Statistics Explained

Archive:Statistika dwar il-prezzijiet tal-elettriku

Revision as of 10:58, 24 January 2020 by EXT-A-Redpath (talk | contribs)


Data estratta f’Novembru 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artikolu: Jannar 2021.

Highlights

Il-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi fl-UE huma l-ogħla fil-Ġermanja (EUR 0.31 kull kWh) u l-aktar baxxi fil-Bulgarija (EUR 0.10 kull kWh) matul l-ewwel nofs tal-2019.

Il-prezzijiet tal-elettriku għal dawk li mhumiex unitajiet domestiċi fl-UE, l-ogħla fl-Italja (EUR 0.17 kull kWh) u l-aktar baxxi fid-Danimarka (EUR 0.07 kull kWh) matul l-ewwel nofs tal-2019.

[[File:Electricity price statistics-FP2019-interactive-MT.XLSX]]

Il-prezzijiet tal-elettriku (inkluż it-taxxi) għall-konsumaturi domestiċi, l-ewwel nofs tal-2019

Dan l-artiklu jagħti ħarsa lejn l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta’ unitajiet domestiċi, kif ukoll għall-konsumaturi mhux ta’ unitajiet domestiċi fl-Unjoni Ewropea (UE). Jinkludi wkoll data dwar prezzijiet mill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo [1], il-Moldova, l-Ukrajna u l-Georġia.

Il-prezz tal-enerġija fl-UE jiddependi fuq firxa ta’ kundizzjonijiet differenti ta’ provvista u domanda, inkluż is-sitwazzjoni ġeopolitika, it-taħlita enerġetika nazzjonali, id-diversifikazzjoni tal-importazzjoni, il-kostijiet tan-netwerk, il-kostijiet tal-protezzjoni tal-ambjent, il-kundizzjonijiet tat-temp severi, jew il-livelli tas-sisa u t-tassazzjoni. Ta’ min jinnota li l-prezzijiet ippreżentati f’dan l-artiklu jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT għall-konsumaturi ta’ unitajiet domestiċi, iżda jeskludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT rimborsabbli għall-konsumaturi mhux ta’ unitajiet domestiċi.

Full article

Prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta’ unitajiet domestiċi

L-ogħla prezzijiet tal-elettriku fil-Ġermanja u fid-Danimarka

It-Tabella 1 tippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-prezzijiet tal-elettriku medji f’euro kull kilowatt-siegħa (EUR kull kWh) għall-aħħar tliet snin (l-ewwel nofs ta’ kull sena sabiex jiġi evitat l-effett staġunali).

Tabella 1: Prezzijiet tal-elettriku 2017-2019 (L-ewwel semestri)
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204) u (nrg_pc_205)

Għall-konsumaturi ta’ unitajiet domestiċi (għall-iskop ta’ dan l-artiklu definiti bħala konsumaturi ta’ daqs medju b’konsum annwali fil-medda ta’ 2 500 kWh < consumption < 5 000 kWh), il-prezzijiet tal-elettriku tul l-ewwel nofs tal-2019 fost l-Istati Membri tal-UE, kienu l-ogħla fil-Ġermanja (EUR 0.3088 kull kWh), fid-Danimarka (EUR 0.2984 kull kWh) u fil-Belġju (EUR 0.2839 kull kWh); ara l-Illustrazzjoni 1. L-aktar prezzijiet tal-elettriku baxxi kienu fil-Bulgarija (EUR 0.0997 kull kWh), fl-Ungerija (EUR 0.1120 kull kWh) u fil-Litwanja (EUR 0.1255 kull kWh). Il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi ta’ unitajiet domestiċi fil-Ġermanja kien kważi aktar minn tliet darbiet ogħla mill-prezz fil-Bulgarija.

Illustrazzjoni 1: Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta’ unitajiet domestiċi, fl-ewwel nofs tal-2019
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

Il-prezz medju tal-EU-28 fl-ewwel semestru tal-2019 — medja ponderata bl-użu tal-aktar data reċenti (2017) għall-kwantità ta’ konsum tal-elettriku mill-unitajiet domestiċi — kien ta’ EUR 0.2159 kull kWh.

