Statistics Explained

Statistika tat-trasport tal-passiġġieri

Revision as of 10:34, 20 October 2020 by EXT-G-Albertone (talk | contribs)

Data estratta f’Ġunju 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Jannar 2021.

Il-verżjoni Ingliża hija aktar riċenti.

Punti ewlenin

Aktar minn 9.6 biljun passiġġier ivvjaġġaw fuq netwerks ferrovjarji nazzjonali fl-UE.

Fil-livell tal-UE, it-trasport tal-passiġġieri bl-ajru qabeż il-biljun passiġġier għall-ewwel darba fl-2017.

[[File:Seaborne passengers embarked and disembarked in all ports 2017-MT.XLSX]]

Passiġġieri bil-baħar imbarkati u żbarkati fil-portijiet kollha, EU-28, 2002-2017

Dan l-artiklu jipprovdi dettalji dwar is-sitwazzjoni attwali u l-iżviluppi reċenti għall-istatistika tat-trasport tal-passiġġieri fl-Unjoni Ewropea (UE), ibbażati fuq l-aktar data reċenti disponibbli. Din tippreżenta informazzjoni dwar it-trasport tal-passiġġieri b’firxa ta’ mezzi ta’ trasport, bħat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru u marittimu. Fost dawn, il-mezz prinċipali tat-trasport tal-passiġġieri huwa l-karozza tal-passiġġieri, xprunata mix-xewqa għal aktar mobbiltà u flessibilità. Madankollu, id-dipendenza għolja fuq il-karozza tal-passiġġieri bħala mezz ta’ trasport fl-UE kollha kkontribwiet għal aktar konġestjoni u tniġġis f’ħafna żoni urbani u fuq ħafna arterji ewlenin tat-trasport.

Artiklu sħiħ

Qasma modali tat-trasport intern tal-passiġġieri

L-Illustrazzjoni 1 turi li l-karozzi tal-passiġġieri ammontaw għal 82.9 % tat-trasport intern tal-passiġġieri fl-UE fl-2016, filwaqt li l-kowċijiet awtopropulsivi, il-karozzi tal-linja u t-trolley buses (9.4 %) kif ukoll il-ferroviji tal-passiġġieri (7.7 %) jammontaw għal inqas minn wieħed minn għaxra tat-traffiku kollu (imkejjel bin-numru ta’ kilometri tal-passiġġieri (pkm) ivvjaġġati fuq l-art b’kull mezz ta' trasport).

Illustrazzjoni 1: Il-qasma modali tat-trasport intern tal-passiġġieri, 2016
(% tas-sehem f’kilometri tal-passiġġieri)
Sors: Eurostat (tran_hv_psmod)

Il-karozza tal-passiġġieri kienet bil-bosta l-aktar mezz importanti għat-trasport tal-passiġġieri fl-Istati Membri kollha tal-UE. Fil-Litwanja u fil-Portugall, il-karozzi tal-passiġġieri kienu jammontaw għal kważi 90 % tat-trasport kollu tal-passiġġieri fl-2016. Is-Slovakkja, iċ-Ċekja u l-Ungerija kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE li s-sehem tagħhom tal-karozzi tal-passiġġieri kien inqas minn tliet każijiet minn kull erba' tat-trasport tal-passiġġieri. Għall-Ungerija, dan ġie rifless fl-ogħla sehem tal-kowċijiet awtopropulsivi u l-karozzi tal-linja (21.7 %) fost l-Istati Membri tal-UE. Ġie rrappurtat sehem saħansitra ogħla għall-pajjiż kandidat, it-Turkija (28.5 %). L-aktar sehem baxx għall-kowċijiet awtopropulsivi, għall-karozzi tal-linja u għat-trolley buses kien fin-Netherlands (3.0 %).

