breadcrumb.ecName
mt Malti

Il-proġett tas-separazzjoni tal-iskart u riċiklaġġ jappoġġja lir-residenti Maltin għal SortItOut

  • 27 October 2021

Ir-residenti tal-Gżejjer ta’ Malta kienu appoġġjati biex inaqqsu r-rimi f'miżbliet u jżidu r-riċiklaġġ permezz ta’ SortItOut. Il-proġett iffinanzja tagħmir għall-familji biex jisseparaw l-iskart organiku, il-ħġieġ, prodotti riċiklabbli, skart residwu u sanitarju għal proċessar aktar intelliġenti. Ġew stabbiliti faċilitajiet għall-ġbir separat ta’ materjal riċiklabbli ieħor jew li jagħmel il-ħsara u kampanja edukattiva għallmet lil-pubbliku, speċjalment lit-tfal kif jużawhom. In-nies huma iktar konxji dwar kif l-iskart jiġi użat mill-ġdid u qed jisseparawh għal ekonomija iktar sostenibbli u ċirkolari.

Dan il-proġett ipprova jżid ir-riċiklaġġ u jiddevja l-iskart organiku mill-miżbla billi jipprovdi faċilitajiet għas-separazzjoni tal-iskart fis-sors. Kampanja qawwija edukakattiva saħħet is-sensibilizzazzjoni tar-residenti u stimulat ċaqliq lejn ġestjoni ta’ skart sostenibbli.

Matthew Muscat, Mexxejj tal-Proġett, WasteServ Malta

Kampanji tal-media, gwida mill-kumpanija tal-ġestjoni tal-iskart ta’ Malta, WasteServ, u attivitajiet tal-iskola qasmu informazzjoni dwar għaliex u kif tiddisponi mill-iskart separat. Il-familji rċivew kontenitur ventilat u boroż kompostabbli tal-kontenituri għall-iskart organiku u kontenituri kodifikati b’kulur għal skart ieħor.

L-ispiżeriji għandhom kontenituri apposta biex jiġbru mediċini qodma għar-rimi bla periklu waqt li trakkijiet speċjalizzati jiġbru flussi ta’ skart separat kull xahar u jżuru kull lokalità f’Malta u f’Għawdex. Il-proġett wassal għal żieda qawwija ta’ segregazzjoni tal-iskart u aġġornamenti għat-tagħmir tal-ipproċessar tal-iskart biex jagħtu spinta lir-riċiklaġġ.

Tagħmir għas-separazzjoni fid-djar

Il-kontenituri li ngħataw lill-familji kienu offruti wkoll lil negozji mikro, NGOs, istituzzjonijiet edukakattivi u istituzzjonijiet residenzjali. Settijiet ta’ erba’ kontenituri kodifikati bil-kulur u li joqgħodu fuq xulxin tqassmu biex jgħinu lir-residenti jisseparaw minn qabel skart imħallat (karta, kartun, plastik u metall), ħġieġ, skart sanitarju u skart imħallat.

Biex il-ġbir ikun iktar konvenjenti, WasteServ xtrat ħames trakkijiet b’kompartimenti għal flussi varji ta’ skart bħal żejt tat-tisjir, plastik, tessuti u ħġieġ, li jżuru kull lokalità darba fix-xahar.

It-tagħmir kien sostnut minn kampanja tal-informazzjoni fuq it-TV, ir-radju, fil-gazzetti u l-media soċjali, fuq billboards, fuljetti u karozzi tal-linja. Rappreżentanti tal-WasteServ kienu disponibbli biex jagħtu pariri fuq bażi individwali dwar ir-rimi responsabbli tal-iskart.

Momentum sostenibbli

Kontenituri li jissakkru li ntbagħtu lill-ispiżeriji taw lill-familji mod sikur kif jarmu l-mediċini skaduti. Din il-miżura hijamistennija tgħin tiffranka EUR 50 000 mill-ispejjeż tat-trattament tal-ilma mormi kull sena.

Mill-bidu tal-kampanja SortItOut f’Ottubru 2018 sa Diċembru 2021, ’il fuq minn 81,600 tunnellata ta’ skart organiku inġabru, iktar skart ieħor qed ikun riċiklat u l-familji qed jiġġeneraw inqas skart mhux separat. Tagħmir għas-separazzjoni tal-iskart qed jiġi aġġornat biex jiżdied l-iskart xott ipproċessat għal riċiklaġġ minn 550 tunnellata għal 700 tunnellata kull ġimgħa.

WasteServ qed tibni fuq dan il-momentum għal ekonomija iktar ċirkolari bi pjanijiet għal erba’ Ċentri għall-Użu mill-Ġdid li joffru oġġetti użati u “maħbuba” u ċentru interattiv edukattiv biex tgħallem lit-tfal dwar il-ġestjoni tal-iskart.

Investiment totali u finanzjament tal-UE

L-investiment totali għall-proġett “SortItOut” huwa ta’ EUR 9 955 937, fejn il-Fond Ewropew għall-Koeżjoni tal-UE jikkontribwixxi EUR 6 901 254 permezz tal-Programm Operattiv “Inrawmu ekonomija kompetittiva u sostenibbli biex nilħqu l-isfidi tagħna” għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-investiment jaqa’ taħt il-prijorità “Ninvestu f’soċjetà aktar favur l-ambjent”.