Statistics Explained

Archive:Statistika tal-finanzi tal-gvern

Revision as of 18:11, 30 August 2019 by EXT-S-Allen (talk | contribs)


Data estratta fit-23 ta’ April 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ottubru 2019.

Highlights

Il-proporzjon ta’ defiċit għall-PDG tal-gvern tal-EU-28 naqas minn -1.0 % fl-2017 għal -0.6 % fl-2018, l-aktar defiċit baxx fis-serje kronoloġika disponibbli.

Fl-EU-28, il-proporzjon ta’ dejn għall-PDG tal-gvern naqas minn 81.7 % fl-aħħar tal-2017 għal 80.0 % fl-aħħar tal-2018.

Il-proporzjon ta’ dejn għall-PDG tal-gvern varja minn 8.4 % fl-Estonja għal 181.1 % fil-Greċja fl-aħħar tal-2018.

[[File:Government_finance_statistics-interactive_FP2019-MT.xlsx]]

Dejn tal-gvern ġenerali, 2018

Dan l-artiklu jeżamina kif l-istatistika ewlenija dwar il-finanzi tal-gvern ġiet żviluppata fl-Unjoni Ewropea (UE) u fiż-żona tal-euro (EA-19). Speċifikament, huwa jqis id-defiċits, id-dejn gross, id-dħul totali, u n- nefqa totali tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali, li huma s-sorsi ewlenin tad-dħul tal-gvern.

Full article


Introduzzjoni

L-istatistika dwar il-finanzi tal-gvern fiha indikaturi kruċjali għad-determinazzjoni tas-saħħa tal-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE. Skont it-termini tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (il-PST) tal-UE, l-Istati Membri wiegħdu li jżommu d-defiċits u d-dejn tagħhom taħt ċerti limiti: id-defiċit tal-gvern ta’ Stat Membru ma jistax jaqbeż it-3 % tal-prodott domestiku gross (il-PDG) tiegħu, filwaqt li d-dejn tiegħu ma jistax jaqbeż is-60 % tal-PDG. Jekk Stat Membru ma jirrispettax dawn il-limiti, tiġi skattata l-hekk imsejħa proċedura ta’ defiċit eċċessiv (il-PDE). Dan jinvolvi diversi passi — inkluża l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet — sabiex l-Istat Membru kkonċernat jiġi mħeġġeġ jieħu l-miżuri xierqa sabiex jirrettifika s-sitwazzjoni. L-istess limiti ta’ defiċit u dejn huma wkoll kriterji għall-unjoni ekonomika u monetarja (l-UEM) u, b’hekk, għas-sħubija fiż-żona tal-euro. Barra minn hekk, l-aktar reviżjoni riċenti tal-linji gwida integrati dwar il-politika ekonomika u l-impjiegi (riveduti bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv) tinkludi linja gwida għall-iżgurar tal-kwalità u tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Fl-2018, id-defiċit tal-gvern (it-teħid ta’ self nett tas-settur ikkonsolidat tal-amministrazzjoni pubblika, bħala sehem tal-PDG) kemm tal-EU-28 kif ukoll taż-żona tal-euro (EA-19) naqas meta mqabbel mal-2017. Kien osservat ukoll tnaqqis fil-proporzjon ta’ dejn għall-PDG tal-amministrazzjoni pubblika.

Bilanċ favorevoli / defiċit tal-amministrazzjoni pubblika

Il-proporzjon ta’ defiċit għall-PDG tal-gvern tal-EU-28 naqas minn -1.0 % fl-2017 għal -0.6 % fl-2018, filwaqt li dan il-proporzjon naqas ukoll fl-EA-19 minn -1.0 % għal -0.5 %. Fl-EU-28, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien l-aktar baxx fis-serje kronoloġika disponibbli, filwaqt li fl-EA-19, id-defiċit kien komparabbli mad-defiċits osservati fis-snin 2000 u 2007. 13-il Stat Membru tal-UE — il-Lussemburgu (+2.4 %), il-Bulgarija u Malta (it-tnejn +2.0 %), il-Ġermanja (+1.7 %), in-Netherlands (+1.5 %), il-Greċja (+1.1 %), ir-Repubblika Ċeka u l-Iżvezja (it-tnejn +0.9 %), il-Litwanja u s-Slovenja (it-tnejn +0.7 %), id-Danimarka (+0.5 %), il-Kroazja (+0.2 %) u l-Awstrija (+0.1 %) — irreġistraw bilanċi favorevoli tal-gvern fl-2018. L-Irlanda rrapportat bilanċ tal-gvern.