L-Istati Membri tal-UE bl-ogħla sehem ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija kienu l-Awstrija (12.1 %) u n-Netherlands (11.0 %). Madankollu, dan kien ferm inqas mill-pajjiż tal-EFTA, l-Iżvizzera, fejn il-ferroviji wettqu 19.8 % tat-trasport kollu tal-passiġġieri fl-2016. Fl-istess ħin, is-sehem tagħhom kien ta’ 2.0 % fl-Estonja u fis-Slovenja filwaqt li kien anqas kemm fil-Greċja u fil-Litwanja, kif ukoll fil-Maċedonja ta’ Fuq u fit-Turkija.

Passiġġieri tal-ferrovija

Fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, aktar minn 9.6 biljun passiġġier ivvjaġġaw fuq netwerks ferrovjarji nazzjonali fl-UE, fl-2017 (Tabella 1). Ta' min jinnota li t-trasport internazzjonali kien jirrappreżenta inqas minn 8 % tat-trasport totali għall-pajjiżi kollha ħlief għal-Lussemburgu fejn irrappreżenta 28 %.

B’kollox, sittax mill-Istati Membri tal-UE rrappurtaw żidiet fl-għadd totali ta’ passiġġieri trasportati bejn l-2016 u l-2017. L-akbar żidiet ġew irreġistrati fir-Rumanija (+14.4 %), fis-Slovakkja (+8.3 %) u fl-Estonja (+7.3 %). Għall-kuntrarju, it-trasport tal-passiġġieri naqas b’4.7 % fis-Slovenja. Barra mill-UE, il-Montenegro u l-Maċedonja ta’ Fuq irreġistraw tnaqqis kbir fit-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija (-27.9 % u -24.5 %).

Tabella 1: Trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija skont it-tip ta’ trasport, 2016-2017
(elf passiġġier)
Sors: Eurostat (rail_pa_typepas)

Meta wieħed iħares lejn l-evoluzzjoni tat-trasport internazzjonali bejn l-2016 u l-2017, l-akbar żidiet ġew irrapportati mill-Bulgarija (+52.3 %), mill-Polonja (+35.5 %), minn Spanja (+24.0 %) u mill-Finlandja (+21.0 %). B’kuntrast ma' dan, l-akbar tnaqqis kien irrappurtat mill-Italja (-10.0 %) segwit mir-Rumanija (-7.6 %). Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evoluzzjoni tat-trasport nazzjonali, ir-Rumanija rreġistrat l-akbar żieda b’+14.5 %, segwita mil-Litwanja (+7.7 %) filwaqt li s-Slovenja rrapportat l-akbar tnaqqis b’-4.8 %.

Sabiex wieħed iqabbel l-importanza relattiva tat-trasport bil-ferrovija bejn il-pajjiżi, id-data tista’ tiġi normalizzata billi t-traffiku tal-passiġġieri jiġi espress skont il-popolazzjoni (Illustrazzjoni 2). L-ivvjaġġar fuq in-netwerk ferrovjarju nazzjonali fl-Awstrija, fi Franza, fl-Iżvezja, fil-Ġermanja, fid-Danimarka u fir-Renju Unit laħaq medja ta’ aktar minn 1 000 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant fl-2017; dan kien ferm inqas mil-livell irreġistrat fl-Iżvizzera (2 211-il kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant). B’kuntrast ma' dan, fost l-Istati Membri tal-UE, l-aktar distanzi medji baxxi ta’ vjaġġar fuq netwerks ferrovjarji nazzjonali fl-2017 ġew irreġistrati fil-Greċja (103 kilometri tal-passiġġieri għal kull abitant) u fil-Litwanja (107 kilometri tal-passiġġieri għal kull abitant), filwaqt li l-livelli fil-pajjiżi kandidati bħat-Turkija (56 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant) u l-Maċedonja ta’ fuq (28 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant) kienu saħansitra inqas.

