Statistics Explained

Archive:Statistika dwar it-turiżmu

Revision as of 16:18, 24 July 2019 by EXT-A-Redpath (talk | contribs)


Data minn Diċembru 2018.

Aġġornament ippjanat tal-artikolu: Marzu 2020.

Highlights

Fl-2017, aktar minn nofs (58 %) l-iljieli totali mqattgħin minn persuni mhux residenti fl-UE tqattgħu fi Spanja, fir-Renju Unit, fl-Italja u fi Franza.

Fl-2017, Spanja kienet id-destinazzjoni ’l barra l-aktar komuni fl-UE għal persuni li vvjaġġaw barra minn pajjiżhom, bi 306 miljun lejl imqattgħin f’akkomodazzjoni turistika, jew 20 % tat-total tal-UE.

62 % mir-residenti tal-UE għamlu mill-inqas vjaġġ personali wieħed fl-2017.

[[File:Tourism_statistics interactive-MT_FP2018-II.xlsx]]

Destinazzjonijiet turistiċi — iljieli mqattgħin fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni għat-turisti, 2017

Dan l-artikolu jipprovdi informazzjoni dwar statistika reċenti relatata mat-turiżmu fl-Unjoni Ewropea (UE). It-turiżmu għandu rwol importanti fl-UE minħabba l-potenzjal ekonomiku u ta’ impjieg tiegħu, kif ukoll l-implikazzjonijiet soċjali u ambjentali tiegħu. L-istatistika dwar it-turiżmu ma tintużax biss biex jiġu mmonitorjati l-politiki tal-UE dwar it-turiżmu, iżda wkoll il-politiki reġjonali tagħha u dawk tal-iżvilupp sostenibbli.

Fl-2015, intrapriża waħda (1) minn kull għaxra (10) fl-ekonomija Ewropea ta’ negozju mhux finanzjarju kienet tappartjeni għall-industriji tat-turiżmu. Huwa stmat li dawn it-2.4 miljun intrapriża impjegaw 12.7 miljun persuna. Intrapriżi f’industriji b’attivitajiet relatati mat-turiżmu rrappreżentaw 9.2 % tal-persuni impjegati fl-ekonomija kollha ta’ negozju mhux finanzjarju u 21.5 % tal-persuni impjegati fis-settur tas-servizzi. L-ishma tal-industriji tat-turiżmu fil-fatturat u l-valur miżjud totali fi spiża ta’ fattur kienu relattivament aktar baxxi, bl-industriji tat-turiżmu jirrappreżentaw 3.8 % tal-fatturat u 5.7 % tal-valur miżjud tal-ekonomija ta’ negozju mhux finanzjarju.


Full article

Sodod fl-UE-28: Franza u Spanja huma predominanti

Fl-2017, terz mis-sodod kollha fl-UE-28 huma kkonċentrati fi Franza u fl-Italja

Huwa stmat li kien hemm aktar minn 656 000 stabbiliment ta’ akkomodazzjoni turistika attivi fi ħdan l-UE-28 fl-2017, u li flimkien dawn ipprovdew aktar minn 31.5 miljun sodda (ara t-Tabella 1). Kważi terz (32.0 %) mis-sodod kollha fl-UE-28 kienu kkonċentrati f’żewġ Stati Membri tal-UE biss, jiġifieri Franza (5.1 miljun sodda) u l-Italja (5.0 miljun sodda), segwiti mir-Renju Unit, Spanja u l-Ġermanja.

