breadcrumb.ecName
mt Malti

Aġġornament tal-mapep u d-data spazjali ta’ Malta: għodda l-aktar avvanzata għall-gvern u ċ-ċittadini

  • 03 February 2020

Proġett f’Malta ffinanzjat mill-UE ser jissimplifika l-immaniġġjar tad-data u ser juża sistemi f’ħin reali biex jagħmel l-informazzjoni governattiva għall-ippjanar tal-bliet iktar aċċessibbli għall-utenti esterni. Billi jikkonsolida d-data spazjali u jaqsamha b’mod wiesgħa, dan il-proġett jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku, is-sostenibbiltà  u l-benessri ta’ Malta.

L-iżvilupp ta’ strateġija biex tinforma dwar l-użu ta’ informazzjoni spazjali għall-benefiċċju tas-soċjetà huwa l-element fundamentali tal-proġett. B’kollox, 40 entità governattiva kienu involuti f’dan il-proċess kollaborattiv biex jiġi assigurat li filwaqt li d-data tinġabar darba biss, tista’ tintuża’ minn kwalunkwe ċittadin għas-snin li ġejjin.

Daniela Grech, Kap Koordinatur, Diviżjoni tal-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prioritajiet

Ġeografikament Malta hija pajjiż żgħir, imma għaddiet minn bosta snin ta’ żvilupp urban. Madwar 95 % tas-superfiċje ta’ 316 km tagħha huwa urbanizzat. Sfortunatament, l-entitajiet governattivi Maltin mhux dejjem kellhom aċċess għall-istess informazzjoni dwar l-ippjanar tal-bliet, li wasal għal teħid ta’ deċiżjonijiet ineffiċjenti. 

Permezz ta’ apparat tal-immappjar ta’ teknoloġija għolja, il-proġett SIntegraM qed jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika, lill-akkademiċi, liċ-ċittadini u lil komunità kummerċjali stampa kompluta tal-ġeografija u l-infrastruttura  tal-pajjiż. Il-qliegħ fuq l-investiment tal-proġett huwa stmat għal madwar 3.5 drabi iktar minn kemm qam. 

Servizz ta’ mapep 3D f’ħin reali 

Mapep aġġornati ta’ Malta ilhom żmien ma’ jsiru. Hemm nuqqas ta’ allinjament u informazzjoni differenti ħafna bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. L-ICT huwa meqjus essenzjali għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta u l-istrateġija diġitali tal-pajjiż turi li s-servizzi governattivi jridu jiġu mfassla madwar il-bżonnijiet tan-nies. SIntegraM ifisser Żvilupp ta’ Integrazzjoni tad-Data Spazjali fil-Gżejjer Maltin u ser jaġġorna l-mapep ta’ Malta b’approċċ ibbażata fuq l-evidenza li taqsam l-informazzjoni b’mod ħieles. 

Drones u kameras armati fil-karozzi qed jintużaw biex jimmappjaw it-topografija tal-gżejjer u tal-ibħra madwarha. Oġġetti taħt il-baħar ser jiġu studjati u l-esperti ser ikejlu l-fond tal-ilma fl-ibħra, fix-xmajjar u fil-lagi ta’ Malta. L-ippjanar urbanistiku qed jiġi analizzat ħalli n-netwerks tad-drenaġġ u karatteristiċi oħra taħt l-art jistgħu jiġu integrati fis-settijiet tad-data.

Hekk kif tinġabar, id-data ser tiġi pproċessata minn software kapaċi li jrendi mapep 3D f’ħin reali. Dan l-approċċ huwa magħruf bħala sistemi ta’ informazzjoni ġeografika (GIS). Id-data u l-mapep huma disponibbli online permezz tal-ġeoportal tal-proġett.

F’każ ta’ emerġenza 

Dawn il-mapep ġodda huma imprezzabbli f’każ li jkun hemm diżastru naturali bħal terremot jew tsunami, fejn id-data tkun tista’ tiġi użata biex nirrispondu effettivament għal xi emerġenza jew għar-rikostruzzjoni ta’ wara. L-informazzjoni kollha miġbura qed tinżamm b’mod sigur ħalli tkun aċċessibbli f’każ ta’ qtugħ fin-netwerks tal-kommunikazzjoni.

Dipartimenti ġodda tal-gvern f’Malta qegħdin jużaw il-GIS fejn qatt qabel ma użaw sistema bħal din. Il-proġett ser jintemm fl-2020 iżda għandu impatt u valur fit-tul. Pereżempju, ħoloq linja ta’ karrieri speċjalizzati mal-Gvern Malti bbażati fuq kwalifiki spazjali.

Il-benefiċċju ekonomiku nett ġie stmat li jiswa EUR 24 168 600 minħabba l-għadd kbir ta’ utenti li jistgħu jibbenefikaw mil-GISSIG. Dawk li jfasslu l-politika u n-negozjanti issa għandhom l-għodda biex jippjanaw u jimplimentaw proġetti li jeħtieġ ir-reġjun u l-kommunitajiet tiegħu.

Investiment totali u finanzjament mill-EU

L-investiment totali fil-proġett “SIntegraM - Żvilupp ta’ Integrazzjoni tad-Data Spazjali fil-Gżejjer Maltin” huwa ta’ EUR 7 000 000, bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE jikkontribwixxi EUR 4 000 000 permezz tal-Programm Operazzjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 “Trawwim għal ekonomija kompetittiva u sostenibbli biex nilħqu l-isfidi tagħna”. L-investiment jaqa’ taħt il-prijorità “żvilupp urban sostenibbli”.