Illustrazzjoni 2: Trasport bil-ferrovija tal-passiġġieri skont it-tip ta’ trasport, 2017
(kilometri tal-passiġġieri għal kull abitant)
Sors: Eurostat (rail_pa_typepas) u (demo_gind)

F’termini ta’ vjaġġar internazzjonali bil-ferrovija, l-uniċi Stati Membri tal-UE li jirrappurtaw livelli ta’ aktar minn 100 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant fl-2017 kienu l-Lussemburgu (219-il kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant), Franza (145 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant) u ċ-Ċekja (136 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant); dan il-livell inqabeż ukoll mill-pajjiż tal-EFTA, l-Iżvizzera, (110 kilometri tal-passiġġieri għal kull abitant). Dawn l-illustrazzjonijiet jistgħu jirriflettu, fost l-oħrajn, il-prossimità tal-fruntieri internazzjonali, l-importanza ta’ ħaddiema transfruntiera fil-forza tax-xogħol, l-aċċess għal konnessjonijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja, u jekk il-kurituri tat-trasport internazzjonali jgħaddux minn pajjiż partikolari jew le.

Passiġġieri bl-ajru

Fil-livell tal-UE l-għadd totali ta’ passiġġieri bl-ajru li ġew trasportati qabeż il-biljun għall-ewwel darba fl-2017 (Illustrazzjoni 3). Ir-Renju Unit kien l-Istat Membru tal-UE li ttrasporta l-ogħla għadd ta’ passiġġieri fl-2017 (265 miljun passiġġier), segwit mill-Ġermanja (212-il miljun passiġġier) u Spanja (210 miljun passiġġier). L-ewwel ħames pajjiżi kienu jirrappreżentaw żewġ terzi tat-trasport bl-ajru totali tal-UE. Min-naħa l-oħra, is-Slovenja rreġistrat 1.7 miljun passiġġier.

Kważi nofs it-trasport tal-passiġġieri bl-ajru kien jikkonċerna titjiriet fl-UE (47 %) filwaqt li t-trasport nazzjonali u t-trasport barra mill-UE rrappreżentaw 17 % u 36 % tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, rispettivament. Għall-pajjiżi kollha t-trasport intra-UE huwa dominanti, b’sehmiet ta’ bejn 45 % għal Franza u 92 % għal Malta. Meta wieħed iħares lejn it-trasport barra mill-UE, l-ogħla sehem ġie rreġistrat mis-Slovenja (40 %) filwaqt li l-inqas wieħed ġie rreġistrat minn Malta (8 %). Is-sehem tat-trasport nazzjonali kien ogħla mis-sehem tat-trasport barra mill-UE għall-Italja (22 %), l-Iżvezja (20 %) u Spanja (17 %) biss.

Illustrazzjoni 3: Trasport tal-passiġġieri bl-ajru skont it-tip ta’ trasport, 2017
(miljun passiġġier ittrasportat)
Sors: Eurostat (avia_paoc)

L-ajruport ta' London Heathrow kien l-aktar ajruport traffikuż fl-UE f’termini ta’ passiġġieri li ġew ittrasportati fl-2017, b'78 miljun passiġġier li waslu jew telqu (Illustrazzjoni 4). L-ajruport ta’ Heathrow baqa’ dejjem l-aktar ajruport traffikuż fl-UE sa mill-bidu tas-serje ta' żmien fl-1993. Dan kien segwit — kemxejn 'il bogħod — mill-ajruport ta’ Charles de Gaulle ta’ Pariġi (69 miljun), mill-ajruport ta’ Schiphol ta’ Amsterdam (68 miljun) u mill-ajruport ta’ Frankfurt (64 miljun). Dawn l-istess ajruporti ilhom l-akbar erba’ ajruporti fl-UE mill-2011, meta Amsterdam Schiphol tela' mill-ħames għar-raba’ post.