Tabella 1: Stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, 2017
Sors:l-Eurostat (tour_cap_nat) u (tour_occ_ninat)

Iljieli mqattgħin minn persuni mhux residenti fl-UE-28: Spanja fuq nett

Aktar minn nofs (57.6 %) tal-iljieli totali mqattgħin minn persuni mhux residenti fl-UE-28 tqattgħu fi Spanja, fir-Renju Unit, fl-Italja u fi Franza

Matul snin reċenti, l-għadd ta’ ljieli mqattgħin fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika ġeneralment wera xejra ’l fuq (ara l-Figura 1). Madankollu, kien hemm tnaqqis qasir fir-ritmu qasir fl-għadd ta’ ljieli mqattgħin fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika fl-2008 u fl-2009 bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika: l-għadd ta’ ljieli turistiċi fl-UE-28 naqas b’0.2 % fl-2008 u b’2.8 % ulterjuri fl-2009. Madankollu, fl-2010, l-għadd ta’ ljieli mqattgħin beda jirkupra u laħaq l-ogħla punt ta’ 3.1 biljun lejl fl-2017, żieda sa 5.2 % meta mqabbel mal-2016.

Figura 1: Xejriet fl-iljieli mqattgħin fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika fl-UE-28, UE-28, 2005-2017
(indiċi 2005=100)
Sors:l-Eurostat (tour_occ_ninat)

Fl-2017, Spanja kienet id-destinazzjoni turistika l-aktar komuni fl-UE għal persuni mhux residenti (persuni li vvjaġġaw barra minn pajjiżhom), bi 306 miljun lejl imqattgħin fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, jew 20.0 % mit-total tal-UE-28 (ara l-Figura 2 u l-Figura 3). Kważi 7 minn 10 minn dawn it-306 miljun lejl imqattgħin fi Spanja kienu kkonċentrati fi tliet reġjuni: Canarias (il-Gżejjer Kanarji), Illes Balears (il-Gżejjer Baleariċi) u Cataluña (il-Katalonja), (ara wkoll l-artikolu “Tourism statistics at regional level” (L-istatistika dwar it-turiżmu fil-livell reġjonali)).

Madwar l-UE, l-aktar erba’ destinazzjonijiet popolari għal persuni mhux residenti kienu Spanja, ir-Renju Unit (213-il miljun lejl, stima bbażata fuq data ta’ kull xahar tal-2017), l-Italja (211-il miljun lejl) u Franza (133 miljun lejl), li flimkien irrappreżentaw aktar min-nofs (57.6 %) it-total tal-iljieli mqattgħin minn persuni mhux residenti fl-UE-28. Id-destinazzjonijiet l-inqas komuni kienu l-Lussemburgu u l-Latvja; għandu jitqies l-effett tad-daqs ta’ dawn l-Istati Membri meta jiġu interpretati dawn il-valuri.

Figura 2: Destinazzjonijiet turistiċi — iljieli mqattgħin fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, 2017
(miljuni ta’ ljieli mqattgħin fil-pajjiż minn persuni mhux residenti)
Sors:l-Eurostat (tour_occ_ninat)


Figura 3: Sehem ta’ ljieli mqattgħin f’akkomodazzjoni turistika fl-UE-28 minn turisti li vvjaġġaw barra mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom stess, 2017
(% tal-iljieli kollha mqattgħin f’akkomodazzjoni turistika fl-UE-28)
Sors:l-Eurostat (tour_occ_ninat)

L-għadd ta’ ljieli mqattgħin (minn persuni residenti u persuni mhux residenti) jista’ jitqiegħed f’perspettiva billi jsir tqabbil mad-daqs ta’ kull pajjiż f’termini ta’ popolazzjoni, li jipprovdi indikatur tal-intensità tat-turiżmu. Fl-2017, permezz ta’ din il-miżura, id-destinazzjonijiet Mediterranji ta’ Malta, il-Kroazja u Ċipru kienu fuq nett, b’madwar 20 lejl imqatta’ għal kull resident (ara l-Figura 4), segwiti mill-Awstrija (14-il lejl imqatta’ għal kull resident), mill-Greċja u Spanja (it-tnejn li huma b’10 ljieli mqattgħin għal kull resident).