Kien hemm 12-il Stat Membru tal-UE, jiġifieri l-Belġju, l-Estonja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, il-Finlandja u r-Renju Unit, li fl-2018 irreġistraw defiċits li kienu iżgħar minn 3.0 % tal-PDG.

L-aktar defiċits baxxi tal-gvern bħala perċentwal tal-PDG ġew irreġistrati fil-Polonja (-0.4 %), fil-Portugall (-0.5 %) u fl-Estonja (-0.6 %).

Żewġ Stati Membri kellhom defiċits ogħla minn jew ugwali għal 3 % tal-PDG: Ċipru (-4.8 %) u r-Rumanija (-3.0 %) (ara l-Figura 1). Id-defiċit għoli għal Ċipru fl-2018 huwa prinċipalment dovut għall-impatt mir-ristrutturar tas-Cyprus Cooperative Bank Ltd (CCB) - il-bejgħ tal-partijiet tajbin tas-CCB u l-integrazzjoni sussegwenti tal-istruttura ta’ annullament finanzjarju pubbliku li jifdal fil-kontijiet tal-amministrazzjoni pubblika.

Figura 1: Il-bilanċ pubbliku u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika, fl-2017 u fl-2018
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (tec00127) u (tsdde410)
Tabella 1: Il-bilanċ pubbliku u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika, 2015-2018
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (tec00127) u (tsdde410)

Fl-2018, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika (fir-rigward tal-PDG) tjieb meta mqabbel mal-2017 fi 18-il Stat Membru tal-UE, bl-akbar titjib fil-bilanċ (ta’ mill-inqas 1 punt perċentwali tal-PDG) ikun fil-Portugall (+2.5 punti perċentwali tal-PDG), fil-Polonja (+1.2 punti perċentwali tal-PDG) u fil-Lussemburgu (+1.0 punti perċentwali tal-PDG). L-Awstrija mxiet minn defiċit fl-2017 għal bilanċ favorevoli fl-2018, filwaqt li l-Irlanda mxiet minn defiċit fl-2017 għal bilanċ tal-gvern fl-2018 u s-Slovenja mxiet minn bilanċ tal-gvern għal bilanċ favorevoli. Fl-2018, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u n-Netherlands irreġistraw bilanċ favorevoli ogħla minn dak irreġistrat fl-2017.

Min-naħa l-oħra, Ċipru għadda minn bilanċ favorevoli fl-2017 għal defiċit fl-2018. Fl-2018, l-Estonja, il-Latvja u r-Rumanija rreġistraw defiċit akbar minn dak irreġistrat fl-2017. L-Ungerija rreġistrat l-istess defiċit fl-2017 u fl-2018, filwaqt li, fl-2018, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Kroazja, Malta u l-Iżvezja rreġistraw bilanċ favorevoli aktar baxx minn dak irreġistrat fl-2017.

Dejn tal-gvern

Fl-EU-28, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern naqas minn 81.7 % fl-aħħar tal-2017 għal 80.0 % fl-aħħar tal-2018, filwaqt li fl-EA-19 naqas minn 87.1 % għal 85.1 % (ara l-Figura 2).

B’kollox, kien hemm 14-il Stat Membru tal-UE li rrapportaw proporzjon tad-dejn ta’ aktar minn 60 % tal-PDG fl-aħħar tal-2018: l-ogħla minn dawn kien irreġistrat mill-Greċja (181.1 %), segwita mill-Italja (132.2 %), il-Portugall (121.5 %), Ċipru (102.5 %), il-Belġju (102.0 %), Franza (98.4 %) u Spanja (97.1 %).

L-aktar proporzjonijiet baxxi ta’ dejn għall-PDG tal-gvern kienu rreġistrati fl-Estonja (8.4 %), fil-Lussemburgu (21.4 %), fil-Bulgarija (22.6 %), fir-Repubblika Ċeka (32.7 %), fid-Danimarka (34.1 %) u fil-Litwanja (34.2 %).