Il-maġġoranza l-kbira tal-passiġġieri li kienu qed jivvjaġġaw minn dawn l-erba’ ajruporti l-aktar traffikużi kienu qed jivvjaġġaw fuq titjiriet internazzjonali; l-aktar sehem baxx fosthom ġie rreġistrat għall-ajruport ta’ Frankfurt (88.7 %), sakemm intlaħaq 100.0 % fl-ajruport ta' Amsterdam Schiphol. Għall-kuntrarju, it-titjiriet nazzjonali ammontaw għal 28.3 % tat-52 miljun passiġġier li ġew ittrasportati mill-ħames ajruport tal-UE l-aktar traffikuż tal-passiġġieri fl-2017, jiġifieri l-Adolfo Suárez Madrid-Barajas. Kien hemm ukoll proporzjonijiet relattivament għoljin ta’ passiġġieri fuq titjiriet nazzjonali lejn u minn Paris Orly (44.3 %), Roma Fiumicino (28.1 %) u l-ajruport ta’ Barċellona (27.1 %).

Illustrazzjoni 4: L-aqwa 15-il ajruport fl-EU-28, 2017
(miljun passiġġier ittrasportati)
Sors: Eurostat (avia_paoa)

Il-Mappa 1 tippreżenta xi elementi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru barra l-UE. B’żieda ta’ 38 % bejn l-2016 u l-2017, ir-“Repubbliki Asjatiċi tal-eks-USSR" huma r-reġjun sieħeb tad-dinja bl-ogħla żieda fit-trasport tal-passiġġieri fl-UE. L-ogħla tnaqqis u li għadu għaddej irreġistrat fl-Awstralja – 4.1 % jista' jkun parzjalment marbut maż-żieda fil-Lvant Qarib u Nofsani (+9.8 %) – peress li aktar passiġġieri qed jaqbdu titjira indiretta lejn l-Awstralja u jbiddlu ajruplan fl-ajruporti tal-Lvant Qarib u Nofsani. L-Afrika ta’ Fuq irreġistrat ukoll żieda importanti wara diversi snin ta’ tnaqqis +19.5 %.

Mappa 1: Trasport ta’ passiġġieri bl-ajru barra l-EU-28, EU-28, 2017
Sors: Eurostat (avia_paexcc)

Passiġġieri marittimi

Fir-rigward tat-trasport marittimu, l-għadd totali ta’ passiġġieri li fl-2017 imbarkaw u żbarkaw f’portijiet tal-UE huwa stmat għal kważi 415-il miljun, żieda ta’ 4.6 % mis-sena ta’ qabel (Illustrazzjoni 5). Għall-kuntrarju tal-movimenti tal-oġġetti, fejn bejn wieħed u ieħor 60 % tal-oġġetti jinħattu u 40 % jitgħabbew fil-portijiet tal-UE, id-differenza bejn l-għadd ta’ passiġġieri li jiżbarkaw (“id-dħul”) u li jimbarkaw (“il-ħruġ”) fil-portijiet tal-UE ġeneralment tkun żgħira. Dan jirrifletti l-fatt li t-trasport tal-passiġġieri bil-baħar fl-Ewropa jsir prinċipalment minn servizzi tal-laneċ nazzjonali jew fl-UE u li l-istess passiġġieri jingħaddu darbtejn fl-istatistika tal-flussi tal-port (darba meta jimbarkaw il-lanċa f’port wieħed tal-UE u darba meta jiżbarkaw l-istess lanċa f’port ieħor tal-UE).

Illustrazzjoni 5: Passiġġieri bil-baħar imbarkati u żbarkati fil-portijiet kollha, EU-28, 2002-2017
(miljun)
Sors: Eurostat (mar_mp_aa_cph)

Fil-portijiet Taljani u Griegi għaddew rispettivament, kważi 74 miljun u 70 miljun passiġġier bil-baħar, jiġifieri sehem ikkombinat ta’ 35 % tal-għadd totali ta’ passiġġieri li imbarkaw u żbarkaw fil-portijiet tal-UE fl-2017. B’hekk, l-Italja u l-Greċja baqgħu l-pajjiżi ewlenin f’termini ta’ trasport tal-passiġġieri bil-baħar fl-UE. Meta mqabbel mal-2016, iż-żewġ pajjiżi rreġistraw żidiet sostanzjali fl-għadd ta’ passiġġieri li imbarkaw u li żbarkaw (+9.8 % u +7.3%, rispettivament). Warajhom insibu d-Danimarka bi kważi 43 miljun passiġġier li imbarkaw u żbarkaw fl-2017, żieda ta’ 3.1 % mill-2016.

Meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, fl-2017 l-akbar żidiet relattivi fit-trasport tal-passiġġieri bil-baħar ġew irreġistrati mil-Latvja (+37.5 %), mis-Slovenja (+33.0 %), mir-Rumanija (+25.0 % minn bażi baxxa), minn Ċipru (+22.8 %), mill-Belġju (+13.7 %) u mill-Iżlanda (+68.4 %). B’kuntrast ma' dan, ħames pajjiżi biss irrapportaw tnaqqis fl-2017 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-akbar tnaqqis relattiv ġie rreġistrat fil-Bulgarija (-28.0 % minn bażi baxxa).

Tabella 2: Passiġġieri bil-baħar imbarkati u żbarkati fil-portijiet kollha, 2014-2017
(elf)
Sors: Eurostat (mar_mp_aa) u (mar_mp_aa_cphd)

Għalkemm il-passiġġieri tal-kruċiera kienu jammontaw biss għal 3.4 % tal-għadd totali ta’ passiġġieri li imbarkaw u żbarkaw f’portijiet tal-UE fl-2017, dawn il-passiġġieri għandhom rwol importanti fil-portijiet u fil-pajjiżi fejn it-traffiku tal-kruċieri jkun ikkonċentrat. Kważi 80 % tal-għadd totali ta’ passiġġieri tal-kruċieri li imbarkaw u żbarkaw f’portijiet Ewropej fl-2017 għamlu dan fil-portijiet ta’ wieħed minn dawn l-erba’ pajjiżi, jiġifieri l-Italja, Spanja, il-Ġermanja u r-Renju Unit. Il-passiġġieri tal-kruċieri li jagħmlu eskursjonijiet ta’ ġurnata fil-portijiet tal-UE mhumiex inklużi f’dawn iċ-ċifri.

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

Il-maġġoranza tal-istatistika tat-trasport intern tal-passiġġieri hija bbażata fuq movimenti ta’ vetturi f’kull wieħed mill-pajjiżi li qed jirrapportaw, irrispettivament min-nazzjonalità tal-vettura jew tal-bastiment involut (il-“prinċipju ta’ territorjalità”). Għal din ir-raġuni, il-miżura ta’ kilometri tal-passiġġieri (pkm, li tirrappreżenta passiġġier wieħed li jivvjaġġa distanza ta’ kilometru) ġeneralment titqies bħala miżura aktar affidabbli, peress li l-għadd ta’ passiġġieri jinvolvi riskju akbar ta’ għadd doppju, b’mod partikolari għat-trasport internazzjonali. Il-metodoloġija użata fl-Istati Membri tal-UE għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq mhijiex armonizzata.

Il-qasma modali tat-trasport intern tal-passiġġieri tiddistingwi t-trasport li jitwettaq permezz ta’ karozza tal-passiġġieri, ta’ kowċ awtopropulsiv, ta’ karozza tal-linja, ta’ trolley bus u ta’ ferrovija; ġeneralment din tikkonċerna movimenti fit-territorju nazzjonali, irrispettivament min-nazzjonalità tal-vettura. Il-qasma modali tat-trasport tal-passiġġieri hija ddefinita bħala s-sehem ta’ kull mezz ta' trasport (f’perċentwal) u hija bbażata fuq data espressa f’kilometri tal-passiġġieri. Għall-finijiet ta’ dan l-artiklu, l-aggregat għat-trasport intern tal-passiġġieri jeskludi s-servizzi domestiċi tat-trasport bl-ajru u bl-ilma (trasport intern bl-ajru u marittimu).