Figura 4: Intensità tat-turiżmu, 2017
(iljieli mqattgħin minn persuni residenti u persuni mhux residenti fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika għal kull resident)
Sors:l-Eurostat (tour_occ_ninat)

Parteċipazzjoni fit-turiżmu: Aktar minn disgħa (9) minn kull għaxar (10) residenti tal-Finlandja pparteċipaw fit-turiżmu

62 % mir-residenti tal-UE għamlu mill-inqas vjaġġ personali wieħed fl-2017

Huwa stmat li 62.0 % mill-popolazzjoni tal-UE-28 ta' età ta' 15-il sena jew aktar ipparteċipat fit-turiżmu għal finijiet personali fl-2017, fi kliem ieħor huma għamlu mill-inqas vjaġġ turistiku wieħed għal finijiet personali matul is-sena. Għal darb’oħra, jistgħu jiġu osservati differenzi kbar fost l-Istati Membri tal-UE, billi din ir-rata ta’ parteċipazzjoni varjat bejn 26.8 % fir-Rumanija sa 91.3 % fil-Finlandja (ara l-Figura 5).

<image imgid="figure5" zoom="80">
Figura 5: Sehem tal-popolazzjoni li tipparteċipa fit-turiżmu, 2017
(% tal-popolazzjoni ta’ età ta’ 15-il sena jew aktar)
Sors:l-Eurostat (tour_dem_tttot)

Vjaġġi turistiċi: Ir-residenti tal-Lussemburgu, tal-Belġju, ta’ Malta, tas-Slovenjau ta’ Ċipru għamlu aktar vjaġġi ’l barra minn pajjiżhom milli vjaġġi domestiċi

Kważi tlieta minn kull erba’ vjaġġi tar-residenti tal-UE kienu ġewwa pajjiżhom stess

Huwa stmat li r-residenti (ta’ età ta’ 15-il sena jew aktar) minn fi ħdan l-UE-28 għamlu 1.3 biljun vjaġġ turistiku fl-2017, għal finijiet personali jew kummerċjali. Nofs (50.2 %) l-għadd totali ta’ vjaġġi li saru kienu vjaġġi qosra ta’ bejn lejl u tlett iljieli (ara t-Tabella 2), filwaqt li tliet kwarti (73.3 %) mill-vjaġġi kollha li saru kienu lejn destinazzjonijiet domestiċi, b’dawk li jifdal barra mill-pajjiż.

<image imgid="table2" zoom="100">
Tabella 2: Vjaġġi turistiċi ta’ residenti (ta’ età ta’ 15-il sena jew aktar), 2017
Sors:l-Eurostat (tour_dem_tttot) u (tour_dem_totot)

F’xi wħud mill-Istati Membri tal-UE, aktar minn nofs l-għadd totali ta’ vjaġġi turistiċi li saru fl-2017 kienu lejn destinazzjonijiet barra mill-pajjiż; dan kien il-każ għal-Lussemburgu, il-Belġju, Malta, is-Slovenja u Ċipru. Madankollu, inqas minn 10 % tal-vjaġġi li saru mir-residenti tar-Rumanija u ta’ Spanja kienu lejn barra mill-pajjiż. Jidher li dawn iċ-ċifri huma influwenzati kemm mid-daqs tal-Istati Membri kif ukoll mill-post ġeografiku tagħhom (kien hemm xejra li pajjiżi iżgħar u aktar lejn it-tramuntana jirrappurtaw inklinazzjoni akbar li r-residenti tagħhom jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom).

Ir-residenti tal-UE wrew preferenza għall-ivvjaġġar fix-xhur tas-sajf, bi kważi kwart mill-vjaġġi tagħhom saru f’Lulju jew f’Awwissu (ara wkoll l-artikolu “Seasonality in tourism demand” (L-istaġjonalità fid-domanda tat-turiżmu)).

