breadcrumb.ecName

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: appoġġ lill-bliet u liċ-ċittadini għal inizjattivi lokali

  • 30 March 2022
Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: appoġġ lill-bliet u liċ-ċittadini għal inizjattivi lokali

Illum, il-Kummissjoni ħabbret tliet sejħiet ġodda biex il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) issir realtà fil-prattika. L-appoġġ huwa maħsub speċifikament għaċ-ċittadini, il-bliet u l-irħula biex il-proġett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jidħol fil-fond tal-komunitajiet tagħhom.

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Il-politika ta' koeżjoni tinsab f'pożizzjoni ideali biex tappoġġa l-muniċipalitajiet fi bliet żgħar u rħula li għandhom sa 100,000 abitant biex jiżviluppaw proġetti lokali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida mal-komunitajiet tagħhom. Bl-ewwel sejħa tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida speċifikament fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni, qed noffru l-kapaċità teknika meħtieġa għal proġetti multidixxiplinari u ta' valur għoli li jġibu s-sostenibbiltà, l-estetika u l-inklużività lin-nies lokali, u nittamaw li din tispira ħafna aktar proġetti bħal dawn fil-futur.”

It-tielet u l-aħħar sejħa, “Appoġġ għall-Inizjattivi Lokali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida”, tipprovdi assistenza teknika lill-muniċipalitajiet żgħar u medji, li m'għandhomx il-kapaċità jew biżżejjed għarfien espert biex iwettqu l-ideat tagħhom għal proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. 20 kunċett ta' proġetti bbażati fuq il-post li jintgħażlu mis-sejħa se jibbenefikaw minn appoġġ imfassal apposta fil-prattika, ipprovdut minn grupp ta' esperti interdixxiplinari biex jissawru l-kunċetti fuq il-linji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Għalhekk, l-appoġġ mill-politika ta' koeżjoni huwa maħsub biex jgħin jintroduċi approċċ ibbażat fuq il-post għall-inizjattivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-livell reġjonali u lokali, u biex jinvolvi lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri jniedu aktar proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-livell nazzjonali.

L-għarfien u t-tagħlimiet meħuda matul dan il-proċess se jikkontribwixxu għal “kaxxa tal-għodda” mmirata lejn muniċipalitajiet oħra kif ukoll lejn il-pubbliku usa' li jkun interessat li jiżviluppa proġetti ġodda tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-prattika jew li jirreplika dawk eżistenti. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jiffinanzja l-assistenza teknika lill-muniċipalitajiet. Din tista' tieħu l-forma ta' għarfien espert metodoloġiku, tekniku, regolatorju, finanzjarju u soċjoekonomiku mfassal apposta pprovdut mit-tim ta' esperti fil-prattika li se jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tal-kunċetti tal-proġetti mill-muniċipalitajiet, kif ukoll sett ta' għodod għas-sidien tal-proġetti futuri. L-iskadenza għas-sottomissjonijiet hija t-23 ta' Mejju 2022 fil-17:00 CEST.

Sfond

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida hija proġett ambjentali, ekonomiku u kulturali, li għandu l-għan li jgħaqqad id-disinn, is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u l-investiment, sabiex jgħin biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, li tnediet mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha tal-Istat tal-Unjoni tal-2020, kienet tfasslet flimkien ma' eluf ta' nies u organizzazzjonijiet minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.

Aktar informazzjoni