Il-livell tat-trasport intern tal-passiġġieri (f’kilometri tal-passiġġieri) jista’ jiġi espress ukoll skont il-PDG; f’dan l-artiklu, l-indikatur huwa ppreżentat abbażi tal-PDG bi prezzijiet kostanti għas-sena ta’ referenza 2005. Dan l-indikatur jipprovdi informazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn id-domanda tal-passiġġieri u d-daqs tal-ekonomija u jippermetti l-monitoraġġ tal-iżvilupp tad-domanda għat-trasport tal-passiġġieri meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku.

Passiġġieri tal-ferroviji

Passiġġier tal-ferrovija huwa kull persuna, minbarra l-membri tal-ekwipaġġ tal-ferrovija, li jagħmel vjaġġ bil-ferrovija. Id-data dwar il-passiġġieri tal-ferrovija mhijiex rilevanti għal Malta u Ċipru (jew l-Iżlanda) minħabba li dawn il-pajjiżi m’għandhomx ferroviji. L-istatistika annwali dwar il-passiġġieri għat-trasport bil-ferrovija nazzjonali u internazzjonali ġeneralment tkopri biss intrapriżi akbar tat-trasport bil-ferrovija, għalkemm xi pajjiżi jużaw rappurtar dettaljat għall-operaturi ferrovjarji kollha.

Passiġġieri bl-ajru

L-istatistika tat-trasport bl-ajru tikkonċerna t-trasport nazzjonali u internazzjonali, kif imkejjel bl-għadd ta’ passiġġieri li jiġu ttrasportati; tinġabar informazzjoni għall-wasliet u t-tluq. Il-passiġġieri bl-ajru li jiġu ttrasportati għandhom x’jaqsmu mal-passiġġieri kollha fuq titjira partikolari, li jingħaddu darba biss u mhux b’mod ripetut ff'kull stadju individwali ta’ dik it-titjira. Il-passiġġieri bl-ajru jinkludu l-passiġġieri kollha li jħallsu u li ma jħallsux, li l-vjaġġi tagħhom jibdew jew jintemmu fl-ajruport li jkun qed jirrapporta, kif ukoll il-passiġġieri fi tranżitu li jingħaqdu jew iħallu titjira fl-ajruport li jkun qed jirrapporta; huma esklużi l-passiġġieri fi tranżitu dirett. L-istatistika tat-trasport bl-ajru tinġabar kull xahar, kull tliet xhur u kull sena, għalkemm din tal-aħħar biss hija ppreżentata f’dan l-artiklu. L-istatistika dwar il-passiġġieri tat-trasport bl-ajru tinkludi wkoll l-għadd ta’ titjiriet kummerċjali tal-passiġġieri, kif ukoll informazzjoni dwar rotot individwali u l-għadd ta’ sits disponibbli. Id-data annwali hija disponibbli għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE mill-2003 ’il quddiem.

Passiġġieri marittimi

Id-data dwar it-trasport marittimu hija disponibbli b’mod ġenerali mill-2001 ’il quddiem, għalkemm xi Stati Membri tal-UE ilhom jipprovdu data sa mill-1997. L-istatistika dwar it-trasport marittimu ma tintbagħatx miċ-Ċekja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja, peress li dawn huma pajjiżi mingħajr kostau li m’għandhomx traffiku marittimu; l-istess japplika għal-Liechtenstein u l-Iżvizzera.

Passiġġier bil-baħar huwa ddefinit bħala kwalunkwe persuna li tivvjaġġa bil-baħar fuq vapur tal-merkanzija; il-persunal tas-servizzi ma jitqiesx bħala passiġġieri, l-istess bħall-membri tal-ekwipaġġ li jinsabu abbord, li ma jkunux qed jaħdmu u ma jħallsu l-ebda noll. It-trabi li jinżammu f’idejn il-ġenituri huma esklużi wkoll. Jista' jkun hemm għadd doppju meta l-port tal-imbarkar u l-port tal-iżbarkar jirrappurtaw data; dan huwa pjuttost komuni għat-trasport marittimu tal-passiġġieri, li ġeneralment huwa attività ta’ distanza relattivament qasira.

Kuntest

Il-politika tat-trasport tal-UE għandha l-għan li tiżgura li l-passiġġieri jibbenefikaw mill-istess standards bażiċi ta’ trattament kull fejn jivvjaġġaw fl-UE. Il-passiġġieri diġà għandhom firxa ta’ drittijiet li jkopru oqsma diversi bħal: informazzjoni dwar il-vjaġġ tagħhom; riżervazzjonijiet u prezzijiet tal-biljetti; ħsarat lill-bagalji tagħhom; dewmien u kanċellazzjonijiet; jew diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom f’vaganzi kollox kompriż. B’dan il-mod, l-UE għandha liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi differenti tat-trasport:

  • Ir-Regolament 261/2004 li jistabbilixxi "regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet"; f’Marzu tal-2013 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet reviżjoni ta’ dan ir-Regolament (COM(2013) 130 final) bil-għan li jiġu ċċarati partijiet mhux ċari, li jiġu introdotti drittijiet ġodda (pereżempju rigward l-iskedar mill-ġdid), li tissaħħaħ is-sorveljanza tat-trasportaturi bl-ajru, u li jiġu bbilanċjati l-piżijiet finanzjarji;
  • Ir-Regolament 1371/2007 dwar "id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji";
  • Ir-Regolament 181/2011 li jistabbilixxi "id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ";
  • Ir-Regolament 1177/2010 li jistabbilixxi "id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni".

Ġew żviluppati wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa jiġu pprovduti b’faċilitajiet meħtieġa u ma jiġux imċaħħda minn trasport b’mod inġust.

F’Diċembru tal-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat "Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport" (KUMM(2011) 898 finali). Din irrikonoxxiet ix-xogħol li sar sabiex jiġu introdotti miżuri ta’ protezzjoni tal-passiġġieri għall-mezzi kollha ta’ trasport iżda tinnota li sett sħiħ ta’ drittijiet mhuwiex implimentat kompletament. Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tikkonsolida l-ħidma eżistenti, u li tersaq lejn applikazzjoni aktar koerenti, effettiva u armonizzata tad-drittijiet flimkien ma’ fehim aħjar bejn il-passiġġieri.

F’Marzu tal-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat White Paper, il-"Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti", (KUMM(2011) 144 finali). Din l-istrateġija komprensiva fiha pjan direzzjonali ta’ 40 inizjattiva speċifika biex tinbena sistema kompetittiva tat-trasport tul perjodu ta’ 10 snin li għandha l-għan li żżid il-mobilità, tneħħi ostakoli ewlenin f’oqsma ewlenin u żżid it-tkabbir u l-impjiegi.

Aktar dettalji dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-inizjattivi tal-politika tat-trasport huma pprovduti f’artiklu introduttorju dwar it-trasport fl-UE.

Aċċess dirett għal

Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Viżwalizzazzjonijiet




Transport, volume and modal split (t_tran_hv)
Volume of passenger transport relative to GDP (tsdtr240)
Modal split of passenger transport (tsdtr210)
Railway transport (t_rail)
Rail transport of passengers (ttr00015)
Air transport (t_avia)
Air transport of passengers (ttr00012)
Multimodal data (tran)
Transport, volume and modal split (tran_hv)
Volume of passenger transport relative to GDP (tran_hv_pstra)
Modal split of passenger transport (tran_hv_psmod)
Railway transport (rail)
Railway transport measurement - passengers (rail_pa)
Road transport (road)
Road transport measurement - passengers (road_pa)
Maritime transport (mar)
Maritime transport - passengers - detailed annual and quarterly results (mar_pa)
Air transport (avia)
Air transport measurement - passengers (avia_pa)

Manwali ta’ referenza

Noti metodoloġiċi

Fajls ta’ metadata ESMS