Figura 2: Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika, fl-2017 u fl-2018
(id-dejn gross ikkonsolidat tal-amministrazzjoni pubblika, % tal-PDG)
Sors: Eurostat (tsdde410)

Fl-aħħar tal-2018, il-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG tal-gvern żdiedu għal tliet Stati Membri tal-UE meta mqabbla mal-aħħar tal-2017, filwaqt li dan il-proporzjon naqas għal 24 Stat Membru, l-aktar notevoli għal-Litwanja (-5.2 punti perċentwali tal-PDG), għan-Netherlands (-4.5 punti perċentwali tal-PDG), għall-Awstrija (-4.4 punti perċentwali tal-PDG), għal Malta (-4.2 punti perċentwali tal-PDG) u għal-Latvja (-4.0 punti perċentwali tal-PDG).

Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG għal Franza baqa’ l-istess bejn l-2017 u l-2018.

Ġew osservati żidiet fil-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG mill-aħħar tal-2017 sal-aħħar tal-2018 f’Ċipru (6.8 punti perċentwali), fil-Greċja (5.0 punti perċentwali) u fl-Italja (0.8 punti perċentwali).

Id-dħul u l-infiq tal-gvern

L-importanza tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika fl-ekonomija tista’ titkejjel f’termini tad-dħul u n-nefqa totali tal-amministrazzjoni pubblika bħala perċentwal tal-PDG. Fl-EU-28, id-dħul totali tal-gvern fl-2018 kien jammonta għal 45.0 % tal-PDG (li żdied minn 44.8 % fl-2017), filwaqt li n-nefqa kienet tammonta għal 45.6 % tal-PDG (li naqset minn 45.8 % fl-2017). Fl-EA-19, in-nefqa totali tal-amministrazzjoni pubblika kienet tammonta għal 46.8 % tal-PDG fl-2018 (li naqset minn 47.0 % fl-2017), filwaqt li d-dħul totali kien jammonta għal 46.3 % tal-PDG (li żdied minn 46.1 % fl-2017) — ara l-Figura 3.

Figura 3: L-iżvilupp tan-nefqa totali u tad-dħul totali, 2008–2018
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)

In-nefqa totali tal-EU-28 u tal-EA-19 bħala perċentwal tal-PDG kibret sewwa mill-2008 sal-2009 sabiex laħqet 50.0 % tal-PDG fl-EU-28 fl-2009 u 50.7 % tal-PDG fl-EA-19. Fiż-żewġ oqsma, in-nefqa totali bħala sehem tal-PDG imbagħad naqset bejn l-2009 u l-2011, żdiedet fl-2012 u sussegwentement naqset sal-2018, ħlief li l-aggregat tal-EA-19 kompla jiżdied ftit mill-2012 sal-2013.

F’termini assoluti, in-nefqa totali tal-amministrazzjoni pubblika kibret b’pass relattivament bil-mod matul il-perjodu mill-2008 sal-2018 kemm fl-EU-28 kif ukoll fl-EA-19 (ħlief għal tnaqqis żgħir fl-EA-19 bejn l-2010 u l-2011; ara l-Figura 4). Id-dħul kemm fl-EU-28 kif ukoll fl-EA-19 kiber b’pass kemxejn aktar mgħaġġel min-nefqa matul il-perjodu mill-2010 sal-2018, u b’hekk wassal għal tnaqqis fid-defiċit.

Figura 4: L-iżvilupp tan-nefqa totali u tad-dħul totali, 2008–2018
(EUR biljuni)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)

Filwaqt li n-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika tal-EU-28 żdiedet b’mod ġenerali b’EUR 846 biljun bejn l-2010 u l-2018, kien hemm żieda ta’ EUR 1 568 biljun fid-dħul tal-amministrazzjoni pubblika tal-EU-28. Bejn l-2017 u l-2018, in-nefqa tal-gvern żdiedet b’EUR 202 biljun, filwaqt li d-dħul tal-gvern żdied b’EUR 257 biljun. Fl-EA-19, in-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika żdiedet b’EUR 590 biljun bejn l-2010 u l-2018, filwaqt li d-dħul żdied b’EUR 1 122 biljun.

Il-livell tan-nefqa u tad-dħul tal-amministrazzjoni pubblika jvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE (ara l-Figura 5). Fl-2018, l-Istati Membri bl-ogħla livelli ta’ nefqa u dħul ikkombinati tal-gvern bħala proporzjon tal-PDG (aktar minn 100 %) kienu Franza, il-Finlandja, il-Belġju, id-Danimarka u l-Iżvezja; In-Norveġja rreġistrat ukoll proporzjon ta’ aktar minn 100 %. Fl-2018, seba’ Stati Membri — l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Litwanja, il-Bulgarija, Malta, il-Latvja u l-Estonja — rrapportaw proporzjonijiet ikkombinati relattivament baxxi (inqas minn 80 % tal-PDG).

