-kalkoli speċjali mhumiex disponibbli fil-bażi ta’ data online tal-Eurostat

L-iżvilupp tal-proporzjon tal-ħaddiema b’paga minima

Bejn l-2010 u l-2014, il-proporzjon ta’ impjegati li jaqilgħu inqas minn 105 % tal-paga minima nazzjonali żdied b’aktar minn 2.0 punti perċentwali fir-Rumanija (11.7 punti), fil-Bulgarija (5.4 punti), fil-Polonja (3.6 punti) u fl-Ungerija (2.3 punti), filwaqt li naqas b’aktar minn 2.0 punti fil-Litwanja (-5.6 punti), fl-Irlanda (-5.1 punti), fil-Lussemburgu (-4.1 punti), fil-Latvja (-4.0 punti), fil-Portugall (-3.8 punti), fil-Kroazja (-2.6 punti) u fis-Slovakkja (-2.2 punti).

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

Il-pagi minimi nazzjonali kull xahar

L-istatistika dwar il-paga minima, ippubblikata mill-Eurostat, tirreferi għall-pagi minimi nazzjonali kull xahar. Id-data hija ppubblikata fir-rigward tal-pagi minimi applikati fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena. Il-paga minima nazzjonali bażika hija ffissata b’rata ta’ kull siegħa, kull ġimgħa jew kull xahar, u din il-paga minima hija infurzata bil-liġi (mill-gvern), ħafna drabi wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, jew inkella direttament permezz ta’ ftehim intersettorjali nazzjonali. Il-paga minima nazzjonali ġeneralment tapplika għall-impjegati kollha, jew għall-inqas għal maġġoranza kbira tal-impjegati fil-pajjiż; l-informazzjoni hija rrapportata f’termini grossi. Ġabra sħiħa ta’ informazzjoni speċifika għall-pajjiżi dwar il-pagi minimi nazzjonali hija disponibbli f’anness bħala parti mill-metadata.

Għal dawk il-pajjiżi fejn il-paga minima nazzjonali mhijiex iffissata f’termini grossi, il-valur nett jiġi ingrossat sabiex ikopri t-taxxi applikabbli; dan huwa l-każ għall-Montenegro u għas-Serbja.

Għal dawk il-pajjiżi fejn il-paga minima nazzjonali mhijiex iffissata b’rata kull xahar (pereżempju, fejn il-pagi minimi huma speċifikati fuq bażi ta’ kull siegħa jew kull ġimgħa), il-livell tal-paga minima jiġi kkonvertit f’rata kull xahar skont il-fatturi ta’ konverżjoni pprovduti mill-pajjiżi kkonċernati:

Il-Ġermanja: (rata kull siegħa x 39.1 siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar (il-valur ta’ 39.1 siegħa huwa relatat mas-sigħat bażiċi medji kull ġimgħa għall-impjegati full-time f’NACE Rev.2 it-taqsimiet B sa S: dan il-valur huwa riżultat ta’ stħarriġ tal-qligħ trimestrali);

L-Irlanda: (rata kull siegħa x 39 siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar;

Franza: data għal Jannar 1999–Lulju 2005: (rata kull siegħa x 39 siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar; data minn Jannar 2005 ’il quddiem (rata kull siegħa x 35 siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar;

Malta: (rata kull ġimgħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar;

Ir-Renju Unit: (rata kull siegħa x is-sigħat bażiċi medji mħallsin fil-ġimgħa għal impjegati full-time fis-setturi kollha x 52.18-il ġimgħa) / 12-il xahar;

L-Istati Uniti: (rata kull siegħa x 40 siegħa x 52 ġimgħa) / 12-il xahar.

Fis-Serbja, il-paga minima nazzjonali hija ddeterminata f’termini netti kull siegħa. Hija applikata l-konverżjoni li ġejja: (rata netta kull siegħa x 40 siegħa x 52.2 ġimgħa) / 12-il xahar. Imbagħad, dan il-valur jiġi ingrossat sabiex ikopri t-taxxi applikabbli.

Barra minn hekk, meta l-paga minima titħallas għal aktar minn 12-il xahar fis-sena (bħal fil-Greċja, fi Spanja u fil-Portugall, fejn hija titħallas għal 14-il xahar fis-sena), id-data kienet aġġustata sabiex tqis dawn il-pagamenti.

Id-data dwar il-pagi minimi nazzjonali tiġi sottomessa lill-Eurostat f’termini tal-munita nazzjonali. Għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro, il-pagi minimi f’muniti nazzjonali jiġu kkonvertiti f’euro billi tiġi applikata r-rata tal-kambju ta’ kull xahar kif irreġistrata fl-aħħar tax-xahar preċedenti (pereżempju, ir-rata fl-aħħar ta’ Diċembru 2018 intużat għall-kalkolu tal-pagi minimi f’termini ta’ euro mill-1 ta’ Jannar 2019).

Sabiex jitneħħa l-effett tad-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet bejn il-pajjiżi, jintużaw ir-rati ta’ konverżjoni speċjali msejħa paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist (PPPs). Il-PPPs għan-nefqa tal-konsum domestiku finali f’kull pajjiż jintużaw għall-konverżjoni tal-pagi minimi ta’ kull xahar espressi f’euro jew muniti nazzjonali għal unità komuni artifiċjali msejħa l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist (PPS). Jekk il-PPPs għall-aħħar perjodu ta’ referenza jkunu għadhom mhumiex disponibbli, huma jiġu sostitwiti mill-PPP tas-sena preċedenti, u s-serje tiġi aġġornata ladarba jkunu disponibbli l-aktar PPPs riċenti.

