breadcrumb.ecName
mt Malti

Rinnovazzjoni taċ-Ċittadella storika ta’ Malta f’Għawdex tattira aktar turisti

  • 27 September 2018

Belt iffortifikata antika fuq il-gżira ta’ Għawdex, Malta, ġiet irrestawrata bl-għajnuna ta’ finanzjament mill-UE. Ċentru ġdid tal-viżitaturi u titjib fl-aċċessibilità qegħdin jgħinu biex jattiraw aktar turisti lejn dan l-għeliem impressjonanti, li kien waqa’ fi stat ħażin għal bosta deċennji.

Dan il-proġett ta’ restawr ta ħajja mill-ġdid liċ-Ċittadella ta’ Għawdex u żied mal-identità kulturali tal-gżira. Dan tejjeb ukoll it-turiżmu u żied b’mod sinifikanti l-esperjenza globali għall-viżitaturi.

John Cremona, Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, Uffiċċju tal-Amministrazzjoni taċ-Ċittadella

Iċ-Ċittadella t’Għawdex hija viżibbli mill-gżira kollha. Il-passat u l-arkitettura militari tagħha jagħmluha post ta’ importanza storika u kulturali kbira. Hija wkoll l-ambjent għal bosta speċi rari ta’ flora u fawna. Minkejja dawn il-karatteristiċi, il-potenzjal sħiħ tagħha bħala destinazzjoni turistika baqa’ fil-parti l-kbira tiegħu mhux sfruttat.

Skema komprensiva

Il-proġett involva r-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ strutturi interni fil-ħitan taċ-Ċittadella. Ix-xogħol li sar kien jinkludi:

il-bini mill-ġdid tal-faċċati tal-bini pubbliku kollu;ir-riabilitazzjoni tal-pjazza tal-Katidral;il-ħolqien ta’ passaġġi aċċessibbli fis-sit kollu;il-konverżjoni ta’ ġibjun tal-ilma li ma kienx jintuża f’ċentru tal-viżitaturi; uir-restawr ta’ triq ta’ aċċess u l-installazzjoni tad-dawl.

Barra minn hekk, Mużew tal-Folklor eżistenti nbidel f’dar storika li tipprovdi ħarsa lejn il-ħajja fiċ-Ċittadella matul is-Seklu 17. Il-proġett tejjeb ukoll l-aċċessibilità għal persuni bi problemi fiżiċi. Is-sostituzzjoni tat-taraġ b’rampi u lifts għamlet aktar minn 60 % tas-sit aċċessibbli għal kulħadd.

Żieda fin-numri

Il-konverżjoni tal-ġibjun l-antik f’ċentru tal-interpretazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku pprovdiet liċ-Ċittadella b’attrazzjoni ġdida ewlenija li tinkoraġġixxi lin-nies jestendu ż-żmien kemm idumu hemm. Panelli interpretattivi multilingwi, pjattaformi multimedjali ta’ livell għoli ta’ teknoloġija u esebizzjoni 3D li tenfasizza l-istorja taċ-Ċittadella kollha qegħdin jgħinu biex jarrikkixxu l-esperjenza tal-viżitatur. 

Jidher li r-rinnovazzjoni hija popolari man-nies. Sħarriġ riċenti wera li n-numru ta’ turisti li żaru s-sit irrestawrat fl-2016 żdied b’madwar 29 %, meta mqabbel mas-6 % imbassra. Barra minn hekk, 97 % tal-viżitaturi qiesu l-esperjenza globali tagħhom bħala tajba jew tajba ħafna.

L-operaturi ekonomiċi lokali wkoll huma kuntenti bit-titjib, bil-klassifikazzjonijiet ta’ sodisfazzjoni li żdiedu minn 48 % għal 86 %. Xi negozji lokali saħanstira estendew is-sigħat tal-ftuħ tagħhom biex ilaħħqu mal-influss ġdid ta’ viżitaturi.

Skema li rebħet premjijiet

Il-proġett rebaħ bosta premjijiet tal-arkitettura li jinkludu l-Prix d’Honneur 2016 għal proġetti ta’ riġenerazzjoni maġġuri; il-Premju tal-Periti ta’ Malta 2016 għall-bini pubbliku; u l-Premju tal-Periti ta’ Malta 2016 għal proġetti ta’ riabilitazzjoni u konservazzjoni. 

Barra minn hekk, l-esebizzjoni 3D attirat ukoll titoli ta’ ppremjar internazzjonali maġġuri bħal: iċ-Ċertifikat ta’ Eċċellenza ta’ Trip Advisor għall-2017; l-Aħjar Għażla ta’ Attrazzjoni Turistika 2017 minn Lian Org għall-pajjiżi Asjatiċi: u l-Aħjar Tema għal Premju ta’ Divertiment f’California.

Benefiċjarji

“Minn meta tlesta l-proġett taċ-Ċittadella, in-numru ta’ viżitaturi u l-attività kummerċjali fil-forti rrestawrat żdiedu b’mod konsiderevoli. L-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl ġdid tippermetti lill-viżitaturi jippassiġġaw madwar iċ-Ċittadella ġġenerata mill-ġdid u jgawdu l-veduti impressjonanti ta’ Għawdex anki wara nżul ix-xemx. Bħala suq kummerċjali li jopera fil-parti ta’ ġewwa tal-forti, iddeċidejna li nestendu s-sigħat tal-ftuħ normali tagħna għal tard ħafna sabiex ingawdu u nibbenifikaw minn dan il-fluss ġdid ta’ viżitaturi."

 

Ricardo Zammit, sid tar-ristorant Ta’ Rikardu

 

“Bla dubju, l-esperjenza globali tal-viżitaturi fiċ-Ċittadella – kemm għall-barranin kif ukoll għan-nies tal-lokal – tjiebet ħafna fis-snin riċenti mgħoddija.  Heritage Malta timmaniġġja erba’ mużewijiet u siti ġewwa l-ħitan taċ-Ċittadella, u nistgħu ngħidu li l-viżitaturi qed ikollhom żjara pjaċevoli qabel jaslu sal-bibien tagħna. Bis-saħħa tal-Proġett Cittadella ERDF 246, ġew skoperti diversi fdalijiet arkeoloġiċi filwaqt li siti storiċi abbandunati oħrajn ġew irrestawrati u ġġenerati mill-ġdid. Barra minn hekk, wieħed mill-mużewijiet ta’ Heritage Malta – id-Dar Storika tal-Gran Kastell – ibbenifika direttament minn fondi tal-istess proġett, b’titjib fil-faċilitajiet tal-interpretazzjoni ġol-mużew. L-attrazzjonijiet kollha issa saru parti minn esperjenza olistika waħda. In-numru tal-viżitaturi wkoll żdied b’mod konsiderevoli minħabba numru ta’ fatturi kkombinati.”

 

Nicoline Sagona, Maniġer, Mużew u Siti ta’ Għawdex, Heritage Malta

Investiment totali u finanzjament mill-UE 

L-investiment totali għall-proġett “Riabilitazzjoni u restawr taċ-Ċittadella Għawdex” huwa ta' EUR 14 873 403, bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE li kkontribwixxa EUR 12 167 295 permezz tal-Programm Operazzjonali “Investiment fil-Kompetittività għal Kwalità ta' Ħajja Aħjar” għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. L-investiment jaqa’ taħt il-prijorità “Il-Promozzjoni ta’ Turiżmu Sostenibbli”.