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi fl-EU-28 mill-ewwel nofs tal-2008 huwa ppreżentat fl-Illustrazzjoni 2. Il-prezz tal-enerġija, il-provvista u n-netwerk (prezzijiet mingħajr taxxi) baqgħu stabbli matul l-aħħar deċennju. Niżel minn EUR 0.1149 kull kWh fl-ewwel nofs tal-2008 għal EUR 0.1411 kull kWh fit-tieni nofs tal-2014 u issa jammonta għal EUR 0.1356 kull kWh. Madankollu, il-piż tat-taxxi żdied kostantement minn 27 % fl-2008 għal 37 % fl-2019.

Illustrazzjoni 2: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, l-EU-28 u ż-Żona tal-Euro, 2008-2019
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)


Il-ponderazzjoni tat-taxxi u l-levies tvarja ħafna bejn l-Istati Membri

L-Illustrazzjoni 3 turi l-proporzjon tat-taxxi u l-levies fil-prezz bl-imnut kumplessiv tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi. L-ammont relattiv ta’ kontribuzzjoni tat-taxxa fl-ewwel nofs tal-2019 kien l-iżgħar f’Malta (5.9 %) fejn hi applikata rata baxxa tal-VAT għall-prezz bażiku u l-ebda taxxa oħra mhi ddebitata lill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi. L-ogħla taxxi kienu debitati fid-Danimarka fejn 63.7 % tal-prezz finali kien taxxi u levies.

Illustrazzjoni 3: Is-sehem tat-taxxi u l-levies imħallas mill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, fl-ewwel nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

L-akbar tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku fid-Danimarka, fil-Portugall u fil-Polonja

L-Illustrazzjoni 4 turi l-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi inklużi t-taxxi kollha u l-VAT f’termini tal-munita nazzjonali bejn l-ewwel nofs tal-2018 u l-ewwel nofs tal-2019; dawn il-prezzijiet waqgħu matul il-perjodu kopert f’erba’ Stati Membri tal-UE. L-ogħla żieda fil-prezz ġiet osservata fin-Netherlands (20.3 %), filwaqt li l-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi waqa’ notevolment fid-Danimarka (-4.3 %).

Illustrazzjoni 4: Il-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, l-istess semestru, l-ewwel nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

Prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta’ unitajiet domestiċi

Il-prezzijiet tal-elettriku l-ogħla fl-Italja u Ċipru

Għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi (għall-iskop ta’ dan l-artiklu definiti bħala konsumaturi ta’ daqs medju b’konsum annwali fil-medda ta’ 500 MWh < consumption < 2 000 MWh), il-prezzijiet tal-elettriku tul l-ewwel nofs tal-2019 fost l-Istati Membri tal-UE kienu l-ogħla fl-Italja u f’Ċipru (ara l-Illustrazzjoni 5). Il-prezz medju tal-EU-28 fl-ewwel semestru tal-2019 — medja ponderata bl-użu tal-aktar data nazzjonali reċenti (2017) għall-kwantità ta’ konsum mill-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi — kien ta’ EUR 0.1251 kull kWh.

Illustrazzjoni 5: Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, l-ewwel nofs tal-2019
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi fl-EU-28 mill-ewwel nofs tal-2008 jidher fl-Illustrazzjoni 6. Il-prezz tal-enerġija, il-provvista u n-netwerk (prezzijiet eskluż taxxi) l-ewwel żdied, minn EUR 0.0846 kull kWh fl-ewwel nofs tal-2008 għal EUR 0.0959 kull kWh fl-ewwel nofs tal-2012 u issa qiegħed EUR 0.0875 kull kWh. Madankollu, il-piż tat-taxxi żdied kostantement minn 13 % fl-2008 għal 30 % fl-2019.

Illustrazzjoni 6: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, l-EU-28 u ż-Żona tal-Euro, 2008-2019
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

Proporzjon ta’ taxxi u levies irrekuperabbli fil-prezzijiet tal-elettriku

L-Illustrazzjoni 7 turi l-proporzjon ta’ taxxi u levies irrekuperabbli fil-prezz kumplessiv tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi. Fl-ewwel nofs tal-2019, l-ogħla sehem ta’ taxxi kien debitat fil-Ġermanja, fejn it-taxxi u l-levies irrekuperabbli jirrappreżentaw 45.1 % tal-prezz totali.

Illustrazzjoni 7: Is-sehem tat-taxxi u l-levies irrekuperabbli mħallas mill-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, l-ewwel nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi

L-Illustrazzjoni 8 turi l-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, inklużi t-taxxi u l-levies kollha irrekuperabbli f’termini tal-munita nazzjonali bejn l-ewwel nofs tal-2018 u l-ewwel nofs tal-2019; dawn il-prezzijiet waqgħu tul dan il-perjodu fi Stati Membru wieħed tal-UE, bi 12.2 % fid-Danimarka. L-ogħla żieda fil-prezz ġiet osservata fir-Rumanija (19.2 %), filwaqt li l-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi waqa’ bi 12.2 % fid-Danimarka.

Illustrazzjoni 8: Il-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, l-istess semestru, l-ewwel nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Id-definizzjoni ta’ konsumaturi ta' unitajiet domestiċi

Tul dan l-artiklu, ir-referenzi għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi huma marbutin mal-faxxa tal-konsum standard medja ta’ unità domestika b’konsum tal-elettriku annwali bejn 2 500 u 5 000 kWh. Iċ-ċifri kollha huma prezzijiet bl-imnut tal-konsumatur u jinkludu t-taxxi, l-levies u l-VAT.

Ta’ min jinnota li l-paragun bejn il-prezzijiet tal-2018 u l-2019 isir ma’ prezzijiet f’muniti nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-influwenza tal-bidliet fir-rati tal-kambju bejn il-muniti nazzjonali u l-euro għall-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi li mhumiex membri u li ma jużawx l-euro.

Id-definizzjoni ta’ konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi

Tul dan l-artiklu, ir-referenzi għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi huma marbutin mal-faxxa tal-konsum standard medja ta’ unitajiet mhux domestiċi b’konsum tal-elettriku annwali bejn 500 u 2 000 MWh. F’dan l-artiklu, il-prezzijiet ippreżentati jikkorrispondu għall-prezz bażiku għall-produzzjoni tal-elettriku u l-kostijiet tan-netwerk, inklużi t-taxxi u l-levies li irrekuperabbli kollha.

Metodoloġija

Minħabba bidla fil-metodoloġija mill-2007 ’il quddiem, hemm intervall fis-serje u għalhekk hija disponibbli biss serje kronoloġika relattivament qasira. Madankollu, anki f’dan il-perjodu ta’ żmien relattivament qasir, il-prezzijiet tal-elettriku ffluttwaw konsiderevolment.

Fl-2016, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2016/1952 li jiddefinixxi l-obbligu tal-ġbir u d-disseminazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi u għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi. Sa Jannar 2017, id-data dwar il-prezzijiet għas-settur tal-unitajiet domestiċi kienet tingħata mill-awtoritajiet ta’ rapportar fuq bażi volontarja. Sal-2016, id-dominju tal-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi kien definit bħala konsumaturi industrijali, iżda l-awtoritajiet ta’ rapportar setgħu jinkludu konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi oħrajn. Bl-introduzzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1952, id-definizzjoni nbidlet minn konsumaturi industrijali għal konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi sabiex ikun hemm metodoloġija unika għall-pajjiżi ta’ rapportar kollha.

It-tariffi jew l-iskemi tal-prezzijiet tal-elettriku jvarjaw minn fornitur għal ieħor. Dawn jistgħu jirriżultaw minn kuntratti nnegozjati, speċjalment għal konsumaturi kbar mhux ta' unitajiet domestiċi. Għall-konsumaturi iżgħar, ġeneralment jiġu stabbiliti skont l-ammont ta’ elettriku kkonsmat flimkien ma’ għadd ta’ karatteristiċi oħrajn; ħafna mit-tariffi jinkludu wkoll xi forma ta’ imposta fissa. Għaldaqstant, ma jeżistix prezz uniku għall-elettriku. Sabiex jiġu mqabbla l-prezzijiet tul iż-żmien u bejn l-Istati Membri tal-UE, dan l-artiklu juri l-informazzjoni għall-faxex ta’ konsum għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi u għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi. B’kollox jeżistu ħames tipi differenti ta’ unitajiet domestiċi li għalihom jinġabru l-prezzijiet tal-elettriku li jsegwu faxex ta’ konsum annwali differenti. Fost il-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, il-prezzijiet tal-elettriku jinġabru għal total ta’ seba’ tipi differenti ta’ utenti.

