breadcrumb.ecName
mt Malti

Infrastruttura ġdida għall-prevenzjoni tal-għargħar tgħin tipproteġi lil Malta mill-ħsara kkawżata mill-maltempati

  • 11 February 2019

Qabel il-Proġett Nazzjonali għas-Solliev mill-Għargħar (NFRP) iffinanzjat mill-UE, Malta ma kellhiex sistema adegwata għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita. Grazzi għad-diversi sforzi mill-NFRP, illum il-pajjiż jibbenefika minn netwerk ta’ mini taħt l-art, kanali u pontijiet li jipprovdu lill-gżejjer Maltin bi skular xieraq tal-ilma tax-xita.

L-implimentazzjoni tal-NFRP kienet katalista għar-riġenerazzjoni tan-negozji f’żoni bħal Triq il-Wied f’Ħal Qormi u Triq il-Wied f’Birkirkara u fl-Imsida li, qabel l-implimentazzjoni tal-NFRP, tant kienu fi stat ħażin li wassal biex in-negozji jabbandunaw dawn iż-żoni li spiss kienu jisfaw milquta mill-għargħar.

Carmel Mifsud Borg, Kap tal-Proġett tal-NFRP (Proġett Nazzjonali għas-Solliev mill-Għargħar)

Biex jgħin biex tittaffa aħjar il-problema tal-għargħar fil-gżejjer Maltin, l-NFRP implimenta infrastruttura komprensiva għall-iskular tal-ilma tax-xita. Is-sistema, li tkopri territorju ta’ 65 km2 u disa’ lokalitajiet, hija mfassla b’tali mod li tista' tiġi faċilment aġġornata sabiex jiġu indirizzati aħjar l-effetti futuri tat-tibdil fil-klima – li jistgħu jolqtu lil Malta b’mod partikolarment ħażin. B’mod ġenerali, madwar 165 000 abitant u utent jibbenefikaw mis-sistema.   

Konnessjonijiet taħt l-art

Il-proġett jikkonsisti f’ħames komponenti ewlenin, b’kull wieħed jindirizza l-problemi kkawżati minn għargħar kbir, tat-tip li jseħħ darba kull ħames snin. Kull komponent jinsab fit-tliet żoni ta’ qbid tal-ilma ta’ Malta, b’benefiċċju dirett għal-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħal-Lija, Ħal Balzan, Birkirkara, l-Iklin, l-Imsida, il-Marsa, Ħal-Qormi, Ħaż-Żebbuġ, il-Gżira, Ħaż-Żabbar u Marsaskala.  

L-akbar komponent, f’B’Kara-Ta’ Xbiex, jinkludi kanali li jilqgħu l-ilma tax-xita mit-triq. Dawn il-kanali huma mqabbdin ma’ interċetturi li jaqbdu ż-żjut u ż-żrar li jkun hemm fit-toroq qabel ma l-ilma jinżel fil-mina li, min-naħa tagħhom, huma mqabbdin ma’ sistema ta’ mini taħt l-art li tiġbor l-ilma tax-xita li jkun ġej mill-irħula lokali u ġġorru lejn il-baħar permezz ta’ żbokk f’Ta’ Xbiex. It-tul totali tal-mina bejn B’Kara u Ta’ Xbiex huwa ta’ madwar 11 km, b’dijametru ta’ bejn 3m u 7m u f’fond ta’ bejn 8m u 52m taħt l-art.

Komponent ewlieni ieħor tal-proġett huwa l-bini ta’ ġibjun fil-Gżira li kapaċi jilqa' fih 10 000 cm ta’ ilma tax-xita, li nbena b’tali mod li jippermetti l-ilma li jiġbor jipperkola taħt l-art. Għandu overflow imqabbad ma’ mina taħt l-art twila 778m li hija mqabbda mal-mina bejn B’Kara u Ta’ Xbiex biex iġġorr l-ilma tax-xita lejn il-baħar. Madankollu, ftit mill-ilma jinġabar, jiġi ttrattat u jerġa’ jintuża. Ir-riċerkaturi jqisu li permezz ta' dan il-ġibjun, madwar 300 000 metru kubu ta’ ilma tax-xita jista’ jiġi pperkolat lejn l-akwifer lokali.

Il-proġett bena wkoll pont ġdid b’ark waħda biex jissostitwixxi t-tliet pontijiet individwali li kienu twaqqgħu sabiex jittejjeb il-fluss tal-ilma. Fattur ieħor itaffi l-problemi ta’ għargħar li qabel kienu jolqtu l-parti t’isfel ta’ Ħaż Żabbar u t-toroq fiċ-ċentru ta’ M’Skala. Hawnhekk, il-proġett bena kanali ta’ interċettazzjoni fit-toroq għall-ilma tax-xita li huma mqabbda ma’ sistema ta’ mini taħt l-art li jiġbru l-ilma tax-xita miż-żoni ta’ fuq ta’ Ħaż-Żabbar u jġorruh lejn żbokk fil-kosta bejn ix-Xgħajra u M’Skala.

Approċċ olistiku

Il-proġett indirizza b’suċċess il-problema tal-għargħar f’Malta b’mod olistiku, kemm fil-livell taż-żoni ta’ qbid kif ukoll f'dak reġjonali, permezz tal-bini ta’ infrastruttura li kapaċi timmaniġġja l-ilma tax-xeba’ minn diversi żoni ta’ qbid. Bħala riżultat, l-NFRP kiseb kosteffettività u effiċjenza idrawlika akbar filwaqt li ġie ottimizzat ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni għall-konservazzjoni tal-ilma fil-futur.

Indirizza wkoll id-dimensjoni istituzzjonali tal-problema tal-għargħar billi inkorpora miżuri li saħħew ir-responsabbiltajiet eżistenti ta’ ppjanar, ta’ mmaniġġjar u ta’ manutenzjoni billi implimenta organizzazzjoni identifikabbli u aktar formali għall-prevenzjoni u għall-immaniġġjar tal-għargħar.

Investiment totali u finanzjament mill-UE

L-investiment totali għall-proġett “Proġett Nazzjonali għas-Solliev mill-Għargħar” huwa ta’ EUR 54 000 000, b’kontribuzzjoni ta’ EUR 43 900 000 mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE permezz tal-programm "Investiment fil-Kompetittività għal Kwalità ta' Ħajja Aħjar” għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.