breadcrumb.ecName
mt Malti

Vamos Seguro jagħmel l-ajru aktar sigur

  • 09 May 2014

Proġett iffinanzjat mill-FEŻR li jissorvelja l-livelli ta’ rmied volkaniku bejn l-Italja u Malta qed jagħmel l-ajru fuq il-Baħar Mediterran ċentrali aktar sigur għall-ajruplani.

L-irmied vulkaniku fl-atmosfera jikkawża tniġġis, jaffettwa l-ekosistemi, is-saħħa tal-bniedem, il-klima u, fl-agħar każ, jista’ jikkawża l-waqfien tal-magni tal-ajruplani. Il-frak tas-silikat u l-gassijiet rilaxxati waqt l-eruzzjonijiet vulkaniċi jagħmlu ħsara lill-għelejjel u t-toroq ukoll.

Matul dawn l-aħħar żewġ deċennji, il-Muntanja Etna, fuq il-Gżira Taljana Sqallija, saret dejjem aktar attiva. Bħalissa din hija l-vulkan l-aktar attiv fl-Ewropa u, tabilħaqq, wieħed mill-aktar vulkani attivi fid-dinja. Matul l-eruzzjonijiet frekwenti tagħha, il-formazzjonijiet vulkaniċi jitilgħu bosta kilometri ‘l fuq mill-kratieri tal-quċċata u l-formazzjonijiet ta’ rmied vulkaniċi xi kultant jilħqu lil Malta, madwar 100 km fin-nofsinhar ta’ Sqallija.

Sabiex jiġu sorveljati u jiġu mbassra l-formazzjonijiet ta’ rmied vulkaniċi prodotti matul l-eruzzjonijiet tal-Etna, il-proġett transkonfinali bejn l-Italja u Malta wassal għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ kxif awtomatiku fuq il-gżejjer ta’ Sqallija u Malta.

Tagħmir ta’ teknoloġija avvanzata

Il-proġett VAMOS SEGURO ra l-installazzjoni ta’ strumenti ġodda ta’ kxif fil-faċilitajiet tal-osservatorju tal-Università ta’ Malta fuq il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex. Fi Sqallija, is-sistema innovattiva LIDAR sejra titħaddem minn żewġ siti: Montedoro fiċ-ċentru ta’ Sqallija u l-osservatorju Serra La Nave tal-Istituto Nazionale di Astrofisica f’Catania.

Din l-hekk imsejħa sistema ta’ kxif LIDAR tuża lejżer biex ikejjel id-distanzi billi tanalizza d-dawl rifless u hija kapaċi tieħu stima b’mod preċiż tal-għoli tal-kolonna u tipproduċi mappa tal-formazzjonijiet vulkaniċi.

Is-sistema ssib konċentrazzjonijiet perikolużi ta’ rmied vulkaniku fl-ajru bejn Sqallija u Malta u, flimkien mat-tbassir ta’ kif jinxterdu l-formazzjonijiet vulkaniċi, tista’ tintuża biex twissi l-linji tal-ajru u tinforma d-deċiżjonijiet dwar l-għeluq ta’ dawk iż-żoni lill-ajruplani.

“Il-proġett huwa utli ħafna għall-persuni li, matul l-eruzzjonijiet splussivi, jimxu sal-kratieri tal-quċċata biex josservaw l-ispettaklu spettakolari li l-Etna tipprovdi għaliex dawn b’hekk jistgħu jkunu jafu dwar it-tixrid prinċipali tal-formazzjoni vulkanika u, konsegwentement, fejn se jaqgħu l-lapilli u l-irmied. Barra minn hekk, id-dejta miksuba mill-proġett VAMOS SEGURO hija disponibbli għall-awtoritajiet ċivili u tal-avjazzjoni li, matul dawn l-eruzzjonijiet, ikollhom jieħdu deċiżjonijiet importanti għat-titjib tas-sikurezza tan-nies.”

Simona Scollo, koordinatriċi tal-proġett VAMOS SEGURO

Investiment totali u finanzjament tal-UE

Il-proġett “VAMOS SEGURO [Is-sorveljanza u t-tbassir tal-irmied vulkaniku bejn iż-żona ta’ Sqallija u Malta u l-kondiviżjoni ta’ riżultati għas-sikurezza tal-avjazzjoni]” kellu baġit totali ta’ EUR 837 884, li minnhom il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ikkontribwixxa EUR 498 499 mill-Programm Operattiv transkonfinali Italja-Malta għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2007 sal-2013.