Iljieli mqattgħin minn residenti tal-UE-28 barra minn pajjiżhom: Il-Lussemburgu jinsab fuq quddiem nett fl-iljieli għal kull resident

Residenti tal-Ġermanja u tar-Renju Unit qattgħu kważi nofs l-għadd totali ta’ ljieli mqattgħin mir-residenti tal-UE-28 barra minn pajjiżhom fl-2017:

Huwa stmat li r-residenti tal-UE-28 qattgħu 2.8 biljun lejl barra minn pajjiżhom fuq vjaġġi turistiċi fl-2017 (ara l-Figura 6). Residenti Ġermaniżi qattgħu 798 miljun lejl fuq vjaġġi barra mill-Ġermanja fl-2017, filwaqt li residenti tar-Renju Unit qattgħu 564 miljun lejl barra minn pajjiżhom (id-data tar-Renju Unit hija għall-2013); residenti minn dawn iż-żewġ Stati Membri tal-UE rrappreżentaw kważi nofs (48.7 %) l-għadd totali ta’ ljieli mqattgħin mir-residenti tal-UE-28 barra minn pajjiżhom.

Figura 6: Sehem ta’ ljieli mqattgħin matul vaganzi ’l barra tal-Ewropej, skont il-pajjiż ta’ residenza tat-turist, 2017
(% ta’ ljieli mqattgħin barra mill-pajjiż mir-residenti tal-UE-28)
Sors:l-Eurostat (tour_dem_tntot)

Meta jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ pajjiż f’termini tal-popolazzjoni tiegħu, il-Lussemburgu kien l-Istat Membru tal-UE li r-residenti tiegħu qattgħu l-aktar iljieli barra minn pajjiżhom għal kull resident (medja ta’ 26.1 lejl fl-2017), segwit mill-Iżvezja (21.4 ljieli) u minn Ċipru (19.9 ljieli). Fl-estremità l-oħra tal-ispettru, ir-residenti tar-Rumanija, tal-Greċja u tal-Bulgarija qattgħu medja ta’ inqas minn lejl barra minn pajjiżhom fl-2017 (ara l-Figura 7).

Figura 7: Pajjiż ta’ oriġini għall-vjaġġi turistiċi ’l barra, 2017
(medja tal-iljieli mqattgħin barra mill-pajjiż għal kull resident ta’ età ta’ 15-il sena jew aktar)
Sors:l-Eurostat (tour_dem_tntot) u (demo_pjanbroad)

Nefqa fuq it-turiżmu: l-ogħla nfiq minn residenti Ġermanizi

Il-Ġermaniżi kienu ċ-ċittadini tal-UE li nefqu l-aktar fuq l-ivvjaġġar internazzjonali, b’totali ta’ EUR 78.8 biljun fl-2017

L-importanza ekonomika tat-turiżmu internazzjonali tista’ titkejjel billi jitqies il-proporzjon tar-riċevuti tal-ivvjaġġar internazzjonali b’relazzjoni mal-PDG; din id-data hija minn statistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti u tinkludi l-ivvjaġġar għan-negozju, kif ukoll ivvjaġġar għar-rikreazzjoni. Fl-2017, fost l-Istati Membri tal-UE, il-proporzjon tar-riċevuti tal-ivvjaġġar meta mqabbel mal-PDG kien l-ogħla fil-Kroazja (19.3 %), f’Ċipru (14.1 %) u f’Malta (13.7 %), li jikkonferma l-importanza tat-turiżmu għal dawn il-pajjiżi (ara t-Tabella 3). F’termini assoluti, l-ogħla riċevuti tal-ivvjaġġar internazzjonali fl-2017 ġew irreġistrati fi Spanja (EUR 60.3 biljun), fi Franza (EUR 53.7 biljun) u fir-Renju Unit (EUR 45.3 biljun), segwiti mill-Italja (EUR 39.2 biljun) u mill-Ġermanja (EUR 35.3 biljun).

Tabella 3: Riċevuti tal-ivvjaġġar u nefqa f’bilanċ tal-pagamenti, 2012–2017
Sors:l-Eurostat (bop_c6_q), (bop_eu6_q) u (nama_10_gdp)


Il-Ġermanja rreġistrat l-ogħla livell ta’ nfiq fuq l-ivvjaġġar internazzjonali, b’total ta’ EUR 78.8 biljun fl-2017, segwita mir-Renju Unit (EUR 63.2 biljun) u minn Franza (EUR 36.7 biljun).

