breadcrumb.ecName

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: l-applikazzjonijiet għall-Premjijiet tal-2023 huma miftuħa

  • 06 December 2022
Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: l-applikazzjonijiet għall-Premjijiet tal-2023 huma miftuħa

Mil-lum, il-Kummissjoni qed tiftaħ l-applikazzjonijiet għall-Premjijiet tal-2023 tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.

Wara s-suċċess tal-aħħar żewġ edizzjonijiet, fejn irċevejna iktar minn 3,000 entrata mill-Istati Membri kollha tal-UE, il-kompetizzjoni tal-2023 se tippremja lil 15-il inizjattiva eżemplari b'rabta mas-sostenibbiltà, l-estetika u l-inklużività — it-tliet valuri fundamentali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, l-edizzjoni ta' din is-sena se jkollha qasam li jiffoka fuq l-edukazzjoni u l-apprendiment. Għall-ewwel darba, se nilqgħu wkoll applikazzjonijiet għal proġetti u kunċetti fil-Balkani tal-Punent. Bħas-sena l-oħra, se jkun hemm premjijiet speċifiċi għaż-żgħażagħ taħt it-30 sena. Is-sejħa hija miftuħa sal-31 ta' Jannar 2023 fis-7:00 ta' filgħaxija CET.

Il-Premjijiet tal-2023 se jippremjaw proġetti eżistenti kif ukoll kunċetti żviluppati minn talenti żgħażagħ, miġbura f'erba' kategoriji:

  • Il-konnessjoni mill-ġdid man-natura
  • Il-ksib mill-ġdid ta' sens ta' appartenenza
  • Il-prijoritizzazzjoni tal-postijiet u tan-nies li huma l-iktar fil-bżonn
  • Il-ħtieġa għal mentalità fit-tul li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja fl-ekosistema industrijali

F'kull kategorija, l-applikanti jistgħu jagħżlu bejn tliet oqsma paralleli ta' kompetizzjoni:

  • Qasam A: “Il-Promoturi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida”, għal proġetti eżistenti u għal proġetti li jkunu tlestew b'riżultati ċari u pożittivi.
  • Qasam B: “L-Istilel Promettenti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida”, għal kunċetti ppreżentati minn talenti żgħażagħ ta' 30 sena jew inqas. Il-kunċetti jistgħu jkunu fi stadji differenti ta' żvilupp, minn ideat bi pjan ċar sal-livell ta' prototip.
  • Qasam Ċ: “Il-Promoturi tal-Edukazzjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida”, għal inizjattivi li jiffokaw fuq l-edukazzjoni u l-apprendiment. Huma eliġibbli kemm il-proġetti li jkunu tlestew kif ukoll l-inizjattivi b'livell minimu ta' maturità.

Il-Premjijiet tal-2023 se jingħataw lil 15-il rebbieħ li se jirċievu premju fi flus sa €30,000, kif ukoll pakkett ta' komunikazzjoni biex jgħinhom jiżviluppaw u jippromwovu iktar il-proġetti u l-kunċetti tagħhom.

Kif tapplika

L-applikanti ta' kull nazzjonalità u minn kull sfond merħba bihom ukoll jekk il-kunċetti u l-proġetti tagħhom jiġu implimentati fl-UE jew fil-Balkani tal-Punent. Għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom permezz tas-sit web tal-premjijiet uffiċjali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.

Id-dettalji kollha rigward il-proċess tal-applikazzjoni huma inklużi fil-gwida għall-applikanti, li hija disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE u tal-Balkani tal-Punent.

Sfond

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida hija inizjattiva kreattiva u interdixxiplinari li tikkollega l-Patt Ekoloġiku Ewropew mal-ispazji tal-għajxien u mal-esperjenzi tagħna. L-inizjattiva tistieden lill-Ewropej kollha jimmaġinaw u jibnu futur sostenibbli u inklużiv flimkien li jkun sabiħ għal għajnejna, għal moħħna u għal ruħna.

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida li nediet il-President von der Leyen fid-diskors tagħha tal-Istat tal-Unjoni tal-2020 tfasslet b'mod konġunt ma' eluf ta' persuni u ta' organizzazzjonijiet minn madwar l-Ewropa u lil hinn.

Aktar informazzjoni