Archive:Statistika dwar il-migrazzjoni u dwar il-popolazzjoni tal-migranti
Data estratta f’Marzu 2019.
Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ġunju 2020.
Highlights
Immigranti, 2017
Dan l-artiklu jippreżenta l-istatistika tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar (il-flussi) ta’ migrazzjoni internazzjonali, in-numru ta’ ċittadini nazzjonali u ta’ nazzjonalità oħra fil-popolazzjoni (“stokkijiet”) u d-data relatata mal-kisba taċ-ċittadinanza. Il-migrazzjoni tiġi influwenzata minn taħlita ta’ fatturi ekonomiċi, ambjentali, politiċi u soċjali: fil-pajjiż tal-oriġini ta’ migrant (fatturi ta’ spinta) jew fil-pajjiż tad-destinazzjoni (fatturi ta’ attrazzjoni). Storikament, il-prosperità ekonomika u l-istabbiltà politika relattivi tal-UE huma maħsuba li kellhom effett ta’ attrazzjoni konsiderevoli fuq l-immigranti.
Fil-pajjiżi tad-destinazzjoni, il-migrazzjoni internazzjonali tista’ tintuża bħala għodda sabiex jissolvew in-nuqqasijiet speċifiċi fis-suq tax-xogħol. Madankollu, huwa kważi ċert li l-migrazzjoni waħedha mhijiex ser treġġa’ lura x-xejra li għaddejja bħalissa tat-tixjiħ tal-popolazzjoni li qed jiġi esperjenzat f’ħafna partijiet tal-UE.
Full article
Flussi tal-migrazzjoni: Fl-2017, l-immigrazzjoni fl-UE minn pajjiżi mhux membri kienet ta’ 2.4 miljun
B’kollox, kien hemm 4.4 miljun persuna li emigraw lejn wieħed mill-Istati Membri tal-EU-28 matul l-2017, filwaqt li mill-inqas 3.1 miljun emigrant kienu rrapportati li telqu minn Stat Membru tal-UE. Madankollu, dawn iċ-ċifri totali ma jirrappreżentawx il-flussi tal-migrazzjoni lejn/minn l-UE kollha kemm hi, minħabba li jinkludu wkoll il-flussi bejn Stati Membri differenti tal-UE.
Matul l-2017, fost dawn l-4.4 miljun immigrant, kien hemm madwar 2.0 miljun ċittadin ta’ pajjiżi mhux tal-UE, 1.3 miljun persuna b’ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE differenti minn dik tal-pajjiż li emigraw lejh, madwar 1.0 miljun persuna li emigraw lejn Stat Membru tal-UE li kellhom iċ-ċittadinanza tiegħu (pereżempju, ċittadini nazzjonali li jirritornaw jew ċittadini nazzjonali mwielda barra mill-pajjiż), u madwar 11-il elf persuna mingħajr Stat.
Il-Ġermanja: l-akbar numru ta’ immigranti u emigranti
Il-Ġermanja rrapportat l-akbar numru totali ta’ immigranti (917.1 elf) fl-2017, segwita mir-Renju Unit (644.2 elf), Spanja (532.1 elf), Franza (370.0 elf) u l-Italja (343.4 elf). Il-Ġermanja rrapportat ukoll l-akbar numru ta’ emigranti fl-2017 (560.7 elef), segwita minn Spanja (368.9 elef), ir-Renju Unit (359.7 elef), Franza (312.6 elef), ir-Rumanija (242.2 elf) u l-Polonja (218.5 elef). B’kollox, 22 mill-Istati Membri tal-UE rrapportaw aktar immigrazzjoni minn emigrazzjoni fl-2017, iżda fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fir-Rumanija, in-numru ta’ emigranti qabeż in-numru ta’ immigranti.
B’mod relattiv għad-daqs tal-popolazzjoni residenti, Malta rreġistrat l-ogħla rati ta’ immigrazzjoni fl-2017 (46 immigrant għal kull 1 000 persuna), segwita mil-Lussemburgu (41 immigrant għal kull 1 000 persuna) — ara l-Figura 1. Għall-emigrazzjoni, l-ogħla rati fl-2017 ġew irrapportati għal-Lussemburgu (23 emigrant għal kull 1 000 persuna), għal Ċipru (18-il emigrant għal kull 1 000 persuna), għal-Litwanja (17-il emigrant għal kull 1 000 persuna) u għal Malta (15-il emigrant għal kull 1 000 persuna).
L-ogħla sehem ta’ immigranti nazzjonali għar-Rumanija, l-aktar baxx għal-Lussemburgu
Fl-2017, is-sehem relattiv ta’ immigranti nazzjonali (immigranti biċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-UE li lejh kienu qegħdin jemigraw) minn fost in-numru totali ta’ immigranti kien l-ogħla fir-Rumanija (82 % tal-immigranti kollha), fil-Polonja (63 %), fis-Slovakkja (60 %), fil-Portugall (55 %), fil-Bulgarija (51 %) u fil-Kroazja (51 %). Dawn kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE fejn l-immigrazzjoni nazzjonali kkontribwiet għal aktar minn nofs in-numru totali ta’ immigranti — ara l-Figura 2. B’kuntrast ma’ dan, fil-Lussemburgu, l-immigrazzjoni nazzjonali kienet tirrappreżenta mhux aktar minn 5 % tal-immigrazzjoni totali tal-pajjiż fl-2017.