Spanja kienet l-Istat Membru tal-UE bl-ogħla livell ta’ riċevuti nett mill-ivvjaġġar fl-2017 (EUR 40.6 biljun), filwaqt li l-Ġermanja rreġistrat l-ogħla defiċit (EUR -43.6 biljun).

Data ta’ sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

F’kuntest statistiku, turiżmu jirreferi għall-attività ta’ viżitaturi li jivvjaġġaw lejn destinazzjoni barra mill-ambjent normali tagħhom, għal inqas minn sena. Dan jista’ jkun għal kwalunkwe għan prinċipali, inklużi negozju, rikreazzjoni jew raġunijiet personali oħra għajr biex jiġu impjegati minn persuna residenti, unità domestika jew intrapriża fil-post miżjur.

F’Lulju 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament il-ġdid Nru 692/2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE; dan daħal fis-seħħ għas-sena bażi 2012 u jirrikjedi li l-Istati Membri tal-UE jipprovdu sett regolari ta’ statistika komparabbli dwar it-turiżmu.

L-istatistika dwar it-turiżmu fl-UE tikkonsisti minn żewġ komponenti prinċipali: minn naħa waħda, statistika relatata mal-kapaċità u l-okkupanza tal-akkomodazzjoni turistika kollettiva; min-naħa l-oħra, statistika relatata mad-domanda tat-turiżmu. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, dik tal-ewwel tinġabar permezz ta’ stħarriġ mimli mill-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni, filwaqt li dik tal-aħħar tinġabar prinċipalment permezz ta’ stħarriġ tal-vjaġġaturi f’punti ta’ qsim tal-fruntieri jew permezz ta’ stħarriġ fl-unitajiet domestiċi.

L-istatistika dwar il-kapaċità tal-akkomodazzjoni turistika kollettiva tinkludi l-għadd ta’ stabbilimenti, l-għadd ta’ kmamar tas-sodda u l-għadd ta’ sodod. Din l-istatistika hija disponibbli skont it-tip ta’ stabbiliment jew skont ir-reġjun, u tiġi kkompilata kull sena. L-istatistika dwar l-okkupanza tal-akkomodazzjoni turistika kollettiva tirreferi għall-għadd ta’ wasliet (fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni) u għall-għadd ta’ ljieli mqattgħin minn persuni residenti u persuni mhux residenti, separati f’tipi ta’ stabbiliment jew f’reġjuni; huma disponibbli sensieli statistiċi annwali u ta’ kull xahar. Barra minn hekk, tiġi kkompilata l-istatistika dwar l-użu tal-kmamar tas-sodda u tas-sodod (rati ta’ okkupanza).

L-istatistika dwar id-domanda tat-turiżmu tinġabar b’relazzjoni mal-għadd ta’ vjaġġi turistiċi li jsiru (u l-għadd ta’ ljieli mqattgħin fuq dawk il-vjaġġi), separati:

  • bil-pajjiż ta’ destinazzjoni;
  • bl-għan;
  • bit-tul tas-soġġorn;
  • bit-tip ta’ akkomodazzjoni;
  • bix-xahar tat-tluq;
  • bil-modalità tat-trasport;
  • bin-nefqa.

Id-data tiġi analizzata wkoll skont il-karatteristiki soċjodemografiċi tat-turist:

  • sess;
  • grupp ta’ età;
  • livell edukattiv milħuq (fakultattiva);
  • introjtu tal-unità domestika (fakultattiva);
  • status ta’ attività (fakultattiva).

Sal-2013, l-istatistika dwar it-turiżmu kienet limitata għal mill-inqas lejl wieħed; mis-sena bażi 2014, iż-żjarat ’il barra fl-istess ġurnata huma koperti wkoll mill-istatistika Ewropea uffiċjali. Din id-data dalwaqt tiġi analizzata f’artikolu dwar l-Istatistika spjegata.