Il-prezzijiet miġburin ikopru prezzijiet medji tul perjodu ta’ sitt xhur (nofs sena jew semestru) minn Jannar sa Ġunju (l-ewwel nofs jew semestru 1) u minn Lulju sa Diċembru (it-tieni nofs jew semestru 2) ta’ kull sena. Il-prezzijiet jinkludu l-prezz bażiku tal-elettriku, l-addebiti tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, il-kiri tal-arloġġ u servizzi oħrajn. Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi preżentati jinkludu t-taxxi, il-levies, il-levies mhux ta’ taxxa, it-tariffi u l-VAT billi dan ġeneralment jirrifletti l-prezz finali mħallas mill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi. Minħabba li l-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi ġeneralment ikunu jistgħu jirkupraw il-VAT u xi taxxi oħrajn, il-prezzijiet għall-intrapriżi jidhru mingħajr il-VAT u taxxi/levies/tariffi oħrajn. L-unità għall-prezzijiet tal-elettriku hija dik ta’ euro kull kilowatt-siegħa (EUR kull kWh).

Kuntest

Il-prezz u l-affidabbiltà tal-provvisti tal-enerġija, b’mod partikolari l-elettriku, huma elementi prinċipali fl-istrateġija tal-provvista tal-enerġija ta’ pajjiż. Il-prezzijiet tal-elettriku huma ta’ importanza partikolari għall-kompetittività internazzjonali, minħabba li l-elettriku ġeneralment jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tal-kostijiet tal-enerġija totali għal negozji industrijali u fornituri ta’ servizzi. B’kuntrast mal-prezz tal-fjuwils fossili, li ġeneralment jiġu nnegozjati fi swieq globali bi prezzijiet relattivament uniformi, fl-Istati Membri tal-UE hemm firxa wiesgħa ta’ prezzijiet tal-elettriku. Sa ċertu punt, il-prezz tal-elettriku huwa influwenzat mill-prezz tal-fjuwils primarji u, reċentement, mill-kost taċ-ċertifikati tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2).

Dawn il-kwistjonijiet issemmew f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Niffaċċjaw l-isfida ta’ prezzijiet taż-żejt aktar għoljin (KUMM(2008) 384), li tappella lill-UE sabiex issir aktar effiċjenti fl-użu enerġetiku tagħha u anqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili — partikolarment billi ssegwi l-approċċ stabbilit fil-pakkett dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli.

L-UE ilha taħdem fuq il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-gass mit-tieni nofs tad-disgħinijiet. Id-Direttivi adottati fl-2003 stabbilixxew regoli komuni għas-swieq interni għall-elettriku u l-gass naturali. Ġew stabbiliti skadenzi għall-ftuħ tas-swieq u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-fornitur tagħhom: mill-1 ta’ Lulju 2004 għall-klijenti tan-negozju u mill-1 ta’ Lulju 2007 għall-konsumaturi kollha (inkluż unitajiet domestiċi). Xi Stati Membri tal-UE antiċipaw il-proċess ta’ liberalizzazzjoni, filwaqt li oħrajn damu ħafna iktar biex adottaw il-miżuri neċessarji. Tabilħaqq, f’ħafna swieq tal-elettriku u tal-gass naturali għadhom jeżistu ostakoli sinifikanti għad-dħul fis-suq, kif jidher mill-għadd ta’ swieq li għadhom iddominati minn (kważi) monopolju tal-fornituri. F’Lulju 2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw it-tielet pakkett ta’ proposti leġiżlattivi bl-għan li jiġu żgurati l-għażla reali u effettiva ta’ fornituri, kif ukoll benefiċċji għall-klijenti. Huwa mifhum li iktar trasparenza fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku għandha tgħin fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta, billi tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jagħżlu bejn sorsi tal-enerġija differenti (żejt, faħam, gass naturali u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli) u fornituri differenti. It-trasparenza fil-prezz tal-enerġija tista’ tkun aktar effettiva permezz tal-pubblikazzjoni u tax-xandir fuq livell kemm jista’ jkun wiesa’ tal-prezzijiet u tas-sistemi tal-ipprezzar.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations





Energy Statistics - prices (t_nrg_price)
Electricity prices by type of user (ten00117)


Energy Statistics - prices of natural gas and electricity (nrg_price)
Energy statistics - natural gas and electricity prices (mill-2007) (nrg_pc)
Energy statistics - natural gas and electricity prices (sal-2007) (nrg_pc_h)


<notes>

Noti

  1. ; Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo

<notes>