L-informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza ħafna drabi ntużat sabiex jiġu studjati l-immigranti bi sfond barrani. Madankollu, minħabba li ċ-ċittadinanza tista’ tinbidel matul il-ħajja ta’ persuna, huwa utli wkoll li tiġi analizzata l-informazzjoni skont il-pajjiż tat-twelid. Is-sehem relattiv ta’ immigranti mwielda fil-pajjiż minn fost in-numru totali ta’ immigranti kien l-ogħla fir-Rumanija (54 % tal-immigranti kollha), segwita mill-Bulgarija (49 %) u mill-Estonja (44 %). B’kuntrast ma’ dan, il-Lussemburgu rrapporta ishma relattivament baxxi ta’ immigranti mwielda fil-pajjiż, inqas minn 5 % tal-immigrazzjoni kollha fl-2017.
Residenza preċedenti: Fl-2017, kien hemm 2.4 miljun immigrant li daħlu fl-UE
Fl-2017, kien hemm madwar 2.4 miljun immigrant li daħlu fl-EU-28 minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, 1.9 miljun persuna li qabel kienu jgħixu fi Stat Membru tal-UE partikolari emigraw lejn Stat Membru ieħor.
Analiżi skont ir-residenza preċedenti tiżvela li l-Lussemburgu rrapporta l-akbar sehem ta’ immigranti li kienu ġejjin minn Stat Membru tal-UE ieħor (94 % tan-numru totali tal-immigranti tiegħu fl-2017), segwit mis-Slovakkja (79 %) u mir-Rumanija (69 %); ġew irrapportati ishma relattivament baxxi mill-Italja (22 % tal-immigranti kollha), kif ukoll mis-Slovenja, mill-Iżvezja u minn Spanja (kollha bi 28 %) — ara t-Tabella 3.
Fir-rigward tad-distribuzzjoni skont il-ġeneru tal-immigranti fl-Istati Membri tal-UE fl-2017, kien hemm kemxejn aktar irġiel milli nisa (54 % imqabbla ma’ 46 %). L-Istat Membru li rrapporta l-ogħla sehem ta’ immigranti rġiel kien il-Litwanja (70 %); b’kuntrast ma’ dan, l-ogħla sehem ta’ immigranti nisa kien irrapportat fl-Irlanda (53 %).
Nofs l-immigranti kellhom 28 sena
Bħala medja, l-immigranti li daħlu fl-Istati Membri tal-UE fl-2017 kienu ħafna iżgħar mill-popolazzjoni totali diġà residenti fil-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom. Fl-1 ta’ Jannar 2018, l-età medjana tal-popolazzjoni totali tal-EU-28 kienet ta’ 43.1 sena, filwaqt li dik tal-immigranti lejn l-EU-28 fl-2017 kienet ta’ 28.3 snin.
Il-popolazzjoni tal-migranti: 22.3 miljun ċittadin mhux tal-UE li kienu qegħdin jgħixu fl-UE fl-1 ta’ Jannar 2018
In-numru ta’ persuni li kienu qegħdin jgħixu fi Stat Membru tal-UE b’ċittadinanza ta’ pajjiż li mhuwiex membru fl-1 ta’ Jannar 2018 kien 22.3 miljun, li jirrappreżentaw 4.4 % tal-popolazzjoni tal-EU-28. Barra minn hekk, fl-1 ta’ Jannar 2018 kien hemm 17.6 miljun persuna li kienu qegħdin jgħixu f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE biċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor tal-UE.
F’termini assoluti, l-akbar numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra li kienu qegħdin jgħixu fl-Istati Membri tal-UE fl-1 ta’ Jannar 2018 kien fil-Ġermanja (9.7 miljun persuna), fir-Renju Unit (6.3 miljun), fl-Italja (5.1 miljun), fi Franza (4.7 miljun) u fi Spanja (4.6 miljun). Il-persuni ta’ nazzjonalità oħra f’dawn il-ħames Stati Membri flimkien irrappreżentaw 76 % tan-numru totali ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra li jgħixu fl-Istati Membri tal-UE kollha, filwaqt li l-istess ħames Stati Membri kellhom sehem ta’ 63 % tal-popolazzjoni tal-EU-28.
Popolazzjoni barranija magħmula minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri
Fl-1 ta’ Jannar 2018, il-Belġju, l-Irlanda, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE fejn il-persuni ta’ nazzjonalità oħra kienu primarjament ċittadini ta’ Stat Membru ieħor. Dan ifisser li f’ħafna mill-Istati Membri tal-UE, il-maġġoranza tal-persuni ta’ nazzjonalità oħra kienu ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE (ara t-Tabella 5). Fil-każ tal-Latvja u l-Estonja, il-proporzjon ta’ ċittadini minn pajjiżi mhux membri huwa partikolarment għoli minħabba n-numru kbir ta’ persuni mhux ċittadini rikonoxxuti (prinċipalment ċittadini ta’ dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, li huma residenti b’mod permanenti f’dawn il-pajjiżi, iżda li ma kisbu l-ebda ċittadinanza oħra).
L-ogħla sehem ta’ popolazzjoni barranija kien fil-Lussemburgu, l-aktar baxx fir-Rumanija
F’termini relattivi, l-Istat Membru tal-UE bl-ogħla sehem ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra kien il-Lussemburgu, hekk kif il-persuni ta’ nazzjonalità oħra kienu jikkostitwixxu 48 % tal-popolazzjoni totali tiegħu. Ġie osservat ukoll proporzjon għoli ta’ ċittadini barranin (10 % jew aktar tal-popolazzjoni residenti) f’Ċipru, fl-Awstrija, fl-Estonja, f’Malta, fil-Latvja, fil-Belġju, fl-Irlanda u fil-Ġermanja. B’kuntrast ma’ dan, il-persuni ta’ nazzjonalità oħra kienu jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-popolazzjoni fil-Polonja u fir-Rumanija (0.6 % fiż-żewġ pajjiżi) u fil-Litwanja (0.9 %).
Fir-rigward tal-pajjiż tat-twelid, fl-1 ta’ Jannar 2018, kien hemm 38.2 miljun persuna mwielda barra mill-EU-28 li kienu qegħdin jgħixu fi Stat Membru tal-UE, filwaqt li kien hemm 21.8 miljun persuna mwielda fi Stat Membru tal-UE differenti minn dak li kienu residenti fih. Kien biss fl-Irlanda, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, f’Malta u fis-Slovakkja li n-numru ta’ persuni mwielda fi Stati Membri tal-UE oħrajn kien ogħla min-numru ta’ dawk imwielda barra mill-EU-28.
It-Tabella 6 tippreżenta sommarju tal-ħames gruppi ewlenin ta’ ċittadini barranin u popolazzjonijiet imwielda barra l-pajjiż għall-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA (soġġett għad-disponibbiltà tad-data).
Iċ-ċittadini Rumeni, Pollakki, Taljani, Portugiżi u Brittaniċi kienu l-akbar ħames gruppi ta’ ċittadini tal-UE li kienu qegħdin jgħixu fi Stati Membri tal-UE oħrajn fl-2018 (Ara l-Figura 6).
Iċ-ċittadini barranin huma iżgħar miċ-ċittadini nazzjonali
Analiżi tal-istruttura tal-età tal-popolazzjoni turi li, għall-EU-28 kollha kemm hi, il-popolazzjoni barranija kienet iżgħar mill-popolazzjoni nazzjonali. Meta mqabbla maċ-ċittadini tal-pajjiż, id-distribuzzjoni skont l-età tal-barranin turi proporzjon akbar ta’ persuni adulti relattivament żgħażagħ fl-età tax-xogħol. Fl-1 ta’ Jannar 2018, l-età medjana tal-popolazzjoni nazzjonali fl-EU-28 kienet ta’ 44 sena, filwaqt li l-età medjana ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra li jgħixu fl-UE kienet ta’ 36 sena.
Il-kisba taċ-ċittadinanza: Fl-2017, l-Istati Membri tal-UE taw iċ-ċittadinanza lil 825 elf persuna
Iċ-ċittadinanzi miksuba naqsu bi 17 % fl-2017
In-numru ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE fl-2017 kien ta’ 825.4 elef, li jikkorrespondi għal tnaqqis ta’ 17 % meta mqabbel mal-2016. L-Italja kellha l-akbar numru ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza fl-2017, jiġifieri 146.6 elef (jew 18 % tat-total tal-EU-28). L-ogħla livelli ta’ kisba taċ-ċittadinanza segwenti kienu fir-Renju Unit (123.1 elf), fil-Ġermanja (115.4 elef), fi Franza (114.3 elef) u fl-Iżvezja (68.9 elef).
F’termini assoluti, l-ogħla żidiet, meta mqabbla mal-2016, kienu osservati fl-Iżvezja, hekk kif kien hemm 7 600 residenti aktar li ngħataw iċ-ċittadinanza Żvediża, segwita mill-Belġju (5 500). B’kuntrast ma’ dan, l-ogħla tnaqqis f’termini assoluti kien osservat fi Spanja (kien hemm 84 400 persuna inqas li ngħataw iċ-ċittadinanza Spanjola, meta mqabbel mal-2016), segwita mill-Italja (55 000) u mir-Renju Unit (26 300).
Fl-2017 kien hemm madwar 673.0 elf ċittadin ta’ pajjiżi mhux membri li kienu qegħdin jirrisjedu fi Stat Membru tal-UE li kisbu ċ-ċittadinanza tal-UE, li jikkorrispondu għal tnaqqis ta’ 22 % meta mqabbel mal-2016. Bħala tali, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri kienu jikkostitwixxu 82 % tal-persuni kollha li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE fl-2017. Dawn iċ-ċittadini ġodda tal-EU-28 kienu prinċipalment mill-Afrika (27 % tan-numru totali ta’ ċittadinanzi miksuba), mill-Ewropa barra mill-EU-28 (21 %), mill-Asja (21 %), kif ukoll mill-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel (11 %). Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE ieħor kienu jammontaw għal 137.8 elf persuna, biex b’hekk kienu jikkostitwixxu 17 % tat-total. F’termini assoluti, il-gruppi ewlenin ta’ ċittadini tal-EU-28 li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE ieħor kienu r-Rumeni li saru ċittadini tal-Italja (8.0 elf persuna) jew tal-Ġermanja (4.3 elf persuna), il-Pollakki li saru ċittadini tar-Renju Unit (7.1 elf persuna) jew tal-Ġermanja (6.3 elf persuna), il-Brittaniċi li saru ċittadini tal-Ġermanja (6.9 elf persuna) jew ta’ Franza (1.7 elf persuna), it-Taljani li saru ċittadini tal-Ġermanja (4.2 elf persuna) jew tar-Renju Unit (3.5 elf persuna).
Il-maġġoranza taċ-ċittadinanzi ġodda fil-Lussemburgu u fl-Ungerija ngħataw lil ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-UE . Fil-każ tal-Lussemburgu, iċ-ċittadini Portugiżi kienu jikkostitwixxu l-akbar sehem, segwiti miċ-ċittadini Franċiżi, Brittaniċi, Taljani, u Belġjani, filwaqt li fil-każ tal-Ungerija, iċ-ċittadini tal-UE li kisbu ċ-ċittadinanza kienu kważi esklussivament Rumeni.
Bħal fis-snin preċedenti, l-akbar grupp ta’ ċittadini ġodda fl-Istati Membri tal-UE fl-2017 kienu ċittadini tal-Marokk (67.9 elf, li jikkorrispondu għal 8.2 % taċ-ċittadinanzi kollha mogħtija), segwiti minn ċittadini tal-Albanija (58.9 elf, jew 7.1 %), Indjani (31.6 elf, jew 3.8 %), Torok (29.9 elf, jew 3.6 %) u Pakistani (23.1 elf, jew 2.8 %). Meta mqabbel mal-2016, in-numru ta’ ċittadini Marokkini li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE naqas bi 33 %. L-akbar ishma ta’ Marokkini kisbu ċ-ċittadinanza ġdida tagħhom fl-Italja (33 %), fi Spanja (25 %) jew Franza (25 %), filwaqt li l-maġġoranza tal-Albaniżi ngħataw ċittadinanza Griega (51 %) jew ċittadinanza Taljana (46 %). Il-maġġoranza tal-Indjani (52 %) ngħataw ċittadinanza Brittanika, madwar nofs it-Torok ingħataw ċittadinanza Ġermaniża (50 %) u kważi nofs il-Pakistani ngħataw ċittadinanza Brittanika (45 %).
L-ogħla rati ta’ naturalizzazzjoni fl-Iżvezja u fir-Rumanija
Indikatur wieħed li jintuża b’mod komuni huwa r-“rata ta’ naturalizzazzjoni”, definita hawnhekk bħala l-proporzjon bejn in-numru totali taċ-ċittadinanzi mogħtija u l-istokk ta’ residenti ta’ nazzjonalità oħra fil-bidu ta’ dik l-istess sena. L-Istat Membru tal-UE bl-ogħla rata ta’ naturalizzazzjoni fl-2017 kien l-Iżvezja (8.2 kisbiet għal kull 100 resident ta’ nazzjonalità oħra), segwita mir-Rumanija u mill-Finlandja (b’5.9 u 5.0 kisbiet għal kull 100 resident ta’ nazzjonalità oħra, rispettivament).
Datatas-sors għat-tabelli u l-graffs
Sorsi ta’ data
L-emigrazzjoni hija partikolarment diffiċli sabiex titkejjel. Huwa aktar diffiċli li jinżamm rendikont tan-nies li jitilqu minn pajjiż milli ta’ dawk li jaslu, minħabba li, għal migrant(a), ħafna drabi jkun ħafna aktar importanti li jinteraġixxi/tinteraġixxi dwar il-migrazzjoni tiegħu/tagħha mal-awtoritajiet tal-pajjiż riċeventi milli ma’ dawk tal-pajjiż minn fejn jitlaq/titlaq. Analiżi li tqabbel id-data tal-2017 dwar l-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni mill-Istati Membri tal-UE (statistika riflessiva) kkonfermat li dan kien minnu għal ħafna pajjiżi — u b’riżultat ta’ dan, dan l-artiklu jiffoka fuq id-data dwar l-immigrazzjoni.
L-Eurostat jipproduċi statistika dwar firxa ta’ kwistjonijiet relatati mal-flussi ta’ migrazzjoni internazzjonali, l-istokkijiet tal-popolazzjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra u l-kisba taċ-ċittadinanza. Id-data tinġabar fuq bażi annwali u tiġi pprovduta lill-Eurostat mill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE.
Sorsi Legali
Mill-2008, il-ġbir ta’ data dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali kienet ibbażata fuq ir-Regolament 862/2007 u l-analiżi u l-kompożizzjoni tal-UE, tal-EFTA u tal-gruppi ta’ pajjiżi kandidati mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ referenza jinsabu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 351/2010. Dan jiddefinixxi sett prinċipali ta’ statistika dwar il-flussi tal-migrazzjoni internazzjonali, l-istokkijiet tal-popolazzjoni ta’ persuni barranin, il-kisba taċ-ċittadinanza, il-permessi ta’ residenza, l-asil u miżuri kontra d-dħul u s-soġġorn illegali. Għalkemm l-Istati Membri tal-UE jistgħu jkomplu jużaw kwalunkwe sors ta’ data xieraq skont id-disponibbiltà u l-prattika nazzjonali, l-istatistika miġbura skont ir-Regolament trid tkun ibbażata fuq definizzjonijiet u kunċetti komuni. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jibbażaw l-istatistika tagħhom fuq sorsi ta’ data amministrattiva bħal reġistri tal-popolazzjoni, reġistri tal-barranin, reġistri tal-permessi ta’ residenza jew tax-xogħol, reġistri tal-assigurazzjoni tas-saħħa u reġistri tat-taxxa. Xi pajjiżi jużaw statistika riflessiva, stħarriġ ta’ kampjuni jew metodi ta’ stima sabiex jipproduċu statistika dwar il-migrazzjoni. L-implimentazzjoni tar-Regolament mistennija twassal għal aktar disponibbiltà u komparabbiltà tal-istatistika dwar il-migrazzjoni.
Kif iddikjarat fl-Artikolu 2.1(a), (b), (c) tar-Regolament 862/2007, l-immigranti li jkunu ilhom jirrisjedu (jew li jkunu mistennija jirrisjedu) fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE għal perjodu ta’ mill-inqas 12-il xahar jiġu enumerati, l-istess bħall-emigranti li jkunu ilhom jgħixu barra mill-pajjiż għal aktar minn 12-il xahar. Għalhekk, id-data miġbura mill-Eurostat tikkonċerna l-migrazzjoni għal perjodu ta’ 12-il xahar jew aktar: għalhekk, il-migranti jinkludu persuni li jkunu emigraw għal perjodu ta’ sena jew aktar, kif ukoll persuni li jkunu emigraw fuq bażi permanenti. Id-data dwar il-kisba taċ-ċittadinanza tinġabar mill-Eurostat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.1.(d) tar-Regolament 862/2007, li jiddikjara li: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numru ta’ (…) persuni li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru u li kisbu, matul il-perjodu ta’ referenza, iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru (...) imqassma skont (...) iċ-ċittadinanza preċedenti tal-persuni kkonċernati u skont jekk il-persuna kinitx preċedentement mingħajr Stat”.
Definizzjonijiet
Età: Fir-rigward tad-definizzjonijiet tal-età għall-flussi tal-migrazzjoni, jekk jogħġbok innota li d-data tal-2017 tikkonċerna l-età tar-rispondent milħuqa jew l-età tar-rispondent fi tmiem is-sena ta’ referenza għall-Istati Membri tal-UE kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, il-Greċja, l-Awstrija, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Renju Unit (fejn id-data tikkonċerna l-età tar-rispondent ikkompletata jew l-età fl-aħħar għeluq sninu). Fir-rigward tad-definizzjonijiet tal-età għall-kisba taċ-ċittadinanza, jekk jogħġbok innota li d-data tal-2017 tikkonċerna l-età tar-rispondent milħuqa jew l-età tar-rispondent fi tmiem is-sena ta’ referenza għall-Istati Membri tal-UE kollha bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Awstrija, il-Litwanja, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Renju Unit (fejn id-data tikkonċerna l-età tar-rispondent ikkompletata jew l-età fl-aħħar għeluq sninu).
L-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA skont l-inklużjoni/l-esklużjoni tal-applikanti għall-asil u tar-refuġjati fid-data dwar il-popolazzjoni rrapportata lill-Eurostat fil-qafas tas-Sena ta’ Referenza tal-2017 għall-ġbir tad-data Demografika Unifikata
Il-popolazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2018 | Inkluża | Eskluża |
---|---|---|
Applikanti għall-asil li jkunu residenti abitwali għal mill-inqas 12-il xahar | fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands, fl-Awstrija, fil-Portugall, fir-Renju Unit, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera | fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fil-Kroazja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja, fl-Iżvezja, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein |
Refuġjati li jkunu residenti abitwali għal mill-inqas 12-il xahar | fil-Belġju, fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fil-Kroazja, fl-Italja, f’Ċipru, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, f’Malta, fin-Netherlands, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja, fl-Iżvezja, fir-Renju Unit, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera |
Nota: In-Norveġja (L-applikanti għall-asil u r-refuġjati mingħajr permess ta’ residenza mhumiex inklużi)
L-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA skont l-inklużjoni/l-esklużjoni tal-applikanti għall-asil u r-refuġjati fid-data dwar il-migrazzjoni rrapportata lill-Eurostat fil-qafas tas-Sena ta’ Referenza tal-2017 għall-ġbir tad-data Demografika Unifikata
Il-migrazzjoni għall-2017 | Inklużi | Esklużi |
---|---|---|
Applikanti għall-asil li jkunu residenti abitwali għal mill-inqas 12-il xahar | fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands, fl-Awstrija, fil-Portugall, fir-Renju Unit, fl-Iżvizzera, fin-Norveġja | fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fl-Irlanda, fil-Kroazja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja, fl-Iżvezja, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein |
Refuġjati li jkunu residenti abitwali għal mill-inqas 12-il xahar | fil-Belġju, fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fil-Kroazja, fl-Italja, f’Ċipru, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, f’Malta, fin-Netherlands, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja, fl-Iżvezja, fir-Renju Unit, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera |
Nota: In-Norveġja (L-applikanti għall-asil u r-refuġjati mingħajr permess ta’ residenza mhumiex inklużi); L-Irlanda (Ir-refuġjati li ma jgħixux f’unità domestika privata mhumiex inklużi)
Refuġjat: It-terminu ma jirreferix biss għall-persuni li jingħataw status ta’ refuġjat (kif definit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95/KE skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967), iżda tirreferi wkoll għall-persuni li jingħataw protezzjoni sussidjarja (kif definita fl-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2011/95/KE) u l-persuni koperti minn deċiżjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni għas-soġġorn għal raġunijiet umanitarji skont il-liġi nazzjonali li tikkonċerna l-protezzjoni internazzjonali.
Applikant għall-asil: L-applikazzjonijiet għall-asil għall-ewwel darba huma speċifiċi għall-pajjiż u ma jimplikaw l-ebda limitu ta’ żmien. Għalhekk, applikant għall-asil jista’ japplika għall-ewwel darba f’pajjiż partikolari u għal darba oħra wara dan bħala applikant għall-ewwel darba fi kwalunkwe pajjiż ieħor. Jekk applikant għall-asil iressaq applikazzjoni għal darba oħra fl-istess pajjiż wara kwalunkwe perjodu ta’ żmien, dan ma jerġax jitqies bħala applikant għall-ewwel darba.
Rata ta’ naturalizzazzjoni: It-terminu “rata ta’ naturalizzazzjoni” għandu jintuża b’attenzjoni minħabba li n-numeratur jinkludi l-modi kollha ta’ kisba u mhux biss in-naturalizzazzjonijiet tal-barranin li jirrisjedu b’mod eliġibbli u d-denominatur jinkludi l-barranin kollha, minflok il-barranin li huma eliġibbli għan-naturalizzazzjoni.
Kuntest
Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE għandhom il-libertà li jivvjaġġjaw u l-libertà ta’ moviment bejn il-fruntieri interni tal-UE. Il-politiki dwar il-migrazzjoni fl-UE fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi qed jikkonċernaw dejjem aktar l-attrazzjoni ta’ profil partikolari ta’ migranti, ħafna drabi f’tentattiv sabiex jiġu indirizzati nuqqasijiet ta’ ħiliet speċifiċi. L-għażla tista’ ssir abbażi tal-ħiliet lingwistiċi, l-esperjenza tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-età. Inkella, l-impjegaturi jistgħu jagħmlu l-għażla b’mod li l-migranti diġà jkollhom impjieg mal-wasla tagħhom.
Minbarra l-politiki maħsuba sabiex jinkoraġġixxu r-reklutaġġ tal-ħaddiema, il-politika dwar l-immigrazzjoni ħafna drabi tkun iffokata fuq żewġ oqsma: il-prevenzjoni tal-migrazzjoni mhux awtorizzata u l-impjieg illegali tal-migranti li ma jkollhomx permess sabiex jaħdmu, kif ukoll il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetà. Ġew immobilizzati riżorsi sinifikanti għall-ġlieda kontra n-netwerks tat-traffikar u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-persuni fl-UE.
Fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni huwa responsabbli mill-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni. Fl-2005, il-Kummissjoni Ewropea reġgħet nediet id-dibattitu dwar il-ħtieġa għal ġabra komuni ta’ regoli għall-ammissjoni ta’ migranti ekonomiċi bi Green paper dwar approċċ tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika (COM(2004) 811 final) li wassal għall-adozzjoni ta’ pjan ta’ politika dwar il-migrazzjoni legali (COM(2005) 669 final) fl-aħħar tal-2005. F’Lulju 2006, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet ta’ politika fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (COM(2006) 402 final), li għandha l-għan li toħloq bilanċ bejn is-sigurtà u d-drittijiet bażiċi tal-individwi matul l-istadji kollha tal-proċess tal-immigrazzjoni illegali. F’Settembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat it-tielet rapport annwali tagħha dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni (COM(2007) 512 final). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata f’Ottubru 2008 enfasizzat l-importanza tat-tisħiħ tal-approċċ globali għall-migrazzjoni: iż-żieda tal-koordinazzjoni, tal-koerenza u tas-sinerġiji (COM(2008) 611 final) bħala aspett tal-politika esterna u ta’ żvilupp. Il-programm ta’ Stokkolma, adottat mill-kapijiet tal-Istat u tal-gvern tal-UE f’Diċembru 2009, jistabbilixxi qafas u sensiela ta’ prinċipji għall-iżvilupp kontinwu tal-politiki Ewropej dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni għall-perjodu mill-2010 sal-2014; il-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni jifformaw parti ċentrali minn dan il-programm. Sabiex tintroduċi l-bidliet miftiehma, il-Kummissjoni Ewropea ppromulgat pjan ta’ azzjoni li jimplimenta l-programm ta’ Stokkolma – il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa (COM(2010) 171 final) fl-2010.
F’Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat "Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE għall-2013" (COM(2013) 269 final). Ir-rapport wera li ċ-ċittadinanza tal-UE ġġib magħha drittijiet u opportunitajiet ġodda. Il-moviment u l-għajxien liberu fl-UE huwa d-dritt assoċjat l-aktar mill-qrib maċ-ċittadinanza tal-UE. Meta wieħed iqis it-teknoloġija moderna u l-fatt li issa huwa aktar faċli li persuna tivvjaġġa, il-libertà tal-moviment tippermetti lill-Ewropej iwessgħu l-orizzonti tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, iħallu pajjiżhom għal perjodi iqsar jew itwal, jiċċaqilqu bejn pajjiżi tal-UE sabiex jaħdmu, jistudjaw u jitħarrġu, sabiex jivvjaġġaw għan-negozju jew għad-divertiment, jew sabiex jixtru bejn il-fruntieri. Il-moviment liberu potenzjalment iżid l-interazzjonijiet soċjali u kulturali fl-UE u joħloq rabtiet aktar mill-qrib bejn iċ-ċittadini tal-UE. Barra minn hekk, dan jista’ jiġġenera benefiċċji ekonomiċi reċiproċi għan-negozji u għall-konsumaturi, inklużi dawk li jibqgħu d-dar, hekk kif l-ostakli interni jitneħħew b’mod stabbli.
Fit-13 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat European Agenda on Migration (COM(2015) 240 final) li tiddeskrivi l-miżuri immedjati li jeħtieġ jittieħdu sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ kriżi fil-Mediterran, kif ukoll il-passi li jeħtieġ jittieħdu fis-snin li ġejjin sabiex il-migrazzjoni tiġi ġestita aħjar fl-aspetti kollha tagħha.
Ir-rapport annwali dwar l-immigrazzjoni u l-asil (2016) annual report on immigration and asylum tan-netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni European migration network kien ippubblikat f’April 2017. Dan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi legali u politiċi ewlenin li qed iseħħu madwar l-UE kollha u fil-pajjiżi parteċipanti. Dan huwa dokument komprensiv u jkopri l-aspetti kollha tal-migrazzjoni u l-politika dwar l-asil mid-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni u l-aġenziji tal-UE.
Fil-15 ta’ Novembru 2017, [l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni aġġornata http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/european-agenda-migration/index_en.htm] iffokat fuq il-kriżi tar-refuġjati, politika komuni dwar il-viżi u ż-żona Schengen. Il-kwistjonijiet kienu jinkludu r-risistemazzjonijiet u r-rilokazzjonijiet, l-appoġġ finanzjarju għall-Greċja u l-Italja, u l-faċilitajiet għar-refuġjati. L-għanijiet kienu jinkludu l-fatt li r-refuġjati jkunu jistgħu jaslu fl-Ewropa permezz ta’ mogħdijiet legali u sikuri, sabiex jiġi żgurat li r-responsabbiltà tar-rilokazzjoni tiġi kondiviża b’mod ġust bejn l-Istati Membri, kif ukoll li l-migranti jiġu integrati fil-livelli lokali u reġjonali.
Fl-24 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ftit skedi informattivi li jenfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni u tal-effiċjenza. L-iżvilupp ta’ ċentri kkontrollati fit-territorji tal-UE għandu jkun ibbażat fuq approċċ ta’ sforzi kondiviżi mal-Istati Membri. Il-kunċett ta’ pjattaformi ta’ żbark reġjonali jara kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi rilevanti.
Fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni ppubblikat rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li jeżamina l-progress li sar u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Billi ffoka fuq kif it-tibdil fil-klima, id-demografija u l-fatturi ekonomiċi joħolqu raġunijiet ġodda li jħeġġu lin-nies sabiex jiċċaqilqu, huwa kkonferma li l-ixprunaturi wara l-pressjoni migratorja fuq l-Ewropa kienu strutturali, sabiex b’hekk jagħmluha aktar essenzjali li l-kwistjoni tiġi ttrattata b’mod effiċjenti u uniformi.
Uħud mill-aktar testi legali importanti adottati fil-qasam tal-immigrazzjoni jinkludu:
- L-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea Id-dritt tal-Unjoni dwar iċ-ċittadini tal-UE;
- L-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċittadini tal-UE;
- L-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontrolli fuq il-fruntiera, l-asil u l-immigrazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi;
- Id-Direttiva 2003/09/KE dwar il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza għal dawk li jfittxu l-asil;
- Id-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja;
- Id-Direttiva 2003/109/KE dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul;
- Id-Direttiva 2003/110/KE fuq l-għajnuna f’każijiet ta’ tranżitu għal raġunijiet ta’ tneħħija bl-ajru;
- Id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;
- Id-Direttiva 2004/81/KE dwar il-vittmi ta’ traffikar;
- Id-Direttiva 2004/82/KE dwar l-obbligu tat-trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri;
- Id-Direttiva 2004/83/KE dwar il-kwalifiki;
- Id-Direttiva 2004/114/KE dwar l-ammissjoni ta’ studenti;
- Id-Direttiva 2005/71/KE għall-iffaċilitar tal-ammissjoni ta’ riċerkaturi fl-UE;
- Id-Direttiva 2008/115/KE għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment;
- Id-Direttiva 2009/50/KE dwar l-ammissjoni ta’ migranti b’ħiliet għolja.
- Id-Direttiva 2009/52/KE dwar sanzjonijiet kontra min iħaddem;
- Id-Direttiva 2011/95/KE dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija;
- Id-Direttiva 2011/98/UE dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru;
- Id-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali;
- Id-Direttiva 2013/33/UE dwar l-istandards għall-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali;
- Id-Direttiva 2014/36/UE dwar il-ħaddiema staġjonali;
- Id-Direttiva 2014/54/UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema;
- Id-Direttiva 2014/66/UE dwar il-ħaddiema bi trasferiment intraazjendali;
- Id-Direttiva 2014/67/UE dwar l-istazzjonament tal-ħaddiema;
- Id-Direttiva 2016/801/UE dwar l-istudenti u r-riċerkaturi;
Dokumenti leġiżlattivi - l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
Materjal għall-istampa - [l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
Direct access to
- Acquisition of citizenship statistics (bl-Ingliż)
- Fertility statistics (bl-Ingliż)
- Migrant integration statistics introduced (bl-Ingliż)
- Population and population change statistics (bl-Ingliż)
- Population structure and ageing (bl-Ingliż)
- Residence permits - statistics on first permits issued during the year (bl-Ingliż)
- Statistika dwar l-ażil
- Fl-2016, l-Istati Membri tal-UE taw iċ-ċittadinanza lil kważi miljun persuna — Stqarrija għall-aħbarijiet 59/2018 (bl-Ingliż)
- Fl-2015, l-Istati Membri tal-UE taw iċ-ċittadinanza lil inqas persuni — Stqarrija għall-aħbarijiet 66/2017 (bl-Ingliż)
- Fl-2014, iċ-ċittadini barranin kienu jikkostitwixxu inqas minn 7 % tal-persuni li jgħixu fl-Istati Membri tal-UE — Stqarrija għall-aħbarijiet 230/2015 (bl-Ingliż)
- In-nies fl-UE: min aħna u kif ngħixu? — Kotba tal-istatistika, edizzjoni tal-2015 (bl-Ingliż)
- Fl-2013, l-Istati Membri tal-UE taw iċ-ċittadinanza lil kważi miljun persuna — Stqarrija għall-aħbarijiet 119/2015 (bl-Ingliż)
- Popolazzjoni (Demografija, Migrazzjoni u Projezzjonijiet) (bl-Ingliż), ara:
- Data dwar il-migrazzjoni u l-kisba taċ-ċittadinanza
- Migrazzjoni internazzjonali (t_migr_int)
- Popolazzjoni (t_demo_pop)
- Ksib ta' ċittadinanza (tps00024)
- [Popolazzjoni (Demografija, Migrazzjoni u Projezzjonijiet) (bl-Ingliż), ara:
- Data dwar il-migrazzjoni u l-popolazzjoni tal-migranti
- L-Immigrazzjoni (migr_immi)
- L-immigrazzjoni skont l-età u s-sess (migr_imm8)
- L-immigrazzjoni skont il-grupp tal-età ta’ ħames snin, is-sess, u ċ-ċittadinanza (migr_imm1ctz)
- L-immigrazzjoni skont il-grupp tal-età ta’ ħames snin, is-sess, u l-pajjiż ta' twelid (migr_imm3ctb)
- L-immigrazzjoni skont l-età, is-sess, u l-grupp wiesa’ ta’ ċittadinanza (migr_imm2ctz)
- L-immigrazzjoni skont l-età, is-sess u l-grupp wiesa' ta' pajjiż tat-twelid (migr_imm4ctb)
- L-immigrazzjoni skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp wiesa' ta' pajjiż tat-twelid (migr_imm6ctz)
- L-immigrazzjoni skont is-sess, il-pajjiż u l-grupp wiesa' ta' ċittadinanza (migr_imm7ctb)
- L-immigrazzjoni skont il-grupp tal-età ta' ħames snin, is-sess u l-pajjiż ta' residenza preċedenti (migr_imm5prv)
- L-immigrazzjoni skont il-grupp tal-età, is-sess u l-livell ta' żvilupp uman tal-pajjiż ta' ċittadinanza (migr_imm9ctz)
- L-immigrazzjoni skont il-grupp tal-età, is-sess u l-livell ta’ żvilupp uman tal-pajjiż tat-twelid (migr_imm10ctb)
- L-immigrazzjoni skont il-grupp tal-età, is-sess u l-livell ta’ żvilupp uman tal-pajjiż tat-twelid ta' residenza preċedenti (migr_imm11prv)
- L-emigrazzjoni (migr_emi)
- L-emigrazzjoni skont l-età u s-sess (migr_emi2)
- L-emigrazzjoni skont il-grupp tal-età ta' ħames snin, is-sess u ċ-ċittadinanza (migr_emi1ctz)
- L-emigrazzjoni skont il-grupp tal-età ta' ħames snin, is-sess u l-pajjiż tat-twelid (migr_emi4ctb)
- L-emigrazzjoni skont il-grupp tal-età ta' ħames snin, is-sess, u l-pajjiż tar-residenza tas-soltu li jmiss (migr_emi3nxt)
- Ksib u telf ta' ċittadinanza (migr_acqn)
- Ksib ta' ċittadinanza skont is-sess, il-grupp tal-età u ċ-ċittadinanza preċedenti (migr_acq)
- Residenti li kisbu ċ-ċittadinanza bħala sehem ta' residenti mhux ċittadini skont iċ-ċittadinanza preċedenti u s-sess (%) (migr_acqs)
- Ksib ta' ċittadinanza skont is-sess, il-grupp tal-età u l-livell ta' żvilupp uman taċ-ċittadinanza preċedenti (migr_acq1ctz)
- Telf taċ-ċittadinanza skont is-sess u ċittadinanza ġdida (migr_lct)
- Popolazzjoni (demo_pop)
- Popolazzjoni fl-1 ta’ Jannar skont l-età, is-sess u l-grupp wiesa’ ta’ ċittadinanza (migr_pop2ctz)
- Popolazzjoni fl-1 ta' Jannar skont il-grupp tal-età, is-sess u ċ-ċittadinanza (migr_pop1ctz)
- Popolazzjoni fl-1 ta' Jannar skont il-grupp tal-età, is-sess u l-pajjiż tat-twelid (migr_pop3ctb)
- Popolazzjoni fl-1 ta’ Jannar skont l-età, is-sess u l-grupp wiesa’ ta’ pajjiż tat-twelid (migr_pop4ctb)
- Popolazzjoni fl-1 ta’ Jannar skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp wiesa’ ta’ pajjiż tat-twelid (migr_pop5ctz)
- Popolazzjoni fl-1 ta’ Jannar skont is-sess, il-pajjiż tat-twelid u l-grupp wiesa’ ta’ ċittadinanza (migr_pop6ctb)
- Popolazzjoni fl-1 ta' Jannar skont il-grupp tal-età, is-sess u l-livell ta' żvilupp uman tal-pajjiż taċ-ċittadinanza (migr_pop7ctz)
- Popolazzjoni fl-1 ta' Jannar skont il-grupp tal-età, is-sess u l-livell ta' żvilupp uman tal-pajjiż tat-twelid (migr_pop8ctb)
- Ċittadini tal-UE u tal-EFTA li huma residenti abitwali f'pajjiż ieħor tal-UE/EFTA mill-1 ta' Jannar 2009 (migr_pop9ctz)
- L-Immigrazzjoni (migr_immi)
- Ksib u telf ta' ċittadinanza (fajl ta' metadata ta' ESMS — migr_acqn_esms) (bl-Ingliż)
- Popolazzojni (fajl ta' metadata ta' ESMS — demo_pop_esms) (bl-Ingliż)
- IStatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali (fajl ta' metadata ta' ESMS — migr_immi_esms) (bl-Ingliż)
- Iċ-Ċentru ta' Għarfien dwar il-Migrazzjoni u d-Demografija (bl-Ingliż)
- Il-Kummissjoni Ewropea — Il-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (bl-Ingliż)
- Dokumenti leġiżlattivi — L-Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni (bl-Ingliż)
- Materjali għall-istampa — Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni (bl-Ingliż)
- Frontex (bl-Ingliż)
- Il-Migrazzjoni irregolari u r-ritorn (bl-Ingliż)
- Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (bl-Ingliż)
- L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (bl-Ingliż)
- Il-Politika ta' ritorn (bl-Ingliż)
- Il-Migrazzjoni legali (bl-Ingliż)
- L-Osservatorju taċ-Ċittadinanza Globali (GLOBALCIT) (bl-Ingliż)
- Is-Sit Web Ewropew dwar l-Integrazzjoni (bl-Ingliż)
- OECD — Il-Migrazzjoni internazzjonali (feed) (bl-Ingliż)
- Il-proġett CLANDESTINO dwar il-migrazzjoni irregolari fl-UE (bl-Ingliż)
- Bridge-it (bl-Ingliż)
- Il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (bl-Ingliż)