Figura 5: Id-dħul u n-nefqa tal-gvern, 2018
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)

Madwar l-EU-28, il-komponenti ewlenin tad-dħul totali tal-amministrazzjoni pubblika huma t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali netti (ara l-Figura 6). Fl-2018, it-taxxi kienu jikkostitwixxu 59.8 % tad-dħul totali fl-EU-28 u 56.8 % fl-EA-19, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet soċjali netti kienu jammontaw għal 29.6 % tad-dħul totali fl-EU-28 u 32.8 % fl-EA-19. L-output tas-suq, l-output għall-użu proprju finali u l-pagamenti għall-produzzjoni mhux tas-suq ("bejgħ/miżati" u formazzjoni tal-kapital ta’ kont proprju) kienu jikkostitwixxu 6.8 % tad-dħul totali fl-EU-28 u sehem ta’ 6.9 % tad-dħul totali fl-EA-19. L-introjtu mill-proprjetà (prinċipalment imgħax, dividendi u kera) kien jikkostitwixxi 1.7 % tad-dħul totali fl-EU-28 u 1.5 % fl-EA-19.

Figura 6: Il-kompożizzjoni tad-dħul totali, 2018
(% tad-dħul totali)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)

Meta wieħed jeżamina kull Stat Membru tal-UE, l-importanza relattiva tal-kategoriji differenti tad-dħul varjat b’mod wiesa’. Pereżempju, it-taxxi kienu jikkostitwixxu inqas minn 50 % tad-dħul tal-gvern fis-Slovakkja, fir-Rumanija, fir-Repubblika Ċeka u fil-Litwanja fl-2018, iżda 87.5 % tad-dħul totali tal-amministrazzjoni pubblika fid-Danimarka u 81.1 % fl-Iżvezja.

Il-kontribuzzjonijiet soċjali netti kellhom l-ogħla sehem ta’ dħul totali fir-Repubblika Ċeka u fil-Litwanja (it-tnejn 37.7 % tad-dħul totali fl-2018) segwiti mis-Slovakkja (37.1 %) u l-Ġermanja (37.0 %) u l-aktar ishma baxxi ta’ dħul totali fid-Danimarka (1.7 %) u fl-Iżvezja (6.6 % tal-PDG), kif ukoll fl-Iżlanda (8.2 % tal-PDG).

L-ogħla sehem tal-introjtu mill-proprjetà kien osservat għan-Norveġja (23.0%) (ara l-Figura 7).

Figura 7: Il-komponenti ewlenin tad-dħul tal-gvern, 2018
(% tad-dħul totali)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)

L-akbar proporzjon tan-nefqa tal-gvern tal-EU-28 fl-2018 kien jikkonċerna r-ridistribuzzjoni tal-introjtu fil-forma ta’ trasferimenti soċjali fi flus jew in natura (ara l-Figuri 8 u 9). It-trasferimenti soċjali (benefiċċji soċjali u trasferimenti soċjali in natura — produzzjoni tas-suq mixtrija) kienu jikkostitwixxu 44.8 % tan-nefqa totali fl-EU-28 u 47.6 % fl-EA-19. Il-kumpens tal-impjegati kien jikkostitwixxi 21.7 % tan-nefqa tal-gvern fl-EU-28 u 21.0 % fl-EA-19. Il-konsum intermedju kien jikkostitwixxi 12.7 % tan-nefqa totali fl-EU-28 u 11.0 % tan-nefqa totali fl-EA-19. L-introjtu mill-proprjetà mħallas — li l-akbar parti tiegħu hija magħmula bil-bosta minn pagamenti tal-imgħax — kien jikkostitwixxi 4.1 % tan-nefqa tal-gvern fl-EU-28 u 3.9 % fl-EA-19. Il-formazzjoni tal-kapital fiss gross (primarjament investiment) kienet tikkostitwixxi 6.3 % tan-nefqa totali fl-EU-28 u 5.7 % fl-EA-19.