Il-pajjiżi mhumiex koperti mill-istatistika dwar il-paga minima

Mill-1 ta’ Jannar 2019, ma kien hemm ebda paga minima nazzjonali fid-Danimarka, fl-Italja, f’Ċipru, fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Iżvezja; dan kien ukoll il-każ fil-pajjiżi tal-EFTA tal-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera. F’Ċipru, il-pagi minimi huma stabbiliti mill-gvern għal impjiegi speċifiċi. Fid-Danimarka, fl-Italja, fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Iżvezja, kif ukoll fl-Iżlanda, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera, il-pagi minimi huma stipulati permezz ta’ ftehimiet kollettivi għal firxa ta’ setturi speċifiċi.

Qligħ gross medjan ta’ kull xahar

Id-data dwar il-qligħ gross medjan kull xahar hija bbażata fuq l-aktar data riċenti miġbura mill-istħarriġ dwar l-istruttura tal-qligħ (SES) fl-2014 (dan l-istħarriġ jitwettaq darba kull erba’ snin). Id-data dwar il-qligħ gross medjan kull xahar tirreferi għall-impjegati kollha (minbarra apprendisti) li jaħdmu f’intrapriżi b’10 impjegati jew aktar u li joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija, ħlief l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (NACE Rev. 2 it-taqsima A) u l-amministrazzjoni pubblika u d-difiża; is-sigurtà soċjali obbligatorja (NACE Rev. 2 it-taqsima O). Qligħ medjan huwa l-livell ta’ qligħ li jaqsam l-impjegati kollha f’żewġ gruppi indaqs: nofshom jaqilgħu inqas mill-qligħ medjan u n-nofs l-ieħor jaqilgħu aktar. Qligħ gross kull xahar jirreferi għall-pagi u s-salarji li jaqilgħu l-impjegati full-time u part-time kull xahar ta’ referenza (ġeneralment Ottubru 2014) qabel titnaqqas kwalunkwe taxxa u kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-pagi u s-salarji jinkludu kwalunkwe ħlas għas-sahra, primjum ta’ xift, allowance, bonus, kummissjoni, eċċ. Il-qligħ gross kull xahar tal-impjegati part-time kien ikkonvertit f’unitajiet full-time qabel ma ġie inkluż fil-medja bl-istess piż bħall-impjegati full-time. L-esklużjoni tal-impjegati part-time mill-kalkolu tal-qligħ gross medjan kull xahar tħalli impatt fuq il-proporzjon ta’ pagi minimi/qligħ medjan b’7 punti perċentwali fin-Netherlands (49 % minflok 56 %).

Ir-rati medji tal-kambju għall-2014 intużaw għall-konverżjoni tad-data għal pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro f’euro. Il-kopertura tal-attività speċifika għall-pajjiż għall-pagi minimi nazzjonali bħala proporzjon tal-qligħ medju kull xahar hija disponibbli f’anness li jifforma parti mill-metadata.

Kuntest

Bosta mill-Istati Membri fundaturi tal-UE għandhom tradizzjoni twila li jiżguraw paga minima nazzjonali għal dawk il-ħaddiema mħallsin l-inqas. B’kuntrast ma’ dan, numru ta’ Stati Membri, inklużi l-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju Unit u ħafna mill-pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-2004 jew wara, riċentement introduċew leġiżlazzjoni dwar il-paga minima, filwaqt li sitta mill-Istati Membri tal-UE-28 ma kellhom l-ebda paga minima nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2019.

Fis-snin riċenti, kien hemm xejra ta’ żidiet relattivament baxxi fil-pagi (moderazzjoni tal-pagi) fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, u ħafna gruppi li jirrappreżentaw il-ħaddiema sostnew li l-kapaċità tal-akkwist u l-istandards ġenerali tal-għajxien naqsu. Xi politikanti, rappreżentanti tal-ħaddiema, gruppi ta’ pressjoni u kummentaturi jippromwovu l-idea ta’ “paga minima Ewropea” jew pagi minimi nazzjonali stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE kollha.

Il-livelli tal-paga minima nazzjonali mhux neċessarjament jinbidlu kull sena, filwaqt li l-aġġustament mhux dejjem jirriżulta f’żieda tal-paga minima — pereżempju, il-livell tal-pagi minimi fil-Greċja naqas fl-2012 bħala parti mill-miżuri ta’ awsterità introdotti mill-gvern. Il-Ftehim Kollettiv Nazzjonali ġie sospiż fil-Greċja dik is-sena u l-paga minima nazzjonali issa hija ffissata b’deċiżjoni tal-gvern.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Pagi minimi (tps00155)
Pagi minimi (earn_minw)
Pagi minimi kull xahar - data biannwali (earn_mw_cur)
Paga minima kull xahar bħala proporzjon tal-qligħ medju kull xahar (%) — NACE Rev. 2 (mill-2008 ’il quddiem) (earn_mw_avgr2)
Paga minima ta’ kull xahar bħala proporzjon tal-qligħ medju kull xahar (%) — NACE Rev. 1.1 (1999-2009) (earn_mw_avgr1)
  • Pagi minimi (Fajl ta’ metadata ta’ ESMS — earn_minw_esms) (bl-Ingliż)