breadcrumb.ecName
mt Malti

Impjant tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku li jittratta skart muniċipali mħallat

  • 26 November 2014

Proġett ta’ investiment f’Malta li għandu l-għan li jindirizza r-rimi f’miżbliet bħala parti minn programm usa’, li b’hekk jgħin sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE u jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda.

Il-bini ta’ impjant tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku (MBT) ġdid ser jippermetti lil Malta sabiex tnaqqas ir-rimi tal-iskart muniċipali bijodegradabbli f’miżbla, u b’hekk jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri tad-Direttiva tal-UE dwar il-Miżbliet. L-impjant tal-MBT huwa l-ewwel parti minn proġett ikbar, bit-tieni parti li tikkonsisti fit-trattament ta’ demel fl-istess faċilitajiet, permezz ta’ tagħmir adegwat.

L-impjant tal-MBT ser jikkonsisti f’impjant tat-trattament mekkaniku, impjant bijoloġiku b’faċilitajiet ta’ diġestjoni anaerobika (AD), li ser jippermetti l-frazzjoni organika tal-iskart tad-djar, u unità li fiha jinħażen il-gass biex jiġi ttrattat il-bijogass u tiġi ġġenerata l-enerġija. L-impjant tal-MBT ser jinkludi: pretrattament tal-iskart, faċilitajiet ta’ trattament u post-trattament; spazju ta’ ħżin; sistema ta’ rkupru u ħżin għal sħana eċċessiva; u kamra ta’ kontroll, laboratorji u faċilitajiet tal-persunal ġenerali.

Proġett ta’ riċiklaġġ tal-iskart li jkattar it-tkabbir ekonomiku

Dak li ser jibbenefika l-iktar mill-proġett huwa l-poplu Malti inġenerali, u b’mod iktar speċifiku l-59 500 ruħ li jgħixu fit-Tramuntana ta’ Malta. Huwa mistenni li jkun ta’ ġid għall-ekonomija lokali u t-turisti wkoll. Peress li ser iwassal għal użu aħjar tal-art, huwa mistenni li jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija lokali wkoll, inklużi s-setturi tat-turiżmu u tar-rimi u l-użu mill-ġdid tal-iskart.

L-impjant tal-MBT għandu jinbena fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, f’żewġ siti tal-Kumpless Ambjentali tal-Magħtab. Il-bini mistenni jitlesta sa Ottubru 2015.

Huwa stmat li l-proġett ser joħloq 170 impjieg matul l-implimentazzjoni tiegħu, u 44 impjieg ladarba jibda jaħdem.

Investiment totali u finanzjament mill-UE

L-investiment totali għall-proġett “Twaqqif ta’ Impjant tat-Trattament Mekkaniku u Bijoloġiku fit-Tramuntana ta’ Malta” huwa ta’ EUR 59 243 056, li EUR 26 700 334 minnhom qed jikkontribwixxihom il-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE mill-Programm Operattiv “Investiment fil-Kompetittività għal Kwalità ta’ Ħajja Aħjar” għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007 sal-2013 taħt l-assi prijoritarju “Ambjent”.