Figura 8: Il-kompożizzjoni tan-nefqa totali, 2018
(% tan-nefqa totali)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)
Figura 9: Il-komponenti ewlenin tan-nefqa tal-gvern, 2018
(% tan-nefqa totali)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)

It-tipi ewlenin ta’ dħul tal-gvern huma t-taxxi kurrenti fuq l-introjtu u l-ġid, eċċ., it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet, u l-kontribuzzjonijiet soċjali netti. Għall-EU-28, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet kienu jammontaw għal ekwivalenti ta’ 13.4 % tal-PDG fl-2018, it-taxxi kurrenti fuq l-introjtu, il-ġid, eċċ. għal 13.2 % tal-PDG, u l-kontribuzzjonijiet soċjali netti għal 13.3 % tal-PDG. B’mod relattiv għall-PDG, id-dħul mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet kiber matul il-perjodu 2009-2014 fl-EU-28, filwaqt li s-sehem tiegħu relattiv għall-PDG żdied b’1.0 punt perċentwali (ara l-Figura 10). Bejn l-2014 u l-2018, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet baqgħu stabbli bħala proporzjon għall-PDG. It-taxxi kurrenti fuq l-introjtu u l-ġid, eċċ. laħqu - bħala proporzjon għall-PDG - punt baxx fl-2009 u fl-2010 għal 12.1 % tal-PDG, qabel żdiedu għal 13.2 % tal-PDG fl-2018. Il-kontribuzzjonijiet soċjali netti żdiedu minn 13.1 % tal-PDG fl-2015 għal 13.3 % tal-PDG fl-2018.

Figura 10: Il-kategoriji ewlenin ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali, EU-28, 2008–2018
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)

Fl-2018 kien hemm varjazzjoni konsiderevoli fl-istruttura tad-dħul mit-taxxa madwar l-Istati Membri tal-UE (ara l-Figura 11). Kif seta’ jkun mistenni, dawk l-Istati Membri li rrapportaw livelli relattivament għolja ta’ nfiq kellhom it-tendenza li jkunu dawk li ġabru wkoll aktar taxxi (bħala proporzjon tal-PDG) għall-amministrazzjoni pubblika. Pereżempju, fl-2018, l-ogħla proporzjon ta’ dħul għall-PDG mill-kategoriji ewlenin ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali kien 47.8% tal-PDG rreġistrat fi Franza, segwit minn 46.1 % irreġistrat fid-Danimarka. Il-proporzjon ta’ PDG kontabbilizzat minn tali dħul kien taħt it-30 % fi tliet Stati Membri (l-Irlanda, ir-Rumanija u l-Bulgarija).

Figura 11: Il-kategoriji ewlenin ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali, 2018
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

Skont it-termini tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, l-Istati Membri tal-UE huma meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea bl-istatistika tagħhom dwar id-dejn u d-defiċit tal-gvern qabel l-1 ta’ April u l-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena. Barra minn hekk, l-Eurostat jiġbor data aktar dettaljata dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern fil-qafas tal-programm ta’ trażmissjoni [(http://ec.europa.eu/eurostat/product?code=KS-01-13-429-3A-C&language=en)] li tirriżulta fis-sottomissjoni ta’ data tal-kontijiet nazzjonali. L-aggregati ewlenin għall-amministrazzjoni pubblika jiġu pprovduti lill-Eurostat darbtejn fis-sena, filwaqt li l-istatistika dwar il-funzjonijiet tal-gvern (COFOG) għandha tiġi trażmessa fi żmien sena wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-irċevuti dettaljati tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet soċjali fi żmien disa’ xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. Il-kontijiet finanzjarji u mhux finanzjarji trimestrali, kif ukoll id-dejn gross trimestrali tal-amministrazzjoni pubblika jiġu pprovduti erba’ darbiet fis-sena.

Id-data ppreżentata f’dan l-artiklu tikkorrispondi għal uħud mill-indikaturi ewlenin tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika, li jiġu kkompilati fuq il-kontijiet nazzjonali (ESA 2010).

Id-differenza bejn id-dħul totali u n-nefqa totali — inkluża n-nefqa kapitali (b’mod partikolari, il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss) — hija ekwivalenti għall-għoti ta’ self nett / għat-teħid ta’ self nett tal-amministrazzjoni pubblika, li huwa wkoll element ta’ bbilanċjar wieħed tal-kontijiet mhux finanzjarji tal-gvern.

Delineazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika

Is-settur tal-amministrazzjoni pubblika jikkonsisti f’unitajiet istituzzjonali, li huma produtturi mhux tas-suq li l-output tagħhom huwa maħsub għall-konsum individwali u kollettiv, u li huma ffinanzjati minn pagamenti obbligatorji magħmula minn unitajiet li jappartjenu għal setturi oħrajn u unitajiet istituzzjonali li huma prinċipalment involuti fir-ridistribuzzjoni tal-introjtu u l-ġid nazzjonali (ESA 2010 §2.111). Is-settur tal-amministrazzjoni pubblika huwa subdiviż f’erba’ subsetturi: il-gvern ċentrali, il-gvern statali (fejn applikabbli), il-gvern lokali, u l-fondi tas-sigurtà soċjali (fejn applikabbli).

Definizzjoni tal-indikaturi ewlenin

Il-bilanċ pubbliku huwa definit bħala l-għoti ta’ self nett / it-teħid ta’ self nett tal-amministrazzjoni pubblika rrapportat għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u huwa espress fir-rigward tal-PDG. Skont il-protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, id-dejn tal-gvern huwa l-kontribuzzjonijiet grossi fil-munita u d-depożiti, it-titoli ta’ dejn, u s-self pendenti fl-aħħar tas-sena tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika mkejjel fil-valur nominali (fuq il-wiċċ) u kkonsolidat.

Id-dħul ewlieni tal-amministrazzjoni pubblika jikkonsisti f’taxxi, kontribuzzjonijiet soċjali, bejgħ u introjtu minn proprjetà. Huwa definit fl-ESA 2010 b’referenza għal lista ta’ kategoriji: l-output tas-suq, l-output għall-użu proprju finali, il-pagamenti għall-output mhux tas-suq, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet, sussidji oħrajn fuq il-produzzjoni, l-introjtu mill-proprjetà, it-taxxi kurrenti fuq l-introjtu, il-ġid, eċċ., il-kontribuzzjonijiet soċjali netti, trasferimenti kurrenti u trasferimenti kapitali oħrajn.

Il-partiti tal-infiq ewlenin jikkonsistu fil-kumpens tal-impjegati (tal-gvern), il-benefiċċji soċjali (benefiċċji soċjali u trasferimenti soċjali in natura għall-produzzjoni tas-suq mixtrija mill-amministrazzjoni pubblika), l-imgħax fuq id-dejn pubbliku, is-sussidji u l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss. In-nefqa totali tal-amministrazzjoni pubblika hija definita fl-ESA 2010 b’referenza għal lista ta’ kategoriji: il-konsum intermedju, il-formazzjoni grossa tal-kapital, il-kumpens tal-impjegati, taxxi oħrajn fuq il-produzzjoni, is-sussidji, l-introjtu mill-proprjetà, it-taxxi kurrenti fuq l-introjtu, il-ġid, eċċ., il-benefiċċji soċjali minbarra trasferimenti soċjali in natura, it-trasferimenti soċjali in natura - il-produzzjoni tas-suq mixtrija, trasferimenti kurrenti oħrajn, l-aġġustamenti għat-tibdil fl-intitolamenti tal-pensjoni, it-trasferimenti kapitali u t-tranżazzjonijiet fl-assi mhux prodotti.

Id-data tal-amministrazzjoni pubblika rrapportata għall-aggregati ewlenin tal-amministrazzjoni pubblika fil-qafas tal-ESA 2010 trid tkun ikkonsolidata għal ċerti tranżazzjonijiet tal-kontijiet nazzjonali, li jfisser li t-tranżazzjonijiet speċifiċi bejn unitajiet istituzzjonali fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika — introjtu mill-proprjetà, trasferimenti kurrenti oħrajn u trasferimenti ta’ kapital — jiġu eliminati jew ikkanċellati. Għal dawn it-tranżazzjonijiet, id-data tas-subsettur għandha tkun ikkonsolidata fi ħdan kull subsettur, iżda mhux bejn is-subsetturi. B’hekk, id-data fil-livell settorjali għandha tkun daqs is-somma tad-data tas-subsettur, ħlief għall-entrati li jkopru dħul mill-proprjetà, trasferimenti kurrenti oħrajn u trasferimenti ta’ kapital, li huma kkonsolidati. Għal dawn l-aħħar entrati u, konsegwentement, id-dħul totali u n-nefqa totali, is-somma tas-subsetturi għandha taqbeż il-valur tas-settur.