Tista’ tintuża data minn firxa ta’ sorsi uffiċjali oħra biex jiġi studjat it-turiżmu. Din l-istatistika tinkludi:

Kuntest

Skont pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNWTO) bit-titolu “Tourism highlights” (Punti ewlenin dwar it-turiżmu), l-UE hija destinazzjoni turistika kbira, b’ħamsa mill-Istati Membri tagħha jinsabu fost l-għaxar destinazzjonijiet l-aktar popolari fid-dinja. It-turiżmu għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi lejn l-impjieg u t-tkabbir ekonomiku, kif ukoll lejn l-iżvilupp f’żoni rurali, periferiċi jew inqas żviluppati. Dawn il-karatteristiki jixprunaw id-domanda għal statistika affidabbli u armonizzata fi ħdan dan il-qasam, kif ukoll fi ħdan il-kuntest usa’ tal-politika reġjonali u tal-oqsma ta’ politika dwar l-iżvilupp sostenibbli.

It-turiżmu jista’ jkollu rwol sinifikanti fl-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej. L-infrastruttura maħluqa għal finijiet turistiċi tikkontribwixxi għall-iżvilupp lokali, filwaqt li l-impjiegi li jinħolqu jew jinżammu jistgħu jgħinu biex l-industrija jew iż-żoni rurali ma jmorrux lura. Turiżmu sostenibbli jinvolvi l-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-patrimonju kulturali u naturali, mill-arti sal-gastronomija lokali jew sal-preservazzjoni tal-bijodiversità.

Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni bit-titolu “Tiġdid tal-politika tal-UE dwar it-turiżmu: lejn partenarjat aktar b’saħħtu għat-turiżmu Ewropew” (KUMM(2006) 134 finali). Din tindirizza firxa ta’ sfidi li se jagħtu forma lit-turiżmu fis-snin li ġejjin, inklużi t-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea, il-kompetizzjoni esterna dejjem tiżdied, id-domanda tal-konsumaturi għal turiżmu aktar speċjalizzat, u l-ħtieġa li jiġu żviluppati prattiki turistiċi aktar sostenibbli u ekoloġiċi. Hija ressqet l-argument li provvista turistika aktar kompetittiva u destinazzjonijiet sostenibbli jkunu jgħinu fiż-żieda tas-sodisfazzjon tat-turisti u jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala d-destinazzjoni turistika l-aktar popolari fid-dinja. F’Ottubru 2007 din kienet segwita minn Komunikazzjoni oħra bit-titolu “Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv” (KUMM(2007) 621 finali), li pproponiet azzjonijiet relatati mal-ġestjoni sostenibbli tad-destinazzjonijiet, l-integrazzjoni tat-tħassib dwar is-sostenibbiltà min-negozji, u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fost it-turisti.

It-Trattat ta’ Lisbona rrikonoxxa l-importanza tat-turiżmu — fejn iddeskriva fil-qosor kompetenza speċifika għall-UE f’dan il-qasam u ppermetta li jittieħdu deċiżjonijiet minn maġġoranza kwalifikata. Artikolu partikolari fi ħdan it-Trattat jispeċifika li l-UE “għandha tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu, b’mod partikolari billi tippromwovi l-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni f’dan is-settur”. “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat- turiżmu Ewropew ” (KUMM(2010) 352 finali) ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju 2010. Din il-Komunikazzjoni tfittex li tħeġġeġ approċċ ikkoordinat għal inizjattivi marbuta mat-turiżmu u ddefiniet qafas ġdid għal azzjonijiet biex iżżid il-kompetittività tat-turiżmu u l-kapaċità tiegħu għal tkabbir sostenibbli. Hija pproponiet għadd ta’ inizjattivi Ewropej jew multinazzjonali — inkluża konsolidazzjoni tal-bażi ta’ għarfien soċjoekonomiku għat-turiżmu — bl-għan li jintlaħqu dawn l-objettivi.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations