This site has been archived on 03/11/2014
03/11/2014
L-UE tevita kriżi ta’ finanzjament għall-Erasmus

Mogħdija tan-navigazzjoni

L-UE tevita kriżi ta’ finanzjament għall-Erasmus

L-istudenti li qed igawdu mill-programm Erasmus bħalissa u dawk li biħsiebhom jagħmlu dan fil-futur jistgħu jserrħu rashom: l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew irnexxielhom jevitaw kriżi ta’ finanzjament li kienet qed thedded lil din l-iskema popolari ta’ skambju wara ftehim tal-aħħar minuta li ppermetta lill-UE tagħmel tajjeb għal ħofra li kien hemm fil-baġit tal-2012 u twarrab l-inċertezza dwar il-finanzjament għall-2013. B’riżultat ta’ dan il-ftehim, fis-sena akkademika 2013-2014 il-Kummissjoni se tkun f’pożizzjoni li tipprovdi madwar 280 000 għotja tal-Erasmus lill-istudenti.

Il-ftehim jevita wkoll li jkun hemm problemi fi skemi oħrajn ta’ skambju li jaqgħu taħt il-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (il-Leonardo għall-apprendisti, il-Comenius għall-iskejjel u l-Grundtvig għall-edukazzjoni tal-adulti), li jippermettu liż-żgħażagħ u lill-membri tal-persunal involvuti fit-tagħlim iwessgħu l-kompetenzi tagħhom u jtejbu l-prospetti tal-karriera tagħhom permezz tal-istudju jew tat-taħriġ f'pajjiż barrani. Barra minn hekk, ineħħi l-inċertezza dwar l-azzjonijiet Marie Curie, li jipprovdu sostenn għall-mobbiltà internazzjonali tar-riċerkaturi.

Ir-riżultat tan-negozjati ntlaqa’ tajjeb mill-Kummissarju Ewropea għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou. "Kuntenta ħafna li l-Istati Membri u l-membri parlamentari laħqu ftehim li jinkoraġġixxi bil-kbir lill-istudenti tal-Erasmus u lill-benefiċjarji l-oħrajn tal-programmi tagħna. Huwa sinjal pożittiv li juri li l-Ewropa hija impenjata li tinvesti fl-edukazzjoni u fil-kompetenzi."

Il-ftehim, li ġie approvat formalment illum mill-Parlament Ewropew wara li l-Istati Membri qablu fuqu l-ġimgħa l-oħra, iħassar ħofra ta’ EUR 180 miljun mill-baġit tal-2012 għall-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja; in-nuqqas ta’ flus li kien jolqot lill-Erasmus kien ta’ madwar EUR 90 miljun minn dan it-total.

Il-ftehim ifisser li l-Kummissjoni issa tista’ tgħaddi l-fondi neċessarji lill-aġenziji nazzjonali li huma responsabbli għat-tħaddim tal-Erasmus fl-Istati Membri. L-aġenziji mbagħad jirrilaxxaw il-fondi lill-benefiċjarji tal-programm, inklużi l-universitajiet u stabbilimenti oħrajn tal-edukazzjoni superjuri li jħallsu l-għotjiet ta’ kull xahar lill-istudenti.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu wkoll ftehim dwar il-baġit tal-UE għall-2013, li se jkun fih madwar EUR 500 miljun għall-Erasmus u EUR 1 015-il miljun għall-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja.

L-Erasmus jieħu aktar minn 40% tal-baġit tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja. Kważi 90% tal-baġit tal-Erasmus huwa investit fil-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal.


Sfond

Meta wieħed iqis il-programmi kollha tal-UE, il-baġit tal-2012 kellu ħofra ta’ EUR 9 biljuni. Bil-ftehim tal-lum, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jipprovdu finanzjament supplimentari ta’ EUR 6 biljun issa biex jagħmel tajjeb għall-ħtiġijiet l-aktar urġenti, filwaqt li l-bqija (EUR 2.9 biljun) jitħallsu fl-2013. Għall-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji, bħall-istudenti tal-Erasmus, ir-riċerkaturi u n-negozji, dan ifisser li dak kollu li kellu jitħallas fl-2012 se jitħallas fl-2012. Il-finanzjament li se jinżamm biex isir is-sena d-dieħla se jservi biex ikunu koperti l-proġetti li jaqgħu taħt il-fondi strutturali, b’mod partikulari dawk li l-pagamenti tagħhom jistgħu jiġu sospiżi.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu wkoll fuq baġit totali ta’ EUR 132.8 biljuni għall-2013. Din iċ-ċifra hija EUR 5 biljuni inqas minn kemm kienet ipproponiet il-Kummissjoni, li bħala bażi kienet użat stimi li ġabret mingħand is-27 Stat Membru nfushom. Il-Kummissjoni tibża’ li, kaġun tal-finanzjament żejjed li se jinżamm mill-2012, l-UE se tispiċċa b'ħofra oħra fil-baġit fil-ħarifa li ġejja.

Fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-baġit tal-2013 se jintefaq biex jingħata sostenn lill-iżvilupp ekonomiku u lill-kompetittività fl-Istati Membri (35.5% huma allokati għall-politika favur il-koeżjoni), kif ukoll lill-bdiewa (33.1% se jmorru għall-Politika Agrikola Komuni). Il-finanzjament għall-Erasmus jitla’ għal madwar 0.4% tat-total tal-baġit.


Aktar tagħrif

L-aħħar aġġornament: 24/11/2014 |  Fuq