It-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali jikkorrispondu għad-dħul soġġett għal imposti (fi flus jew in natura) mill-gvernijiet lokali, statali u ċentrali, u fondi tas-sigurtà soċjali. Dawn l-imposti (ġeneralment imsejħa taxxi) huma organizzati fi tliet oqsma ewlenin, koperti mill-intestaturi li ġejjin:

  • taxxi fuq l-introjtu u l-ġid, eċċ. inklużi l-pagamenti obbligatorji u mhux reċiproki kollha imposti perjodikament mill-amministrazzjoni pubblika fuq l-introjtu u l-ġid tal-intrapriżi u tal-unitajiet domestiċi;
  • taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet, inklużi l-pagamenti obbligatorji u mhux reċiproki kollha imposti mill-amministrazzjoni pubblika fir-rigward tal-produzzjoni u l-importazzjoni ta’ oġġetti u servizzi, l-impjieg ta’ ħaddiema, is-sjieda jew l-użu ta’ art, bini jew assi oħrajn użati fil-produzzjoni;
  • kontribuzzjonijiet soċjali netti, inklużi l-kontribuzzjonijiet soċjali attwali ta’ dawk li jħaddmu u tal-unitajiet domestiċi kollha, il-kontribuzzjonijiet soċjali imputati li jirrappreżentaw il-kontroparti għall-benefiċċji soċjali mħallsa direttament minn dawk li jħaddmu, kif ukoll żewġ entrati addizzjonali imputati (supplimenti ta’ kontribuzzjonijiet soċjali tal-unitajiet domestiċi u ħlasijiet għal servizzi ta’ skema ta’ assigurazzjoni soċjali).

Kuntest

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali tal-2007-2008 wasslet sabiex jinħolqu sfidi serji għal ħafna gvernijiet Ewropej. It-tħassib ewlieni kien marbut mal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali li jkunu jistgħu jservu r-ripagamenti tad-dejn tagħhom, jieħdu l-azzjoni meħtieġa sabiex jiżguraw li n-nefqa pubblika tagħhom tinġieb taħt kontroll, filwaqt li fl-istess ħin jipprovaw jippromwovu t-tkabbir ekonomiku.

Id-dixxiplini tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (il-PST) huma maħsuba sabiex iżommu l-iżviluppi ekonomiċi fl-UE u, b’mod partikolari, fil-pajjiżi taż-żona tal-euro, ġeneralment sinkronizzati. Barra minn hekk, il-PST huwa maħsub sabiex jipprevjeni lill-Istati Membri tal-UE milli jieħdu miżuri ta’ politika li minnhom jibbenefikaw indebitament l-ekonomiji tagħhom stess għas-spejjeż tal-oħrajn. Hemm żewġ prinċipji ewlenin għall-PST: jiġifieri, li d-defiċit (ippjanat jew attwali) ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG u li l-proporzjon ta’ dejn għall-PDG ma jkunx aktar minn (jew għandu joqrob lejn) 60 %. Il-PST issaħħaħ sostanzjalment fl-2011, l-istess bħall-governanza ekonomika tal-UE b’mod ġenerali.

Kull sena, l-Istati Membri tal-UE jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea b’informazzjoni dettaljata dwar il-politiki ekonomiċi tagħhom u l-istat tal-finanzi pubbliċi tagħhom. Il-pajjiżi taż-żona tal-euro jipprovdu din l-informazzjoni fil-kuntest tal-programmi ta’ stabbiltà, filwaqt li Stati Membri oħrajn jagħmlu dan fil-forma ta’ programmi ta’ konverġenza. Il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta jekk il-politiki humiex konformi mal-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali miftiehma u tista’ tagħżel li toħroġ twissija jekk temmen li defiċit jogħla b’mod anormali. Din l-azzjoni tista’ twassal sabiex il-Kunsill isib l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv, li jirrikjedi li tiġi stabbilita data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tiegħu.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Statistika dwar il-finanzi tal-gvern (EDP u ESA 2010) (t_gov_gfs10)
Statistika dwar il-finanzi tal-gvern (EDP u ESA 2010) (gov_gfs10)
Obbligazzjonijiet kontinġenti tal-gvern u obbligi potenzjali (gov_cl)